Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Geostorm

Atturi Ewlenin:  Gerald Butler;  Jim Sturgess;  Abbie Cornish;  Alexandra Maria Lara;  Ed Harris;  Andy Garcia.

Direttur:  Dean Devlin.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul:109 min.

Ċert.: 12A

Is-snin sebgħin kienu l-epoka tal-films tad-diżastri.  Fil-preżent, bil-bniedem konxju li qed jgħarraq il-klima globali u li jekk ma jiħux ħsieb urġenti ta' din il-ħaġa se jispiċċa biex jeqred il-pjaneta tagħna, l-enfasi ta' dan il-ġeneru ġie ttrasferit kif in-natura tista' tirreagixxi. ‘Geostorm’ juri propju dan, bid-dinja tagħna milquta minn diżastri ta' forza titanika u li ħadd ma jobsorhom. Fid-deżert tal-Afganistan u postijiet oħra ta' sħana simili, maltempati ta' silġ u kesħa tremenda ħallew lill-vittmi ffriżati fil-pożizzjoni li kienu jinsabu fiha meta milquta f'leħħa ta' berqa; minn taħt l-art feġġew nirien qawwija li qerdu kullimkien; mewġiet b'saħħithom ta' kobor enormi invadew bliet u waqqgħu bini anki ‘skyscrapers’, waqt li uragani ta' saħħa li ma titwemminx iħarrbtu l-belt ta' Mumbaj, fl-Indja.  Taħt dawn id-diżastri straordinarji, il-mexxejja tad-dinja jiltaqgħu biex jippruvaw jirranġaw is-sitwazzjoni. B'hekk, jirrikreaw xibka delikata ta’ satelliti biex jikkontrollaw il-klima tad-dinja. Però, xi ħaġa marret żmerċ u din is-sistema sofistikata mibnija biex tipproteġi lill-pjaneta, issa qed tattakkaha. Din il-minaċċja ġejja minn xi mkien. aktarx minn xi konfoffa fuq skala internazzjonali. Ix-xjentist Jake Lawson [Butler], dak li ħoloq din ix-xibka ta' protezzjoni madwar il-globu, jissejjaħ mill-Gvern Amerikan biex forsi jsolvi din id-disfatta, għalkemm kien tkeċċa meta argumenta ż-żejjed f'laqgħa importanti internazzjonali.  ‘Geostorm’ li tfisser maltempata qalila ma' kullimkien, hu mimli effetti speċjali viżwali ta' forza inkredibbli mhux biss fuq l-art, iżda anki fl-ispazju, waqt li jespandi fuq l-aqwa xeni ta' films bħal ‘2012’, ‘The Day After Tomorrow’ u ‘Gravity’.  Jinkludi wkoll sekwenzi ċari ta' splużjonijiet spettakulari u anki azzjoni mħarrka.

 

The Ritual

Atturi Ewlenin:  Rafe Spall;  Arsher Ali;  Robert Collier-James;  Sam Troughton.

Direttur:  David Bruckner.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 94 min.

Ċert.: 15

‘The Ritual’ hu film tal-biża' li jesplora d-dgħufija ta' erbat iħbieb, meta ffaċċati bl-inkwiet, ftit xhur wara li jgħaddu minn trawma li tibqa' stampata ġo fihom u li timliehom b'ansjetà palpabbli u sens ta' ħtija. Dan il-film hu bbażat minn fuq in-novella tal-istess isem, tant stmata, tal-awtur Ingliż Adam Nevill. Wara l-mewt brutali u kiefra ta' wieħed minn sħabhom, erbat iħbieb ta' żmien il-kulleġġ, Luke [Spall], Hutch [Collier-James], Phil [Ali] u Dom [Troughton], għadhom ibatu minn ħolm ikrah ikkaġunat minn dan l-avveniment.  Sitt xhur wara, biex iderru u forsi jinsew, jiddeċiedu li jmorru jimxu 'l ġewwa fix-xagħri tal-Isvezja. Mingħajr l-esperjenza meħtieġa, dawn jintilfu fil-foresta u meta jkun ġej il-lejl isibu kenn ġo kamra iżolata u abbandunata. Meta hemm ġew jiskopru affarijiet ta' xi ritwal sataniku, malajr jargumentaw ma' xulxin u l-ansjetajiet ta' biża' ta' qabel u l-ħolm makabru jerġgħu jfeġġu. Meta matul il-lejl jippruvaw joħorġu minn hemm, iħossu li xi preżenza Malinna qed tosservahom u li mhux se tħallihom jitilqu. ‘The Ritual’ hu pjutost kompetenti għall-ġeneru tiegħu li, fuq kollox, aktar jiffoka fuq l-emozzjonijiet l-aktar inkwetanti u sensazzjonijiet kumplessi.

More in Divertiment