Films li għandek tara din il-ġimgħa

Jekk għandek ftit ċans fuq idejk, kun ċert li din il-ġimgħa tara dawn il-films

Black Panther

Atturi Ewlenin: Chadwick Boseman; Michael B Johnson; Lupita Nyong'o; Martin Freeman; Angela Bassett; Forest Whitaker; Andy Serkis.

Direttur: Ryan Coogler

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 134 min.

Ċert. 12A

Id-dinja fantastika tas-supereroj mill-kotba komiks Marvel tkompli bi ‘Black Panther’, l-ewwel supereroj iswed. Din l-avventura eċitanti teħodna fir-renju Afrikan ta' Wakanda, pajjiż iżolat imma teknikament avvanzat. T'Challa (Boseman) prinċep żagħżugħ, li għandu l-abbilità li jinbidel f'pantera sewda, jirritorna f'pajjiżu wara l-mewt ta' missieru, ir-Re tal-pajjiż. Hu se jieħu l-post li jixraqlu li ħalla warajh missieru. Meta żewġ għedewwa perikolużi jikkonfoffaw bejniethom biex jeqirdu lil Wakanda u jwarrbu lil T'Challa minn nofs, hu jinbidel fis-sura ta' pantera sewda bid-dwiefer maħruġin lest biex jipproteġi t-tron u lis-sudditi tiegħu. Miegħu jingħaqad Everett K. Ross (Freeman), aġent tas-CIA li m'għandux ħjiel tar-rikezzi li jeżistu f'dan il-post. Fit-taqtigħa ħarxa li tinqala', T'Challa jkollu wkoll għajnuna mill-maħbuba tiegħu, Nakia (Nyong'o), gwerriera sewda u nisa ħbieb oħrajn. ‘Black Panther’ hu film differenti ħafna mill-oħrajn tal-ġeneru tiegħu, b'atturi fil-maġġoraza tagħhom suwed u bid-dehra minn barra ta' Wakanda qisha xi villaġġ mill-films ta' Tarzan jew dik mill-kotba ffilmjati ta' Sir Rider Haggard. Iżda fil-ġewwieni ta' muntanja l-atmosfera hi teknikament tassew mill-aqwa, fejn ix-xjenza u l-ispiritwalità jikkumplimentaw lil xulxin. Il-karattru ta' Black Panther diġà deher f'‘Captain America: Ċivil War’ u f'battalja f'‘Iron Man’.

The Mercy

Atturi Ewlenin: Colin Firth; Rachel Weisz; David Thewliss;Ken Stott; Jonathan Bailey.

Direttur: James Marsh.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 101 min.

Ċert. 12A

‘The Mercy’ li għandu xi xeni minnu miġbudin hawn Malta, l-aktar fit-tank ta' Rinella, juri kif l-ispirtu Brittaniku tat-tbaħħir madwar id-dinja li beda qabel ir-Renju ta' Enriku VIII, għadu jiġri fid-demm tagħhom. Din il-produzzjoni tirrakkonta l-istorja vera u inkredibbli ta' Donald Crowhurst (Firth), baħri dilettant li huwa wieħed mill-kompetituri tal-1968 Sunday Times Golden Globe Race. It-tir tiegħu hu li jkun l-ewwel bniedem fl-istorja li waħdu jdur mad-dinja mingħajr ma' jieqaf bid-dgħajsa tiegħu, Teighmouth Electron. B'dan il-ħsieb f'moħħu ma jħallihx kwiet f'ġismu u b'dgħajsa għadha mhix lesta għal kollox u b'daru mhix imħallsa, hu jħalli lil martu, Clare (Weisz) u lit-tliet uliedu. Wara ftit li jitlaq jirrealizza li mhu ppreparat xejn, iżda b'rieda qawwija ma jċedix u anki jagħmel progress. Wara xi seba' xhur u nofs waħdu f'nofs l-oċeani, jibda jħoss għejja kemm mentali u kemm fiżika. Dan forsi hu ħtija tat-temp ħażin li ltaqa' miegħu jew is-solitudni perfetta qed tagħmel tagħha. F'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, kif se jirreagixxi, meta jaf li lura f'pajjiżu hemm pressjoni u fervent kbir fuqu? ‘The Mercy’ hu film ieħor avventuruż li juri li l-ispirtu uman kapaċi jissupera kull ostaklu diffiċli kemm hu diffiċli.

Winches

Atturi Ewlenin: Helen Mirren; Jason Clarke; Sarah Snook; Finn Scicluna-O'Pray.

Diretturi: The Spierig Brothers.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 99 min.

‘Winchester’ hu film tal-biża' u t-tkexkix, ibbażat fuq ġrajjiet li seħħew veru u li originarjament kien se jissemma ‘The House that Ghosts Built’. Sarah Winchester (Mirren), l-eredi tal-fortuna magħmula mis-soċjetà tal-azzarini Winchester, bniet dar enormi fuq medda art 50 mil minn San Francisco, f'San Josè California, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax. Din hi l-aktar dar msahhra fid-dinja. Dan hu bini ta' seba' sulari, b'numru kbir ta' kmamar fejn wieħed malajr jintilef li, għall-barranin jagħti l-impressjoni li ġie mibni minn xi ħadd moħħ marid. Hi qed tibni speċi ta' ħabs għall-mijiet ta' iħirsa rrabjati għall-familja Winchester. Dawn aktarx huma vittmi tal-azzarin Winchester, l-arma tant popolari fil-films Western. Jgħixu f'din id-dar maestuża u tal-waħx hemm in-neputija tagħha, Marion (Snook) u t-tifel ta' tmien snin, Henry (Scicluna-O'Pray) li wkoll ikunu involuti f'sitwazzjonijiet sopranaturali. Meta l-bord tal-kumpanija Winchester jkunu jridu jeżaminaw lil Sarah biex isiru jafu jekk hix miġnuna, hi stess tagħżel lill-psikjatra, Dr. Eric Prince (Clarke) li jkollu inkontri mad-diversi iħirsa. ‘Winchester’ jimita lil ħafna oħrajn bħalu, però għandu atmosfera ta' lussu u dekor f'dar tetra ta' rikezza ornamentali.

More in Divertiment