Films li ma għandekx titlef din il-ġimgħa
Jekk din il-ġimgħa ssib ċans, poġġi bilqiegħda u ara dawn il-films
The Shape of Water
Atturi Ewlenin: Sally Hawkins; Michael Shannon; Richard Jenkins; Octavia Spencer; Michael Stuhlbarg; Doug Jones.
Direttur: Guillermo De Toro.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 123 min.
Ċert. 15
Is-snin ħamsin kienu mimlija b'numru kbir ta' produzzjonijiet tax-xjenza fittizja tal- ‘ħabba gozz’, ta' bagits mizeri Kuntrarju għal dan kollu, wieħed minnhom ‘Creature From The Black Lagoon’, tad-direttur Jack Arnold irnexxielu jakkwista l-fama ta' xogħol kult. Sentejn wara, dan id-direttur kompla kabbar il-prestiġju tiegħu b ‘The Incredible Shrinking Man’. Id-direttur viżjonarju Messikan, Guillermo De Toro, jidher li ħa l-ispirazzjoni tiegħu għal ‘The Shape Of Water ‘ mix-xogħol tal-1954. Din id-darba l-ħrafa ħelwa u eżileranti li jirrakkonta, b'mumenti drammatiċi u anki vjolenti, hi immirata biss għall-adulti. Ninsabu fil-bidu tas-snin sittin meta l-Gwerra Bierda tinsab fl-aqwa tagħha. F'Baltimore, Eliza Esposito (Hawkins), mara muta, taħdem bħala qaddejja u biddilha ġo laboratorju sigriet tal-gvern. Meta hi u Zelda (Spencer) jiskopru sigriet ta' esperiment klassifikat, ħajjithom tieħu żvolta. Marbut minn għonqu bil-ktajjen ġo tank mimli ilma hemm esseru amfibju (Jones), nofsu bniedem, nofsu ħuta. Eliza, dejjem waħedha, turi ġentilezza miegħu u ssir tħobbu. Sadanittant, xi aġenti Russi qed isusu wara uffiċjal għoli f'dan il-qasam waqt li Richard Strickland (Shannon), tas-sigurtà, għandu xi xamma kif ukoll qed jindaga fuq Eliza. B'kast mill-aqwa, uħud minnhom innominati għall-Oscar, fosthom id-direttur stess, ‘The Shape Of Water’ hu ħrafa oħra romantika u produzzjoni ta' fantasija pjaċevoli. Doug Jones issa sar qisu regola fissa f'diversi films ta' dan id-direttur.
Lady Bird
Atturi Ewlenin: Saoirse Ronan; Laurie Metcalf; Tracy Letts; Lucas Hedges; Beanie Feldstein; Odeya Rush.
Direttrici: Greta Gerwig.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul 94 min.
Ċert. 15
Bħal Parker Posey, Greta Gerwig hija r-reġina tal-films modesti indipendenti Amerikani u ma nsibuhiex fi produzzjonijiet ta' baġits sostanzjali. ‘Lady Bird’ infatti hu t-tieni film li dderiġiet, wara li ħadmet f'diversi films. Aħbar tajba wkoll hi li Gerwig hi waħda mill-ħames diretturi nominati għall-Oscar, il-ħames darba f'disgħin sena li mara sabet ruħha onorata f'din il-kategorija. B'katina ta' xeni qosra, ħafna minnhom ta' inqas minn minuta, ikunu biżżejjed biex iwasslu l-informazzjoni neċessarja jew l-osservazzjoni soċjali. Christine McPherson (Ronan), li tridha ta' Lady Bird, tfajla ambizzjuża li tattendi skola Kattolika, f'Sacramento, Texas, tixtieq tmur f'kulleġġ f'belt kbira, bħal New York. Biex iżżid il-merti (punti) ħalli tkun aċċettata, tibda tieħu kors ta' rectar wara l-iskola. Din l-esperjenza timla' l-ħajja soċjali u privata tagħha b'aktar enerġija, b'ommha mhix kuntenta li se tmur f'belt oħra u missierha mhux moħħu hemm billi jinsab mingħajr xogħol. Greta Gerwig b'ħila tforni lil ‘Lady Bird’ b'sensibilità, ironija u anki waqtiet komiċi.