Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa

Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

The Commuter

Atturi Ewlenin: Liam Neeson; Vera Farmiga; Patrick Wilson; Elizabeth McGovern; Sam Neill.

Direttur: Jaume Collet-Serra.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 105 min.

Ċert. 15

Liam Neeson u d-direttur Spanjol Jaume Collet-Serra, wara films mimlija azzjoni bħal ‘Unknown’, ‘Run All Night’ u ‘Non-Stop’ qed jerġgħu jikkollaboraw flimkien fi thriller splussiv, ta' andament furjuż, ‘The Commuter’. Wara li fl-aħħar film li semmejt l-azzjoni sseħħ fuq ajruplan, f'dan ix-xogħol ġdid, il-kaos jirrenja fuq ferrovija. Michael MacCauley (Neeson) jivvjaġġa kuljum għax-xogħol bil-ferrovija. Kif għalaq is-60 sena jitkeċċa u waqt vjaġġ ikollu offerta ta' flus biex jisfratta diżastru fuq it-tren.

Bla xogħol, bla flus imfaddla, bid-dar tiegħu tista' tittieħed minħabba d-dejn li hemm fuqha, hu jrid l-ewwel jaħseb fuq il-familja tiegħu, kif ukoll fuq il-protezzjoni tal-passiġġieri li jinsabu f'periklu imminenti mingħajr ma jafu. L-andament ta' din il-produzzjoni jseħħ kważi fil-ħin veru, bil-protagonist jitkixxef 'l hawn u 'l hinn, jinvestiga xi passiġġieri suspettużi, waqt li wkoll isib ruħu fi ġlidiet qawwija fejn hu stess, din id-darba, ġieli jmur minn taħt.

‘The Commuter’ jingrana sewwa wara bidu pjutost kwiet, fejn Neeson anki jsib ruħu f'sitwazzjonijiet prekarji bħal taħt il-ferovija u b'manija tal-ġenn jipprova jerġa' jsib postu fil-kompartiment mingħajr ma jqanqal xi suspett. Fl-aħħar nofs siegħa tiegħu, dan il-film jikkarga sewwa b'tensjoni li tqanqal l-adrenalina.

 

The Post

Atturi Ewlenin: Meryl Streep; Tom Hanks; Alison Brie; Bruce Greenwood; Michael Stuhlbarg.

Direttur: Steven Spielberg.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 115 min.

Ċert. 12A

Id-direttur Steven Spielberg reġa' ffoka fuq fatt veru mill-istorja Amerikana f' ‘The Post’. Dan hu film drammatiku, eċitanti dwar sigriet moħbi mill-White House għal tletin sena sħaħ, matul il-leġiżlatura ta' erba' Presidenti. In-New York Times skopriet dan il-ħabi, studju ‘Top Secret’, dwar il-gwerra tal-Vjetnam, li wara sar magħruf bħala The Pentagon Papers.

Però kienu ffaccjati b'theddid legali, bil-qawwa kollha tal-White House taħbat għall-ġurnalisti tagħhom. Bis-saħħa ta' Katherine Graham (Streep), l-ewwel ġurnalista mara tal-Washington Post u l-editur implakabbli Ben Bradlee (Hanks), jaħdmu bla heda, jinvestigaw ukoll dan ir-rapport biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-New York Times, dawn it-tnejn warrbu minn nofs id-differenzi ta' bejniethom, irriskjaw il-karriera tagħhom u anki ċans li jistgħu jsibu ruħhom il-ħabs, biex jikxfu lill-poplu Amerikan dan l-iskandlu kbir.

‘The Post’ jiffoka wkoll fuq il-persuna ta' Katherine Graham, ġurnalista li għadha bla esperjenza, li tiġġieled mal-kuxjenza tagħha jekk għandiex tazzarda ’l quddiem f'din l-affari, mgħejjuna mill-editur u l-istaff tiegħu. Il-‘motto’ tagħha hu li ladarba wieħed jiffoka fuq xi ħaġa li jaħseb li hi relevanti, bla biża' ta' xejn għalih innifsu għandu jkompli javvanza la jħoss li qiegħed fis-sewwa. Film ieħor ta' Steven Spielberg dwar mument storiku kritku li jieħu l-forma ta' thriller eżileranti, bi Streep turi lat ieħor tal-versatilità tespjana tagħha.

 

Downsizing

Atturi Ewlenin: Matt Damon; Kristen Wiig; Christophe Waltz; Jason Sudeikis; Udo Kier,

Direttur: Alexander Payne.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 133 min.

Ċert. 15

Il-ftuħ ta' ‘Downsizing’ jagħti l-impressjoni li hu xi film tal-ġeneru tax-xjenza fittizja jew xi fantasija divertenti għat-tfal. Il-verità hi li din il-produzzjoni tieħu l-forma ta' kummiedja skura, melodramma ta' qsim il-qalb. L-idea tal-film hi li kieku l-umani jistgħu jiċċekknu sa ħames pulzieri tul, b'hekk ir-riżorsi normali u wisq bżonjużi bħall-ikel u flus jistgħu jservu ħafna aktar.

Paul Safranek (Damon), li bilkemm qed ikopri fil-ħajja bil-paga li jaqla', diġà qed iħoss ruħu mċekken u umiljat quddiem martu, Audrey (Wiig) Bid-dinja mimlija umanità aktar milli hemm bżonn, jaċċetta s-soluzzjoni ta' xjenzat Norveġiż biex jiċċekken sa ħames pulzieri. Hu jmur jabita f'Leisureland, fejn qed ħa l-impressjoni li oħrajn tal-qis tiegħu qegħdin jgħixu ħajja komda.

Però, kemm kieku baqa' ta' tul normali u kemm issa ċkejken, iddivorzjat minn martu, il-ħajja fuq in-naħa l-oħra mhijiex kif ħaseb. Id-destin ilaqqgħu ma' mħabba ġdida ta' dimensjoni oħra li fiha Paul se jkollu ċ-ċans li juri kemm hu ‘kbir’! Minkejja t-tema artifiċjali tiegħu, ‘Downsizing’ hu xogħol ta' ċerta dinjità, rispett u impenn karitattiv b'andament ġentili u manjiera ta' tbissim.

 

Happy End

Atturi Ewlenin: Isabelle Huppert; Jean-Louis Trintignant;; Matthieu Kassovitz; Fantine Harduin; Toby Jones.

Direttur: Michael Haneke,

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.

Tul: 107 min

Ċert. 18

Il-films tad-direttur Awstrijak Michael Haneke huma mimlija ironiji u xettiċiżmu u f'‘Happy End’ l-akbar ironija tirreferi għat-titlu. B'numru ta' films li dejjem spiċċaw biex rebħu xi premju maġġur fil-festivals ta' Cannes, għalkemm l-atmosfera tagħhom hi aktarx tetra, ‘Happy End’, li jiżvolġi f'atmosfera simili baqa’ mingħajr unur kbir. Xorta l-kritici faħħruh. Din il-produzzjoni tixbah ħafna lill-film tiegħu tal-2005, ‘Cache’ (Hidden), b'sekwenzi fejn il-kamera tibqa' statika tiffimja minn lok fiss għal xi minuti sħaħ u fejn anki d-djalogu ma jinstemax sewwa minħabba l-ħsejjes tat-triq.

L-ingredjenti tas-soltu tiegħu - argumenti sħan fil-familja tat-tajjeb jew waqt xi riċeviment, teenagers mingħajr interess f'affarijiet soċjali, xi tentattiv ta' suwiċidju u razziżmu - wieħed jista' jerġa' jinnotawhom hawn. Anne Laurent (Huppert), aġenta fl-industrija tal-bini trid tara kif se tirranġa meta ħaddiem imut wara inċident fuq xogħlu. Ħuha tabib, Thomas (Kassovitz) iġib lil Eve (Harduin), it-tifla tiegħu, id-dar tagħha wara li ommha mietet meta ħadet doża qawwija ta' pilloli.

Eve tibda ħbiberija kbira ma' nannuha, Georges (Trintignant), li qiegħed f'siġġu tar-roti u qed jipprova jneħħi ħajtu. Minn hawn ’il quddiem l-affarijiet jieħdu spinta serja. ‘Happy End’, b'Huppert dominanti, hi produzzjoni Franċiża/Ġermaniża/ Awstrijaka bis-sotto titoli u jappella għal min iħobb ċinema ta' impenn.

More in Divertiment