Films li ma għandekx titlef din il-ġimgħa

F'idejk biex din il-ġimgħa ssib ftit ħin u tara dawn il-films 

Midnight Sun

Atturi Ewlenin: Bella Thorne; Patrick Schwarzenegger; Rob Riggle; Quinn Shepard.

Direttur: Scott Speer.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 91 min.

Ċert. 12A

‘Midnight Sun’ huwa film romantiku qawwi li fih l-atmosfera u l-ingredjenti kollha li jagħmluh xogħol ‘tal-maktur’. L-andament ta' din il-produzzjoni tfakkar fit-tip ta' films li ħarġu xi snin riċenti ilu bbażati minn fuq in-novelli ta' Nicholas Sparks - attrazzjoni bejn żewġ żgħażagħ ta' karattru tajjeb, imħabba tenera, intensa u rżina u xi ntopp serju li jqanqal sentimentaliżmu gwapp. Infatti, dan ix-xogħol hu bbażat minn fuq film Ġappuniż, ‘Song To The Sun’ Fil-qalba tal-istorja naraw lil Katie Price (Thorne), li minn tfulitha kienet tbati minn marda ġenetika rari li m'hemmx fejqan għaliha ‘Xeroderma Pigmentosum’ (XP). Din it-tfajla grazzjuża, ta' sbuħija pallida, simpatika u l-mimmi t'għajnejn missierha, Jack (Riggle) hija sensittiva immens għar-raġġi ultra-vjola tax-xemx u b'hekk trid tgħaddi l-ġranet tagħha fid-dar tħares 'l barra minn wara twieqi protetti bi ħġieġ skur apposta. Barra l-armel missierha, l-unika ħabiba tagħha hi Morgan (Shepard). Katie, li għandha 17-il sena, ta' talent mużikali, tgħaddi l-ġurnata tikteb il-kanzunetti u ddoqq il-kitarra waqt li b'ħerqa kbira tixtieq tkun parti attiva mill-ħajja ta' barra ta' waqt ix-xemx ta' kuljum. Meta jidlam, tazzarda toħroġ barra u ddoqq il-kitarra u tkanta b'vuċi ħelwa ħdejn l-istazzjon tal-ferrovija u anki takkwista xi ftit flus. Hemm, jieħu grazzja magħha Charles Reed (Schwarzenegger), atleta kbir tal-għawm tal-kulleġġ li hi tinnota spiss għaddej barra mingħajr hu ma jaf. Dawn jgħaddu sajf ta' lejliet romantiċi fid-dlam. Il-ferħ tat-tnejn ikun tant kbir u ġenwin sakemm darba jinsew il-ħin waqt li hu ma jafx bil-marda tagħha. ‘Midnight Sun’ jappella ħafna għal dawk li jħobbu films romantiċi ta' impenn delikat fejn wieħed malajr jissopponi li din l-hena sfieqa ta' bejn il-maħbubin bilfors trid tiltaqa' ma' xi niket.

A Quiet Place.

Atturi Ewlenin: Emily Blunt; John Krasinski; Millicent Simmonds; Noah Jupe.

Direttur: John Krasinski.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 96 min.

Ċert. 15

Sikwit joħorġu għall-wiri films tal-biża' u t-twerwir, xi wħud tajbin, oħrajn medjokri, iżda kważi dejjem b'andament u atmosfera simili. Tassew issorprendejt ruħi b'‘A Quiet Place’, produzzjoni mimlija tensjoni, biża' palpabbli, bi żvolġiment ta' manjiera friska u immaġinattiva. Il-bidu tal-film ambjentat fil-futur qrib, fl-2020, bi triqat vojta, ħwienet miftuħa, karozzi mitluqin barra u silenzju perfett, jagħti l-impressjoni li d-dinja ġarrbet xi katastrofu ta' xi gwerra nukleari. Familja, ħafjin tidħol inkiss inkiss f'supermarkit u jiftehmu bejniethom mingħajr kliem, bis-sinjali tat-torox. Dan hu dovut għall-mostri feroċi mingħajr għajnejn u li waslu hawn jattakkaw biss bil-ħsejjes li jisimgħu. Il-missier (Krasinski li hu wkoll id-direttur), wara traġedja fil-familja, irid iżomm lil martu (Blunt), li hi fi stat avvanzat tat-tqala, li bintu truxa (Simmonds) u lil ibnu (Jupe) magħqudin flimkien. Il-biża' tagħhom hu li meta titwieled it-tarbija din se ġġib periklu imminenti fuqhom. ‘A Quiet Place’ hi produzzjoni kważi mingħajr kliem, f'xi diskors jingħad biss fejn hemm ħoss akbar tan-natura, biex ma jinstemgħux minn dawn l-aljeni, bil-mużika qawwija li kultant taħsdek. Il-mostri li jkexkxu, li d-dehra kompluta tagħhom iddum, tassew jimpressjonaw. Il-qofol hu dwar familja li tinsab f'periklu imminenti u kif jirreaġixxu bejniethom. Waqt li l-kast kollu hu tajjeb, wieħed jammira lil Millicent Simmonds, tifla stinata u truxa (anki fir-realtà), li tinsab mhux f'sikkitha billi ma tistax tisma' lil dawn il-bestji resqin. Dan ix-xogħol verament iqanqal sens ta' eċitament li jqajjem lill-ġisem xewk xewk waqt li jirranka b'enerġija stupenda. Wieħed mill-isbaħ films ta' dan il-ġeneru li rajt f'ħajti. Forsi nistennew ‘sequel’!

Blockers

Atturi Ewlenin: Leslie Mann; John Ċena; Ike Barinholtz; Kathryn Newton; Geraldine Viswanathan; Gideon Adlong.

Direttrici: Kay Cannon.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 102 min.

Ċert. 15

‘Blockers’ hija kummiedja b'sekwenzi spinti bħal dawk prodotti minn Judd Apatow. Infatti, f'dan ix-xogħol waħda mit-tliet protagonisti hija Leslie Mann, il-mara ta' Apatow. Wara li rajna diversi kummiedji u fares dwar adoloxxenti maskili li jistinkaw biex iduqu l-ewwel relazzjoni sesswali tagħhom, issa jmiss li anki t-tfajliet jiċċelebraw dan l-avveniment. Tlett ibniet jagħmlu patt li bis-sewwa jew bid-dnewwa jitilfu l-verġinità tagħhom fil-lejla ta' meta l-kulleġġ jorganizza l-festin ‘prom night’ tal-aħħar tal-iskola. It-tliet ġenituri tagħhom isiru jafu b'din id-deċiżjoni u jippjanaw bil-moħbi kif se jfixkluhom. Meta dan ir-riċeviment jasal, it-tliet adulti responsabbli b'ferneżija jippruvaw jilħqu l-għan tagħhom billi jaġixxu bl-akbar mod infantili u farsesk, l-aktar meta jkissru l-karozza wara li jsusu warajhom b'ġiri sfrenat u speċjalment meta jistahbew fit-tliet kmamar fejn hemm iż-żewġ maħbubin. Dawn it-tliet tfajliet li ilhom ħbieb minn meta kienu fil-kindergarten, u hawn naraw missier qisu golf jibki bil-ferħ jara lil bintu dieħla l-iskola għall-ewwel darba, huma Julie (Newton), imrobbija minn ommha Lisa (Mann), li dejjem jaqsmu ma' xulxin l-aħjar affarijiet, Mitchell (Ċena), atleta robust però missier ġentili u bintu Kayle (Viswanathan), u Hunter (Barinholtz) li wara divorzju, jgħaddi ħajtu mal-mimmi t'għajnejh, Sam (Adlong). ‘Blockers’ iqum daqsxejn fuq tiegħu meta l-adulti jieħdu battikata bla bżonn biex jipproteġuhom, iżda jibdew jaraw lil uliedhom bħala persuni responsabbli li saru adulti intelliġenti aktar milli ħasbu.

More in Divertiment