Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

DADDY'S HOME TWO
Atturi Ewlenin: Mark Wahlberg; Will Ferrell; Mel Gibson; Linda Cardellini; John Lithgow; Alessandra Ambrosio.
Direttur: Sean Anders.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 94 min.
Ċert.: U
‘Daddy's Home’ [2015], li sorprizament mar tajjeb ħafna fil-’box office’ poġġa lill-missier iddivorzjat u lir-raġel ġdid tal-omm it-tfal kontra xulxin. Dawn iż-żewġ karattri ta' natural divers u estrem jirrealizzaw li aħjar jaġixxu ta' ħbieb tal-qalb għall-ġid taż-żgħar tagħhom. Is-suċċess welled is-sequel, ‘Daddy's Home Two’ u billi dan ix-xogħol ħareġ ftit qabel il-Milied, din il-festa tiddomina l-andament. Il-missier, Dusty [Wahlberg] u dak tar-rispett, Brad [Ferrell] reġgħu ngħaqdu flimkien biex lit-tfal jipprovdulhom Milied hieni ta' divertiment kbir. Imma, din is-sħubija se tkun ittestjata bil-kbir meta jaslu d-dar in-nanniet irġiel tat-tfal. Missier Dusty, Kurt [Gibson] għadu jridha ta' wieħed b'arja kbira fuqu u ta' attrazzjoni għat-tfajliet, waqt li Don [Lithgow], missier Brad hu bniedem kalm, affezzjonanti però emottiv ukoll. Ir-reazzjoni ta' dawn iż-żewġ persuni mdaħħlin fiż-żmien se toħloq kaos sħiħ f'din il-familja estiża. ‘Daddy's Home Two’ jiżvolġi bħala kummiedja b'pass mgħaġġel li tilħaq il-qofol tagħha meta n-nanniet jilbsu ta' rgħajja ta' Betlem f'wirja ta' presepju ħaj u jaqilgħu storbju sħiħ bl-argumenti tagħhom. Fuq kollox, jista' jkun li dan l-aġir tan-nanniet joħloq għors kbir għat-tfal u b'hekk jgħaddu Milied perfett!


THE STAR
Vuċijiet Ewlenin: Steven Yuen;; Gina Rodriguez; Zachary Levi; Keegan-Michael Key; Kristin Chenoweth; Christopher Plummer; Kris Kristofferson.
Direttur: Timothy Reckart.
Tul: 86 min.
Ċert.: U
‘The Star’ huwa film ħelu, animat, bit-titlu tiegħu jirreferi għall-kewkba ta' Betlem. F'din il-produzzjoni li tikkommemora b'mod umoristiku u pjaċevoli u anki sempliċi, l-ewwel Milied, il-protagonisti huma l-annimali. Tiddomina fuq kulħadd insibu lil Bo, ħmara żgħira kuraġġuża li ssib ix-xoqqa f'moxtha li teħles mid-dawrien monotonu biex tidres il-qamħ. Mitluqa waħedha barra, tagħmel ħbieb ma' Ġużeppi u Marija. Il-ħniena li Marija turi magħha, meta diġà għamlet l-istess ma' ġurdiena xħin dehrilha l-anġlu, jipperswadieha tingħaqad ma' dawn il-miżżewġin friski fuq vjaġġ importanti. Magħhom jingħaqdu Ruth, nagħġa li ntilfet mill-merħla u Dave, ħammiema bajda b'aspirazzjonijiet nobbli. ’Il bogħod ħafna minn hemm, tliet iġmla storbjużi qed iġorru tliet rejiet b'rigali magħhom. ‘The Star’ juri b'mod oriġinali u frisk l-istorja maħbuba tan-Nattivita mill-perspettiva ta' diversi annimali, li jinkludu wkoll mogħża, żiemel, baqra u żewġt iklieb feroċi ta' suldat ta' Erodi, li qed ifittex tarbija li għadha kemm twieldet. Dan ix-xogħol juri kif annimal umli, minsi u injorat minn kulħadd kellu sehem konsiderevoli fl-aqwa storja li qatt grat fid-dinja. Mariah Carey ikkomponiet il-kanzunetta tat-titlu u matul il-film tinstema' verżjoni oħra ta' ‘Greensleeves’.

More in Divertiment