Produzzjonijiet teatrali għar-rebbiegħa fi Spazju Kreattiv
Din ir-rebbiegħa Spazju Kreattiv se jospita sensiela eċitanti ta’ produzzjonijiet teatrali, li joffru wirjiet li jqanqlu l-ħsieb u li huma soċjalment rilevanti

Din ir-rebbiegħa Spazju Kreattiv se jospita sensiela eċitanti ta’ produzzjonijiet teatrali, li joffru wirjiet li jqanqlu l-ħsieb u li huma soċjalment rilevanti. Il-produzzjoni li kisbet suċċess internazzjonali u rebħet bosta premji, ‘Blanket Ban’, fl-aħħar se tittella’ għall-ewwel darba f’Malta, flimkien mat-traduzzjoni tax-xogħol klassiku tat-teatru ‘Is-Siġġijiet’ u x-xogħol ġdid ‘Il-Manifest tal-Qlub Maqsuma’. Dawn il-produzzjonijiet, filwaqt li huma distinti fin-narrattiva tagħhom, jingħaqdu fl-esplorazzjoni ta’ temi soċjali kritiċi, mit-taqlib politiku għal taħbit eżistenzjali u d-diskors li għaddej bħalissa dwar id-drittijiet riproduttivi.
‘Blanket Ban’', il-produzzjoni li kisbet suċċess internazzjonli u rebħet bosta premji, b’kitba u sehem ta’ Davinia Hamilton u Marta Vella, tesplora r-riperkussjonijiet tal-liġijiet tal-abort stretti ta’ Malta. Permezz ta’ riċerka u intervisti estensivi, din il-biċċa xogħol teatrali verbatim tiddokumenta stejjer u esperjenzi mill-ħajja reali, tħeġġeġ lill-udjenzi jirriflettu fuq trawmi personali u narrattivi emozzjonali li jaffettwaw id-deċiżjonijiet tan-nisa. B’mod simili, ‘Il-Manifest tal-Qlub Maqsuma’ minn Josue u Miguel Formosa tistħarreġ mument kruċjali ieħor fl-istorja ta’ Malta, it-taqlib politiku tal-aħħar tat-tmeninijiet. Mill-perspettiva fittizja tal-protagonist, id-dramm iżur mumenti ewlenin mill-1987, filwaqt li jieħu lill-udjenzi lura għall-ġimgħa kruċjali li twassal għall-inċident infami f’Tal-Barrani fl-1986. Iż-żewġ produzzjonijiet jenfasizzaw il-piż tad-deċiżjonijiet politiċi fuq il-ħajjiet individwali u s-soċjetà, li jagħmilhom xogħlijiet riżonanti ħafna li jisfidaw lill-udjenza tirrifletti fuq il-pożizzjoni tagħha fi ħdan kuntest storiku u soċjali usa’.

Intant, ‘Is-Siġġijiet’, adattata minn ‘The Chairs’ ta’ Eugène Ionesco, bi traduzzjoni ġdida minn Claudine Borg u b’direzzjoni ta’ Lee-N Abela, iżżid dimensjoni oħra mat-temi ġenerali tal-istaġun. Filwaqt li mhijiex espliċitament politika, il-meditazzjoni assurdista tagħha dwar l-eżistenza umana u t-tfittxija għat-tifsira tirrifletti t-taħbit eżistenzjali li hemm fil-produzzjonijiet l-oħra. Hekk kif il-livell tal-ilma qed jogħla u d-dinja ta’ barra qed tikkrolla, raġel u mara jħejju s-siġġijiet għal udjenza mistennija bil-ħerqa. Din l-antiċipazzjoni ta’ messaġġ monumentali finali għall-umanità għandha l-istess urġenza bħal dik preżenti fi ‘Blanket Ban’ u f’‘Il-Manifest tal-Qlub Maqsuma’. Kemm meta jikkunsidraw l-assurdità tal-eżistenza, il-piż tal-istorja, kif ukoll il-ġlieda għall-awtonomija tal-ġisem, it-tliet produzzjonijet kollha jinvolvu l-idea ta’ legat, dak li nħallu warajna, min qed jisma’ u x’jiġri jekk il-vuċijiet ma jinstemgħux.
Il-profondità ta’ dawn il-produzzjonijiet se tkompli tissaħħaħ b’diskussjonijiet wara l-wirjiet li jippermettu lill-udjenzi jkunu involuti aktar direttament mat-temi esplorati. Is-Sibt 15 ta’ Marzu, diskussjoni oħra bit-titlu Making Political Theatre se tesplora s-saħħa tat-teatru bħala għodda għat-tibdil soċjali.
L-istaġun teatrali tar-rebbiegħa ta’ Spazju Kreattiv se joħloq riflessjoni fuq l-esperjenza umana kollettiva tagħna, l-isfidi tagħha, l-istejjer tagħha u l-mistoqsijiet dejjiema tagħha. Permezz ta’ rakkuntar kuraġġuż u wirjiet immersivi, dawn il-produzzjonijiet joffru lill-udjenzi, kemm divertiment, kif ukoll opportunità għal introspezzjoni, djalogu u involviment mal-kwistjonijiet urġenti ta’ żmienna. Għal aktar informazzjoni żur www.kreattivita.org.