Rakkont | L-Ispirtu tal-Milied
Rakkont mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja
Kien eċitat. Ħamsa u għoxrin sena. Daqshekk kien se jagħlaq.
U ħabat tajjeb, għax eżatt malli kien sema’ li familtu kienet ser issiefer għall-btajjel tal-Milied, Daniel ħataf l-opportunità u ddeċieda li jagħmel festin għal għeluq sninu fil-villa mdaqqsa tal-ġenituri tiegħu u fl-istess waqt jiċċelebra lejlet il-Milied ma’ sħabu. Għax għeluq sninu kien propjament għada mal-ġurnata tal-Milied!.
L-ewwel festin... l-ewwel festin illi qatt kien għamel hu stess.
Illum kienu ġejjin kollha għandu. Anke Romaine, dik it-tfajla ħelwa li kellu grazzja magħha.
Irranġa l-bżieżaq kollha f’posthom, ta titwila lejn il-mejda twila tal-kamra tal-ikel, li kienet abbundanti b’ikel bnin ta’ kull daqs u għamla. Daniel, peress illi ma tantx kien jinqala’ għal dawn l-affarijiet, kien talab l-għajnuna ta’ Dora s-seftura, li qalet lil oħtha biex tiġi tagħti daqqa t’id u issa kien qed jismagħhom igedwdu bejniethom fil-kċina, fejn kien hemm aktar ikel lest għall-mistednin... u ovvjament aktar xorb.
Daniel kien ħa ħsieb sabiex f’nofsillejl eżatt, joħorġu barra fil-parapett maġenb il-pixxina, jisimgħu l-mużika mis-sistema li kien ħejja hemm barra u jħarsu lejn il-murtali li bħal-lum, kienu jħobbu jagħtu mill-għelieqi ta’ maġenb ir-raħal tagħhom. Hemm barra kien ħa ħsieb iżejnu b’mod spettakolari. Siġar u dwal, statwi tal-Milied, ponsjetti... u saħansitra bar ieħor imnejn wieħed seta’ jferra bibita u joqgħod iħares lejn il-kwiekeb sbieħ f’sema ċara u skura u jħoss il-frisk tal-wied ma’ ħuġġbejh.
Daqqet il-qanpiena tal-bieb!
Daniel kien għadu qed iħares madwar il-kmamar kbar, mimlija vażuni sbieħ, miżgħuda pittura u ornamenti rikki, kollox imżejjen bil-girlandi, dwalijiet ta’ kull kulur, mingħajr ma jagħmlu għajb lis-siġra kbira tal-Milied li kienet tenfasizza l-kulur dehbi u aħmar, imħalltin ma’ xulxin f’xalata brillanti.
“Il-bieb!” għajjat Daniel lil Dora, li daħlet tħaffef minn ġol-kċina lejn il-bieb.
U f’kemm ilna ngħidu, il-kmamar iffullaw bin-nies. Kollha kienu ħbieb tiegħu, min kien jafu fil-kors tal-università li kien qed jagħmel fuq il-bijoloġija, min f’xi sport, xi żgħażagħ mir-raħal, oħrajn li kienu stednuh xi darba għandhom u oħrajn li kienu ġew biex jakkumpanjaw lil sħabu.
Fil-ġenb tal-kamra kien ipprepara kejk kbir, li fuqu kellu n-numru tnejn u ħamsa biswit xulxin biz-zokkor ikkulurit. Kull min beda jidħol għandu, kulħadd kien imur jagħti titwila lil kejk, idur madwar il-kmamar u mbagħad jispiċċa jifli l-mejda tal-ikel. U jimlew ħalqhom bl-ikel.
Dora u oħtha dehru mħabbtin mhux ftit, jiġru bil-gabarrè tax-xorb minn naħa għal oħra. Daniel beda jdawwar rasu u ra li kollox kien sejjer sew.
Kulħadd kien donnu qed jieħu pjaċir.
Kulħadd kien qed jiekol.
Kulħadd kien qed jixrob.
Ipaċpaċ.
Kulħadd.
Minbarra hu.
Ramona kienet ġiet. Imma bilkemm qagħdet minuta ħdejh. Darren, l-akbar ħabib li kellu kien ġie wkoll imma kien mitluf iparla ma’ xi waħda bankiera, li Daniel lanqas biss kien jaf kif kienet spiċċat hawn, u poġġiet bilqiegħda fuq is-sufan ukoll... b’tazza nbid f’idha. Kieku ratha ommu!
Iżda hu kien ħa ħsieb li ma jgħidilhom xejn b’dan il-festin, għax tgħidx kemm kienu jinkwetaw li tinkiser xi ħaġa mid-dar.
U Daniel reġa’ beda jdawwar ħarstu madwaru, jisma’ l-mużika tal-Milied għaddejja fl-isfond tal-ħoss tal-paroli tan-nies, daħq...
Induna li ħadd minnhom. Ħadd minnhom ma kien ġablu rigal. Mhux għar-rigal tafx, imma eħe, xtaq hux li almenu xi ħadd minnhom ġablu mqar xi ħaġa żgħira. Xi ħaġa tifkira. U ħadd minnhom...
Ħadd minnhom ma kien xtaqlu xewqat sbieħ, għannqu miegħu, qagħad ikellem lilu, jifraħ miegħu... Kollha kemm huma kienu ġew biex jieklu, jixorbu u jgħaddu l-ħin.
Hekk kif Daniel dawwar rasu mal-kmamar ta’ madwaru, induna li hu kien qiegħed hemm fost dawk in-nies kollha li kien stieden hu stess f’daru, waħdu.
Hu biss. Beda jdur ’l hawn u ’l hemm, iħossu ħuta barra mill-ilma.
Ried jaqbad jgħajjat u jwaqqaf kollox hekk ħesrem u jkeċċihom kollha ’l barra.
Għalfejn ma kinux qegħdin jagħtu kasu?
Daniel resaq lejn il-bieb, libes ġakketta u telaq ’il barra.
Ħass qalbu maqsuma.
Beda jimxi u jimxi. Ħass il-kesħa ta’ Diċembru tkessaħlu ħaddejh. U l-ħoss taż-żarbun ġdid jirbombja mal-asfalt tat-triq.
Sab ġnien pubbliku u daħal fih. Il-ħoss tal-ħadid iżaqżaq tal-bandli maż-żiffa ħelwa tar-riħ bdiet tfakkru f’meta kien żgħir. B’kuntrast mal-istorbju li kien hemm f’daru, hawnhekk kien hawn kwiet taqtgħu b’sikkina.
Sa xħin sema’ l-passi.
“Nista’ npoġġi ħdejk?” Daniel għolla ħarstu ’l fuq u ra vagabond. Iva, hekk kien jidher. Raġel imleflef fi ħwejjeġ imqattgħin, b’ħarsa ta’ ħniena u b’xagħru nnukklat xi ftit imħabbel. Hekk malli għajnejh iltaqgħu ma’ dawk ta’ dan ir-raġel, ħass ħarstu xi ftit familjari. Hekk, donnu b’xi mod kien jaf li kien jafu. Jew li kien rah qabel. Iżda ma kienx jaf fejn.
“Poġġi.”
“X’inti tagħmel hawn waħdek f’dan il-lejl?” staqsieh dak.
“Uuu...” wieġbu Daniel.
“Dwejjaq?” “Illum għeluq snini. Peress illi llum lejliet il-Milied, għamilt festin. U ħadd minnhom ma xtaqli l-awgurju... ħadd minnhom ma kellimni... ma jimpurtahomx minni,” għal mument Daniel ħass leħnu kważi jinħanaq. Kellu aptit jinfexx jibki.
“Mela qegħdin sew jien u int.”
Daniel għolla ħarstu lejh. Għajnejhom iltaqgħu ma’ xulxin.
“Għalfejn?” staqsieh.
“Anke jien. Bħalek eżatt ġrali. Illum ukoll għeluq snini. U ħadd ma ta kasi. Qiegħed waħdi.” Għal mument, Daniel ħass li dan ir-raġel ried jiddieħaq bih, iżda mbagħad xħin ra l-espressjoni ta’ wiċċu induna li ma kienx qed jigdiblu.
“Qed ninduna li l-Milied hija festa bla sens,” komplielu Daniel. “Għandek żball. L-importanti li tkun ferħan f’qalbek,” qallu dak ir-raġel. “Il-Milied kif tagħmlu inti. Ħa nsaqsik domanda... taf xi jfisser l-ispirtu tal-Milied?” Daniel waqaf iħares lejh u jaħseb.
“Tiżjin.”
“Le.”
“Siġra tal-Milied?”
“Lanqas.”
“Xorb u divertiment.”
“Sejjer aktar ‘il bogħod,” kompla dak ir-raġel.
“Eħħħ... nafha ta... l-ikla tal-Milied, dundjan...”
“Le.”
Għal mument ieħor, Daniel waqaf jitkellem. Ma kienx jaf iwieġbu.
“Sib l-ispirtu tal-Milied f’qalbek, u tkun ferħan.”
“Iva,” qallu Daniel. “Nipprova.” Iżda r-raġel kien ġa qam minn bilqiegħda u telaq ipassi. Daniel qam minn fuq il-bank u telaq bil-mod lejn daru.
“L-ispirtu tal-Milied,” beda jgħid minn taħt, “l-ispirtu tal-Milied.”
Hekk malli wasal id-dar u daħal ġewwa, induna li kulħadd kien telaq. Kienu ħallew rebus sħiħ warajhom. Ħadd minnhom ma kien induna li Daniel ma kienx hemm. Kienu xorbu u kielu kollox. Il-kejk biss kien għadu sħiħ. Ħadd minnhom ma kien intebaħ li Daniel kien telaq. Dora u oħtha biss kien għad hemm, inaddfu l-ħmieġ. “Irranġajtna!” qaltlu Dora hekk malli ratu.
Daniel resaq lejn il-ħġieġ tal-parapett u beda jaħseb. “L-ispirtu tal-Milied,” kien qed jgħid minn taħt. U dak il-ħin intebaħ.
L-isparar u l-murtali bdew jixgħelu s-sema. L-arloġġ ta’ fuq il-fuklar beda jdoqq nofsillejl. “L-ispirtu tal-Milied!” beda jgħajjat Daniel, qisu wieħed mitluf minn moħħu.
Dora u oħtha ċċassaw iħarsu lejh. Kien ħasadhom. Telaq jiġri lejn il-kamra ta’ fuq. Il-kamra li ħadd minnhom ma kien juża u resaq lejn l-armarju li kien dejjem jinżamm imsakkar. Fetħu. Ġo fih raha. Borża. Fetaħha. Il-Bambin tal-Milied kien għadu hemm. Qisu ġdid. Sabiħ. B’għajnejn ileqqu. Għal mument, Daniel ħass li donnu kien jafu x’imkien. “L-ispirtu tal-Milied!” beda jkanta, bid-dmugħ f’għajnejh. Dak il-wiċċ tal-vagabond! Dawk l-għajnejn!
Qabad il-bambin u niżel jiġri bih fil-kamra t’isfel.
“Illum għeluq sninu!” beda jgħajjat Daniel u jifraħ fl-istess ħin, waqt li poġġa l-bambin fin-nofs tal-kamra, fuq il-mejda kbira li kienet għadha kemm naddfet Dora.
“Il-Milied it-tajjeb!” qal lil Dora u lil oħtha, waqt li resaq lejn il-kejk, beda jaqta’ biċċiet minnu u jpoġġihom f’pakketti tal-plastik. Mar lejn kamartu u ħa xi flus li kellu hemm.
“Dan hu l-ispirtu tal-Milied!”
Dak il-lejl, Daniel għaddieh jiġri minn dar għal oħra ta’ nies li kien jaf li kellhom bżonn l-għajnuna, nies li kienu waħedhom u minsijin minn familthom, nies fqar, nies morda. Ħabbat bieb, bieb, tahom biċċa kejk kull wieħed u xi ħaġa żgħira tal-flus.
Kollha kemm huma għannquh, kollha kemm huma rringrazzjawh u kważi kollha qabżitilhom xi demgħa.
Daniel qatt ma ħassu ferħan daqs dakinhar. U fl-aħħar, mar ħdejn il-kor li kien ikun hemm ikanta lill-Bambin Ġesù fil-pjazza u beda jkanta magħhom. Dak kien l-ispirtu tal-Milied! Li jkollok lill-Bambin Ġesu’ f’qalbek! Hu u sejjer lura lejn daru, hekk kif kien qed ibexbex, Daniel għadda minn ħdejn il-ġnien. Il-ġnien fejn kien qagħad jitkellem ma’ dak ir-raġel. U rah. Kien għadu hemm. Jistennieh.
“Sibtu l-ispirtu tal-Milied!” qallu b’leħen eċitat, b’nifsu maqtugħ, hekk kif newwillu l-aħħar biċċa kejk li kien ħalla apposta għalih.
“Kun imbierek ibni,” wieġbu dak, hekk kif ħa l-kejk f’idejh u telaq jimxi bil-mod ’il bogħod b’dawk l-għajnejn sbieħ.
“Il-paċi miegħek!” qallu Daniel.
Iżda r-raġel kien diġà sparixxa. Dak ir-raġel.
Dak ir-raġel familjari. Dak ir-raġel li kellu wiċċu eżatt bħal dak il-Bambin sabiħ ta’ Spanja li kellu hu!