Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa
Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa
WONDER
Atturi Ewlenin: Jacob Tremblay; Julia Roberts; Owen Wilson; Izabella Vidovic; Sonia Braga; Noah Jupe.
Direttur: Stephen Chbosky.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 112 min.
Ċert. P.G.
Mal-ftuħ tal-film ‘Wonder’ naraw tifel liebes ta' astronawta, bl-elmu f'wiċċu, jaqbeż taparsi jinsab maqtugħ fl-arja. Dan hu August Pullman [Tremblay], tifel ta' għaxar snin, magħruf bħala Auggie, b'differenzi sostanzjali f'wiċċu mit-tfal l-oħra. Dan it-tfajjel kien jitgħallem id-dar u qatt għadu ma mar fi skola ma' tfal oħra minħabba dawn id-difetti li jispikkaw sewwa, kif ukoll minħabba d-diversi operazzjonijiet li kellu jagħmel. Fl-aħħar, b'kuraġġ kbir u sens ta' avventura hu jidħol, b'wiċċu mgħolli, fil-kurituri ta' skola sekondarja, fost l-istagħġib ta' kulħadd. Iżolat waħdu, anki waqt l-ikel u anki mgħajjar ‘skerz tan-natura’ minn xi bullijiet, Auggie bil-komportiment trankwill tiegħu jibda jirbaħ il-fiduċja u l-ħbiberija ġenwina ta' ħafna li jibdew jarawh fih affarijiet sbieħ u straordinarji. Dak kollu li kienet tirrepeti oħtu qabel ‘li hu mhux ordinarju u twieled biex jiġi nnotat u magħżul mill-bqija’ qed issa jseħħ. Ibbażat minn fuq il-ktieb ‘bestseller’ tan-New York Times, ta' R. J. Palacio, ‘Wonder’ hu xpghol verament ta' natura ġentili li jinvadi l-qlub u jesibixxi b'mod ġenwin kif meta tkun ħanin kulħadd jarak speċjali f'ghanjejh. Film tassew kommoventi, b'interpretazzjoni naturali mill-Kanadiż Jacob Tremblay, li forsi ħaqqu jkun innominat għall-Oscar.
THE MAN WHO INVENTED CHRISTMAS
Atturi Ewlenin: Dan Stevens; Christopher Plummer; Jonathan Pryce; Simon Callow; Donald Sumpter.
Direttur: Bharat Nalluri.
Maħruġ minn KRS releasing.
Tul: 104 min
Ċert. P.G
Jekk issaqsi lil xi ħadd liema novella l-aktar li tfakkrek fil-Milied u li ġġib fik hena, spirtu ta' allegrija u sens karitattiv, fil-maġġoranza assoluta se jwieġbu ‘A Christmas Carol’ ta' Charles Dickens. ‘The Man Who Invented Christmas’ jirrakkonta x'nebbaħ lil dan il-kittieb minn Londra Vittorjana, l-aktar wieħed li biegħ kotba fi żmienu, biex wasal għall-ġenesi ta' ‘A Christmas Carol’, ktieb li għadu popolari sal-preżent. Wara mawra ta' suċċess fl-Istati Uniti, f'Ottubru tal-1843, Dickens [Stevens] kellu tliet xogħlijiet li marrulu żmerċ. Bil-familja kbira tiegħu li jrid imantni u bil-mod estravaganti ta' ħajja li kien qed jgħix, il-bwiet tiegħu xxuttaw. Biex tagħqad, kien tilef il-muża ta' kif jesprimu ruħu sewwa fil-kitba bħal qabel bl-istampaturi spiss jiddomandaw mingħandu xogħol ġdid. Il-Milied kien jonqsu biss sitt ġimghat meta ġietu l-idea li jikteb storja dwar, appuntu, din il-festa popolari. Imsakkar id-dar waħdu sa tard bil-lejl, biex ħadd ma jtellfu, beda jimmaġina quddiemu spirti tal-passat, tal-preżent u anki tal-futur u jabbinahom ma' wieħed xħieħ li kien jaf u li, fin-novella semmieh Ebenezer Scrooge [Plummer], waqt li ntefa' b'furja qawwija fuq xogħlu. ‘The Man Who Invented Christmas’ li hu aktar addattat għall-adulti, iġib quddiemna l-immaġinazzjoni fertili ta' dak li mal-150 sena ilu sawwar kapulavur ta' kif illum għadna niċċelebraw il-Milied.
THE DISASTER ARTIST
Atturi Ewlenin: Dave Franco; James Franco; Seth Roġen; Alison Brie; Ari Graynor; Josh Hutcherson.
Direttur: James Franco.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 103 min.
Ċert. 15.
‘Plan 9 From Outer Space’ [1959] ħa l-fama tal-agħar film li qatt inħadem waqt li d-drettur tiegħu, Edward D, Wood ukoll akkwista t-titlu ta' direttur verament ineffiċjenti, bla skop u bla kontroll. Però, dan il-film, wara, ħa l-fama ta' xogħol kult. Tim Burton għamel omaġġ denju lil dan id-direttur b'‘Ed Wood’ [1995]. ‘The Disaster Artist’ ukoll jieħu t-traġitt ta' ‘Plan 9 From Outer Space’. Fl-2003, Tommy Wiseau [James Franco], suppost kittieb, produttur u direttur feġġ minn xi mkien, b'aċċent stramb, u mbarka fuq wieħed mill-agħar films li qatt inħadmu, ‘The Room’. Dan il-bniedem, misterjuż u eċċentriku, b'xagħar twil iswed tuta tella' reklam kbir, imħallas minn butu, f'post prominenti qrib Hollywood biex jirreklama dan il-proġett vanituż tiegħu li qam 6 miljun dollaru. Wara li ntwera f'żewġ cinemas biss fis-Sud ta' California u daħħal biss somma mizera, ħa ħajja ġdida fis-snin ta' wara jintwera f'wirjiet speċjali ta' tard bil-lejl. ‘The Disaster Artist’ li hu bbażat minn fuq il-ktieb ta' Greg Sestero [fil-film l-assistent ta' Wiseau, parti maħduma minn Dave Franco, hu ż-żgħir ta' James] u Tom Bissell, bl-isem ta' ‘The Disaster Artist: My Life Inside The Room’ jiffoka fuq il-passjoni ġenwina ta' bniedem sinċier, b'metodi strambi. Din il-produzzjoni tesibixxi ħbiberija, umoriżmu ta' spiss mhux intenzjonat u intoppi diffiċli. Turi wkoll li m'hemmx limitu għal dak li tista' tagħmel u mhux li triq waħda biss hemm li ssir rinomat, meta fil-proċess ma jkollokx idea soda x'se tagħmel. Farsa sħiħa sfrenata ddominata mill-ġennati tal-baħbuħ James Franco li hu wkoll id-direttur.
A REAL VERMEER
Atturi Ewlenin: Jeroen Spitzenberger; Lize Feryn; Roeland Farnhoot.
Direttur: Rudolf van den Berg.
Maħruġ minn SIDE STREET FILMS, Eden Cinemas.
Tul: 105 min.
Ċert. 15
Fid-dinja tal-arti jeżistu ħafna li jiffalsifikaw xogħlijiet ta' pitturi rinomati tal-passat. Wieħed minn dawn kien iż-żagħżugħ ribell mimli talent, Han van Meegeren [Spitzenberger]. Kważi mal-mitt sena ilu, f'Amsterdam, dan il-pittur kien ipitter fl-istil tal-idoli tiegħu, Rembrandt u Vermeer. Il-kritiċi kienu jsibu x-xogħlijiet tiegħu antikwati u jixluh li jikkopja. Meta darba pproduċa xogħol li jixbah perfett lill-istil ta' Vermeer, jirnexxielu jqarraq b'wieħed uffiċjal Naziista. Billi din il-ħaġa tirnexxi jkompli b'dan il-frodi fuq xogħlijiet klassiċi tal-arti għall-flus. Meta jinqabad, il-ħajja tiegħu tieħu żvolta allarmanti. ‘A Real Vermeer’, film Olandiż bis-sotto titoli, jirrakkonta b'mod rikk u kkulurit il-ħajja xellerata ta' dan il-pittur li ġie redikolat f'ħajtu, però wara mewtu xi xogħlijiet tiegħu ġew stmati bħala arti. Jeroen Spirzenberger b'awtorità assoluta jispikka fil-parti ta' van Meegeren, bniedem ta' talent li m'għandux sabar f'ħajtu. Dan il-film, koproduzzjoni bejn l-Olanda, il-Belġju u l-Lussimburgu ntwera ġo festivals kemm f'pajjiżu, kif ukoll fil-Brażil, l-Indja u l-Lussimburgu..