Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Paddington 2

Atturi Ewlenin:  Hugh Bonneville;  Sally Hawkins;  Brendan Gleeson;  Julie Walters;  Hugh Grant; vuċi ta' Ben Whishaw.

Direttur:  Paul King.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 101 min.

Ċert.:  PG

L-ors Peruvjan li sab ruħu fl-istazzjon tal-ferrovija ta' Paddington, Londra,  biex ifittex dar u familja fejn jgħix fil-film ‘Paddington’ [2014], tassew sar maħbub minn kull min ra din il-produzzjoni tant li daħħlet mat-tliet mitt miljun dollari minn madwar id-dinja. Mogħti l-isem Paddington għal-lokal fejn instab, dan l-annimal tassew ħelu, ġentili u simpatiku sab xorti u kenn mal-familja Brown. L-istorja ta' dan l-ors tkompli f'‘Paddington 2’, xogħol tassew addattat għall-festi tal-Milied li resqin fuqna.  Paddington [vuċi ta' Whishaw] tassew daħal fil-ħajja ta' kuljum, rispettat miċ-ċittadini kollha, dejjem moħħu biex jipprova jagħmel il-ġid u jġib il-ferħ, mhux dejjem bl-affarijiet iseħħu kif jixtieq.  Waqt li jkun ifittex rigal addattat għall-maħbuba zija Lucy [Imelda Staunton] li dalwaqt tagħlaq 100 sena, l-ors jiskopri ktieb straordinarju li meta tiftħu tfiġġ xena tipikament Ingliża tax-xmara Thames, b'wieħed mill-pontijiet u vapur, f'ħanut tal-antikitajiet ta' Mr Gruber [Jim Broadbent]. Biex ikun jista' jixtrieh jiddeffes f'ħafna faċendi li jnisslu farsa sħiħa.  Attur lokali rinomat, Phoenix Buchanan [Grant] ukoll tefa' ħarstu fuq dan il-ktieb li meta jinsteraq, Paddington u l-familja Brown jgħaddu minn avventuri ezileranti u movimentati fuq żewġ ferroviji li sejrin maġenb xulxin fl-istess direzzjoni, biex jippruvaw jakkwistawh.  ‘Paddington 2’ ikompli bl-istess fervent divententi tal-film ta' qabel li kien l-aktar wieħed ta' suċċess li mhux ta' xi kumpanija maġġura ta' Hollywood.  Din il-produzzjoni ġdida tista' faċilment tiżboq lil ta' qabilha!

 

A Bad Mom's Christmas

Atturi Ewlenin:  Mila Kunis;  Kristen Bell;  Kathryn Hahn;  Cheryl Hines;  Susan Sarandon;  Christine Baranski;  Peter Gallagher;  Jay Hernandez.

Diretturi:  Jon Kucas u Scott Moore.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 104 min.

Ċert.:  15.

Sorpriżament, fis-sajf tal-2016 wara l-ħruġ ta' ‘Bad Moms’, inħoloq moviment ta' ommijiet li  kkupjaw l-aġir spissjat ta' Amy [Kunis], Kiki [Bell] u Carla [Hahn] li għal xi ħin ħelsu mir-responsabilitajiet tal-familja rispettiva tagħhom biex jirreaġixxu bħal meta' kien għadhom liberi jew agħar.  Is-suċċess wassal għal xogħol ieħor, ‘A Bad Mom's Christmas’.  Din id-darba, dawn it-tliet ommijiet, ftit jiem qabel il-Milied se jsibu ma' wiċċhom lil ommhom li se toqgħod magħhom u naturalment se tisfrattalhom il-pjanijiet kollha li ppreparaw.  Dawn it-tliet nisa ta' mezz'età u anki nanniet, Sandy [Hines], omm Kiki, Ruth [Baranski], omm Amy u Isis [Sarandon], omm Carla, jesibixxu ruħhom b'mod aktar spint u kumpless minn uliedhom li jqanqlu klaxx bejn l-omm u l-bint.  Aktar ma l-ġranet qed igerrbu u joqrob il-Milied, in-nisa bil-familji se jsibu xkiel imbarrazzanti minn ommhom, iżda jridu jsibu mezz kif jagħmlu din il-festa waħda ta' ferħ, allegrija u konċiljazzjoni.  ‘A Bad Mom's Christmas’ hi kummiedja sfrenata, b'xi kliem u azzjoni imbarrazzanti u b'xenarju tassew attraenti, kkulurit u mdawwal ta' dawn il-vaganzi.

 

Breathe

Atturi Ewlenin:  Andrew Garfield;  Claire Foy;  Tom Hollander;  Stephen Mangan;  Jonathan Hyde.

Direttur:  Andy Serkis.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 117 min.

Ċert.: 15

Robin Cavendish [Garfield], raġel avventuruż u kariżmatiku li kien jaħdem fil-Kenja fl-1958, ikun fl-aħjar ta' ħajtu meta ġismu jkun ipparallizzat minn għonqu l-isfel mill-marda tal-polio.  ‘Breathe’, id-debut tal-attur Andy Serkis [il-Gollum ta' ‘The Lord Of The Rings’] bħala direttur, jirrakkonta l-istorja vera li tqanqal ta' dan il-miskin li spiċċa b'respiratur jieħu n-nifs għalih. Permezz ta' devozzjoni għamja u dedikazzjoni kbira minn martu, Diana [Foy] li tneħħieh mill-isptar u anki għajnuna siewja minn ħbiebu, huma jirnexxilhom jgħixu ħajja ordinarja u feliċi kemm jista’ jkun, fost is-sorpriża tat-tobba li kkurawh.  Mhux talli hekk, iżda jiġġieldu wkoll għad-drittijiet ta' persuni oħra milquta bħalu, li huma msakkrin fi sptar. ‘Breathe’, li l-produttur tiegħu hu Jonathan Cavendish, it-tifel stess ta' Robin u Diana, hu xogħol li jmiss il-qlub, ta' kuraġġ sfieq u mħabba li taqbeż kull limiti. Din il-bravura ta' Robin hija simili għal dik ta' Stephen Hawking f'‘The Theory Of Everything’. Andrew Garfield hu tassew impressjonanti, b'vuċi baxxa maħnuqa, rasu dejjem fissa u b'għajnejh li jesprimu volumi.

 

The Confession

Atturi Ewlenin: Dimitri Tatishvili;  Joseph Khvedelidze;  Sophia Sebiskveradze;  Nato Murvanidze.

Direttur:  Zaza Urushadze

Maħruġ minn Side Street Films Eden Cinemas.

Tul: 92 min.

Ċert.:  15

‘The Confession’ hu film interessanti, bis-sottotitoli, mill-Estonja bi storja li żżomlok l-interess ħaj sal-aħħar. Giorgi [Tatishvili], qassis li qabel kien direttur tal-films, jintbghat iservi f'parocca ċkejkna f'raħal qalb il-muntanji.  Mad-deputat tiegħu, Valiko [Khvedelidze], Giorgi jġorr miegħu ħafna DVDs ta' films klassiċi biex jurihom lin-nies u jħajjarhom jattendu l-knisja. L-ewwel film li jagħżlu hu ‘Some Like It Hot’ u l-udjenza mill-ewwel ixebbhu lil Marilyn Monroe ma' Lili [Sebiskveradze], l-għalliema tal-mużika.  Fil-verità, ix-xebh huwa viċin ħafna u malajr Fr. Giorgi jibda jfittex lil din il-mara sabiħa.  Kull meta tkun viċin il-qassis, Lili tipprova tipproġetta lilha nniffisha bħala attrazzjoni qawwija.  B'hekk, il-qassis se jsib li t-tentazzjoni se tkun diffiċli biex jirreżistiha. Xi pjan mistur għandha Lili?  F'ambjent sabiħ naturali tal-kampanja, ‘The Confession’ jiżvolġi f'andament li se jħallik kurjuż sat-tmiem tistenna r-reazzjoni taż-żewġ protagonisti, tmiem li aktarx ma tobsrux.

More in Divertiment