Ma jaqblux dwar meta kellu jibda jintuża l-Villaġġ tal-Karnival
Dilettanti tal-Karnival jgħidu li kellhom jidħlu fil-Villaġġ tal-Karnival matul din is-sena, iżda…
Id-dilettanti tal-Karnival se jkollhom jistennew sentejn oħra biex jidħlu fl-imħażen il-ġodda li se jkunu qed jinbnew fil-Villaġġ tal-Karnival fil-Marsa, dan minkejja li kienu mwiegħda li se jimxu lejn il-Marsa matul din is-sena, kif fil-fatt juru diversi rapporti fuq il-mezzi tax-xandir
L-ILLUM tkellmet ma’ wħud mid-dilettanti tal-Karnival Beltin li spjegaw kif oriġinarjament kienu mwiegħda li se jidħlu fl-imħażen il-ġodda sa din is-sena, iżda waqt il-preżentazzjoni tal-premjijiet wara l-Karnival tal-2017, il-Ministru responsabbli għall-Kultura, Owen Bonnici, qalilhom li se jimxu lejn l-Imħażen fil-Marsa fl-2019.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil, ċaħad li d-dilettanti kienu mwiegħda l-imħażen il-ġodda sa din is-sena u insistew li l-pjan minn dejjem kien li l-vilaġġ ikun lest sa Novembru tal-2019, anke għax dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Iżda f’intervista li l-ILLUM għamlet ma’ Jason Busuttil fi Frar tas-sena li għaddiet, huwa kien qal li sal-Karnival li jmiss (jiġifieri dak ta’ din is-sena) ikun hemm parteċipanti fil-villaġġ tal-Karnival.
Matul l-istess intervista, Jason Busuttil kien qal li biex il-proġett ikun on-track sa Mejju u Ġunju (tal-2017), se jkun beda l-bini tiegħu. Bħalissa l-proġett jinsab fil-fażi tat-tħaffir.
Mistoqsi għalfejn ix-xogħol beda issa, kważi sena u nofs wara li ħarġu l-permessi, Busuttil qal li matul dawn ix-xhur kienu għaddejjin l-istudji fuq il-blat, it-tenders u tbattil tal-post.
Id-dilettanti tal-Karnival li tkellmu ma’ din il-gazzetta, għalkemm ammettew li se jħossu n-nuqqas tal-atmosfera li kienet tinħoloq fin-naħa t’isfel tal-Belt, meta kienu jibdew ħerġin il-karrijiet, kollha qalu li jixtiequ jkollhom postijiet aħjar fejn jibnu u jarmaw il-karrijiet.
L-imħażen, speċjalment dawk f’Sant’Jiermu, huma żgħar wisq, tant li d-dilettanti jibnu l-karrijiet bil-biċċiet u jarawh sħiħ għall-ewwel darba meta jarmawh fuq barra, ġimgħa qabel il-Karnival, xi drabi fir-riħ u x-xita.
Kien għalhekk li mal-ILLUM stqarrew li jittamaw li ma jiġrix kif fi kliemhom jiġri kull sena, għax skonthom: “fi żmien il-Karnival kulħadd jiġi u jwiegħed u wara li jgħaddi kollox qatt ma jsir xejn.”
Il-villaġġ tal-Karnival se jinkludi madwar 26 maħżen għall-bini tal-karrijiet, imħażen oħra biex fihom isir ix-xogħol tal-kostumi, spazji fejn ikunu jistgħu jsiru l-provi taż-żfin, mużew interattiv fuq l-istorja tal-Karnival u attrazzjonijiet oħra.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, meta attenda għall-inawgurazzjoni tal-karru tar-Re tal-Karnival, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, ħeġġeġ lill-Gvern biex iħaffef il-proġett biex il-Villaġġ tal-Karnival ikun lest malajr kemm jista’ jkun.