Nani – Il-familja wara l-Flos Carmeli u s-Sancte Paule
Fost numru ta’ mużiċisti Maltin li għamlu isem lil pajjiżna f’dan il-qasam insibu dawk ġejjin mill-familja Beltija – Nani
Minkejja d-daqs tagħha, Malta għandha patrimonju mużikali ddokumentat li jmur lura sew fiż-żmien. Il-mużika sagra u dik profana minn dejjem kienet taffaxxina lil ħafna nies tas-soċjetà Maltija. Fost numru ta’ mużiċisti Maltin li għamlu isem lil pajjiżna f’dan il-qasam insibu dawk ġejjin mill-familja Beltija – Nani.
Fil-fatt, Angelo Nani kien l-ewwel membru tal-familja Nani li stabilixxa ruħu ġewwa Malta wara li telaq minn Venezja fl-1766. Angelo kien ta’ dixxendenza nobbli Venezjana u vjolinist mill-aqwa. Ġie Malta biex jieħu sehem f’kunċert u fil-fatt kien impressjona sew lill-Gran Mastru Pinto tant li kkonvinċieh jibqa’ f’pajjiżna u jaħdem ta’ vjolinist mal-Ordni ta’ San Ġwann. Emanuele Nani, iben Angelo, segwa l-passi ta’ missieru. Kien kompożitur imfittex fi żmienu u vjolinist imsemmi bħal missieru. Tant għamel suċċess fl-Italja, li Emanuele Nani sar magħruf bħala ‘Nani Divino’ jew ‘L’illustre Nani’.
Però kien Dottor Paolo Nani li baqa’ magħruf bħala wieħed mill-aqwa kompożituri Maltin tas-seklu dsatax. Twieled il-Belt Valletta fit-18 ta’ Novembru 1814, minn Dott. Giuseppe u Caterina née Recau. Angelo Nani kien jiġi nannuh. Sa minn ċkunitu ġie indirizzat lejn il-linja ta’ avukat bħal missieru u fil-fatt iggradwa bħala Duttur tal-Liġi Ċivili fl-Università ta’ Malta fl-1832 meta kellu biss 18-il sena. Dan ma naqqas xejn mill-passjoni li kellu lejn il-mużika. Fl-1834 iżżewweġ lil Maddalena née Cuschieri. Kellhom żewġt itfal, fosthom Anton, li l-quddiem ukoll kiseb fama bħala kompożitur ta’ kalibru u suċċessur ta’ missieru fit-tmexxija tal-Cappella Nani. Studja l-mużika ma’ Dun Giuseppe Burlò (1772-1856) u Emanuele Muscat (1790- 1837) f’Malta, u wara, fl-1833 mar ikompli l-istudji tiegħu fil-Konservatorju San Pietro a Majella f’Napli taħt il-gwida ta’ wħud mill-aqwa mużiċisti Taljani ta’ dak iż- żmien: fosthom, Nicola Antonio Zingarelli (1752-1837), Giovanni Furno u Francesco Ruggi (1767-1845).
Jingħad li waqt li kien Napli, Nani kellu ħbiberija mal-kompożitur operistiku illustri Gaetano Donizetti (1797- 1848) u li dan kellu impressjoni tajba ħafna tax-xogħlijiet ta’ Nani. Meta rritorna Malta fl-1839 fl-età ta’ 25 sena, Nani waqqaf il-Cappella di Musica tiegħu biex permezz tagħha jagħti servizz waqt il-liturġija fil-knejjes Maltin. Għaqqad orkestra minn mużiċisti li kienu ingaġġati fit-Teatru Manoel, u beda jikteb il-mużika liturġika li kellu bżonn. Kien sewwa sew f’dan iż-żmien li huwa ġie inkarigat bis-servizzi mużikali fil-Bażilika tal-Patrijiet Karmelitani u fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu – it-tnejn fil-Belt Valletta.
Dan huwa meqjus bħala l-bidu ta’ fenomenu ġdid fil-mużika sagra Maltija. Fl-epoka Romantika żviluppat prattika mużikali kemxejn partikolari f’Malta fejn ftit kien baqa’ distinzjoni stilistika bejn il-mużika sagra u dik profana. Ġurnali ta’ dak iż-żmien jiddefinixxu l-mużika ta’ Nani hekk: ‘The cappella became extremely popular; with a cult following that verged on hysteria.’
Paolo Nani kien katalist ta’ dan l-istil ġdid f’pajjiżna. Il-formazzjoni akkademika tiegħu fid-dinja operistika ta’ Napli żgur kellha impatt fuqu u wasslitu biex ikollu parti daqshekk importanti fl-iżvilupp ta’ ġeneru li żewweġ il-mużika liturġika mal-opra. Il-mużika ta’ Nani hija deskritta bħala mużika li hija rikka fil-melodija kif ukoll fl-orkestrazzjoni, speċjalment fejn jidħlu l-istrumenti tar-ram.
Il-fattur illi iddistingwa l-mużika ta’ Paolo Nani minn dik ta’ kompożituri Maltin oħra stabbiliti huwa l-użu liberali tiegħu tal-istrumenti tar-ramm – strumenti li qabel kellhom użu limitat ħafna fil-mużika liturġika. Filwaqt li l-antifoni kienu ilhom jiġu mmużikati sa miż- żminijet tal-kant Gregorjan, nistgħu ngħidu li f’Malta tas-seklu dsatax servew bħala l-bieb li minnu l-opra daħlet fil-knejjes tagħna. Matul il-karriera twila tiegħu, Paolo Nani kien Maestro di Cappella ta’ ħafna knejjes Maltin. Sorsi dokumentati jgħidulna li fl-aqwa tagħha, il-Cappella Nani kienet tipprovdi servizzi ’il fuq minn għoxrin knisja!
Minbarra l-impenji tiegħu fil-knejjes, Nani kien ukoll għalliem tal-mużika f’diversi skejjel filwaqt li bejn l-1841 u l-1887 kien ukoll maestro concertatore (għalliem tal-kor) fit-Teatru Manoel u wara anke fit-Teatru Rjal.
Paolo Nani kien kompożitur ta’ fama, tant illi matul il-karriera tiegħu kiteb ’il fuq minn 250 xogħol li saħħru bi ġmielhom lill-poplu Malti, sew dawk li kienu jattendu għaċ-ċerimonji reliġjużi kif ukoll dawk li segwew xogħlijiet profani li kienu jsiru fit-teatri fil-Belt Valletta. Nani għadu sal-lum imfakkar l-aktar għall-antifoni tal-festi li l-għadd tagħhom jilħaq il-ħamsa u tletin – ewlenin fosthom Sancte Paule – Belt Valletta (1840), Flos Carmeli – Karmelitani, Belt Valletta (1861), Gloriosae Virginis Mariae - Naxxar (1868), Ego Sum - Siġġiewi (1875), u Beata Mater – Agostinjani, Belt Valletta (1881).
Dottor Paolo Nani miet fit-23 ta’ Marzu 1904 u l-funeral tiegħu sar l-għada fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta. Il-funeral tiegħu ġibed folol kbar ta’ nies u dan kien jixhed il-popolarità li kien igawdi dan il-mużiċist magħruf. F’bijografija ppubblikata fis-sena 1904 stess, Mons. Luigi Farrugia jiddeskrivi lil Nani bħala ‘uno degli astri più fulgidi che splendettero nel cielo di Malta’ (waħda mill-istilel li dawlet is-sema Malti).
Iben Paolo, Antonio Nani twieled il-Belt Valletta fis-6 ta’ Ottubru 1842. Missieru stess kien l-ewwel għalliem tiegħu tal-mużika. Wara studja għand Giuseppe Burlon u Giuseppe Spiteri Fremond, u kompla jistudja anke f’Napli bejn is-sena 1867 u 1877. Kif irritorna Malta, Mro Anton Nani kien diġà kkunsidrat bħala l-aqwa surmast Malti tal-perjodu. Kiteb tliet opri liriċi li baqgħu jissemmew fir-repertorju vast tiegħu: Zorilla (1870), Agnese Visconti (1876) u I Cavalieri di Malta (1877). It-tliet opri nħadmu fit-Teatru Rjal.
L-istil ta’ Nani kkonvinċa lill-udjenza kif ukoll lill-kritiċi. L-ewwel fost l-opri Maltin li ntwerew fir-Royal Opera House fi tmiem l-1877 insibu l-opra ta’ Antonio Nani ‘I Cavalieri di Malta’. Skont gazzetta Maltija tad-19 ta’ Jannar 1880, l-opra tant intgħoġbot, li ntalab encore għall-ħames arias sħaħ. Kif wasal lura minn Napli fl-1879, Anton Nani beda jassisti lil missieru fit-tmexxija tal-Cappella Musicale u fl-istess ħin kompla jikteb ħafna aktar mużika reliġjuża għall-użu fil-knejjes.
Fost xogħlijiet importanti nsibu Requiem (b’dedika għall-memorja t’ommu), Messa del Naufrago, O Salutaris Hostia u Laudate Pueri. Fl-1866, ir-Requiem ta’ Antonio Nani ngħatat Medalja tad-Deheb fil-London Universal Exhibition. Wara l-1885 kiteb ħafna mużika profana u operistika minħabba l-popolarità li beda jkollhom l-attivitajiet mużikali fit-teatri. Iżda Anton Nani beda jaffaċċja l-problemi wara li fis-sena 1903, il-Papa Piju X ħareġ Motu Proprio bil-ħsieb li tiġi mrażżna l-influwenza ta’ mużika operistika fuq il-mużika sagra.
Anton Nani pprotesta u ma riedx jobdi r-regoli ġodda maħruġa mill-Papa peress li l-identità mużikali tal-Cappella Nani kienet mibnija fuq l-għaqda tas-sagru mal-opra. Biex aċċetta għaddew ħames snin sakemm biddel l-istil f’dik li kellha x’taqsam il-mużika sagra.
Kien permezz tal-Messa in Fa, li Anton Nani kiseb tifħir kbir mingħand l-istess Papa għal din il-kompożizzjoni sagra li kienet konformi mar-regoli l-ġodda. Mro Anton Nani kien ukoll il-Maestro di Cappella f’diversi knejjes Maltin bħala suċċessur ta’ missieru, Dott. Paolo Nani. Il-gazzetta - L’Osservatore Maltese kitbet hekk dwar ir-relazzjoni li kellhom Nani l-missier u l-iben; ‘Tajjeb tkunu tafu li tfaċċa surmast ieħor tal-Familja Nani. Dan huwa iben Paolo, Antonio Nani, li sa minn żgħożitu missieru, ħarrġu biex ikun jista’ jieħu f’idejh u jiret il-Kappella Nani.’
Mro Antonio Nani miet fit-23 ta’ Frar 1929.