Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Murder On The Orient Express

Atturi Ewlenin: Kenneth Branagh; Michelle Pfeiffer; Johnny Depp; Penelope Cruz; Judi Denċh; Willem Dafoe; Derek Jacobi; Josh Gad.

Direttur: Kenneth Branagh.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 114 min.

Ċert.: 12A.

Il-kittieba Brittanika Agatha Christie [1890-1976], rinomata għan-novelli tagħha ta' misterju bi stejjer kumplessi u b'andament labirintiku, li jissolva kollox fl-aħħar. Ħolqot il-karattru tad-ditektiv Belġjan Hercule Poirot. Atturi bħal Albert Finney u speċjalment David Suchet, b'burdata elegantissima u sofistikazzjoni mpekkabbli f'numru ta' films televiżivi, inkarnaw tassew il-persuna ta' dan l-investigatur. Żgur li wieħed mill-aqwa xogħlijiet tagħha hu ‘Murder On The Orient Express’ miktub fl-1934, fejn il-bravura ta' dan id-ditektiv li jsolvi każ diffiċli u mħawwad għall-aħħar, tirrifletti sewwa fuq storja tassew inġenjuża, waħda mill-aqwa li qatt inkitbu. Wara l-film elaborat tal-1974 tad-direttur Sidney Lumet, issa kien imiss lil Kenneth Branagh biex jerġa' jġib din ix-xarada fuq il-liżar il-kbir. ‘Murder On The Orient Express’ hi produzzjoni opulenti, verament atmosferika, b'fotografija evokattiva, li tibni tensjoni mill-bidu anki b'xi ftit azzjoni, fejn id-direttur stess jinterpreta, din id-darba b'vitalità, il-parti ta' Monsieur Poirot. Dan l-investigatur ikun imsejjaħ biex jipprova jsolvi l-qtil ta' negozjant arroganti fuq ferrovija li titlaq minn Istanbul, it-Turkija lejn il-Punent fl-eqqel tax-xitwa u f'terran mimli silġ. L-assortiment rikk ta' karattri fil-kompartiment lussuż tal-ferrovija kollha kellhom mottiv biex jeħilsu minnu. Kif id-ditektiv se jiskopri min hu? Qatt ma ħadt gost nirkeb ġo ferrovija, f'sala taċ-ċinema, daqs dan il-film minn mindu rajt fuq DVD ‘The Narrow Margin’ tal-1952! Xi xeni fil-bidu huma maħdumin hawn Malta. Titilfuħx!

 

Happy Death Day

Atturi Ewlenin: Jessice Rothe; Israel Broussard; Ruby Modine; Rachel Matthews.

Direttur: Christopher B. Landon.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 96 min.

Ċert.: 15.

‘Celine And Julie Ġo Boating’ [1974] u ‘Groundhog Day’ [1993] huma żewġ films fejn l-azzjoni tirrepeti ruħha ta' spiss. F'tal-ewwel, produzzjoni Franċiża, l-andament joqrob it-tliet sigħat u nofs, waqt li x-xogħol Amerikan kellu l-istess ġurnata xitwija bis-silġ tirrepeti ruħha fuq il-protagonist. ‘Happy Death Day’ hu film tal-biża' u l-qtil dwar ħolma li tirrepeti ruħha b'mod inġenjuż fil-bidu u b'monotonija ta' urġenza kbira fit-tieni nofs. Therese Gelbman [Rothe], imlaqqma Tree, studenta f'kulleġġ, arroganti, pjuttost ardita u egoistika, tkun maqtula f'għeluq sninha. Hi tqum mir-raqda mwerwra u tibda terġa' tesperjenza dawn l-avvenimenti waħda wara l-oħra b'rutina, dejjem b'xi differenzi. Kull darba, il-karattru tagħha jinbidel ftit għall-aħjar u tkun aktar simpatika lejn sħabha. Il-qattiel li jsus warajha bla ħniena jkun liebes maskra tal-‘mascot’ tal-iskola, u biex issib min hu tibda, f'kull ħolma tinvestiga u dejjem telimina s-suspetti. Tgħid fl-aħħar titkixxef min hu qabel ma joqtolha tassew. ‘Happy Death Day’ hu wieħed minn dawk is-‘slasher movies’ immodellat b'xi mod mis-sensiela ‘Scream!’

 

Jigsaw

Atturi Ewlenin: Matt Passmore; Callum Keith Rennie; Cle' Bennett; Laura Vandervoort; Tobin Bell.

Diretturi: The Spierig Brothers.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 92 min.

Ċert.: 18

Is-sensiela ‘Saw’ li għal tlettax-il sena sħaħ nisslet tensjoni, biża', dmija u torturi fuq seba' films li għamlu suċċess konsiderevoli, tidher li m'hemmx waqfien għaliha. Din is-sensiela ġiet imniżżla fil-Guinness Book Of Records bħala l-aktar waħda tal-biża' li għamlet suċċess ma' kull żmien. Il-percimes, John Kramer imlaqqam Jigsaw, li kien marid bil-kanċer, kien jaħtaf lil dawk ħatja ta' xi reat u jpoġġihom f'nassa li min rarament jeħles minnha żgur li se jibqa' mmankat. Dan il-ġenju tas-sadiżmu issa ilu mejjet aktar minn għaxar snin, però fil-produzzjoni ġdida ‘Jigsaw’ il-qtil inġenjuż, b'nases aktar elaborati u sofistikati se jerġgħu jibdew b'regolarità. Wara sensiela ta’ mwiet bl-istil ta' qabel, il-mistoqsija hi: ‘Min qed jokkupa mill-ġdid il-post ta' John Kramer?’ ‘Jigsaw’ hi l-produzzjoni li l-aktar timita u toqrob lejn il-film oriġinali tal-2004. F'dan ix-xogħol ġdid nassistu għall-aktar logħob makabru u nases maħdumin b'intelliġenza u li jaħdmu bir-raġġi ‘laser’. Il-patronċinju ta' Kramer jinsab f'idejn sodi u abbli u fl-istess ħin f'persuna ta' għerf konsiderevoli f'affarijiet malinni.

More in Divertiment