Il-Qaddis Belti
Dun Ġorġ Preca, il-Qaddis mill-Belt Valletta maħbub mill-Maltin kollha
Fi ftit jiem oħra fil-knejjes f’Malta u Għawdex niċċelebraw il-festa tal-qaddis Malti u Belti San Ġorġ Preca u għalhekk ħsibt li niddedika l-artiklu tiegħu għal informazzjoni dwar ħajjet din il-personalità. San Ġorġ Preca twieled fil-Belt Valletta, nhar it-12 ta’ Frar 1880 minn Vincenzo u Natalina xebba Ceravolo. Tgħammed nhar is-17 ta’ Frar fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Porto Salvo, il-Belt Valletta. Tmien snin wara, fl-1888, il-familja Preca marret toqgħod il-Ħamrun. Kien fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu li Ġorġ irċieva l-Griżma tal-Isqof u għamel l-Ewwel Tqarbina. Darba, meta kellu madwar 17-il sena, iltaqa’ ma’ wieħed mill-għalliema tiegħu tal-Liceo, Dun Ercole Mompalao, ħdejn il-Mall tal-Furjana.
Dun Ercole għamillu din il-profezija: “Preca, int għad tikber u nies li jirrispetaw ’l Alla jidħlu fil-familjarità miegħek u inti magħhom. Int għad issib xortik permezz tagħhom u huma għad isibu xortihom permezz tiegħek”. Wara l-istudji tieghu fil-Liceo, beda jattendi s-Seminarju biex jistudja t-teoloġija bil-ħsieb li jsir saċerdot.
Fit-8 ta’ April 1905 miet Dun Alwiġ Galea li għal ħafna snin kien il-konfessur ta’ Ġorġ. Preca kien jirrakonta li ftit wara mewtu Dun Alwiġ deherlu u qallu: “Lilek Alla għażlek biex tgħallimlu l-poplu tiegħu”. Il-Kjeriku Ġorġ Preca kiteb abbozz ta’ regola bil-Latin biex jibgħatha lill-Papa San Piju X għall-approvazzjoni. Kellu l-ħsieb li fil-parroċċi kollha jkun hemm djar b’seba’ rġiel ordnati djakni, megħjunin minn awżiljari lajċi, li xogħolhom kellu jkun li jgħallmu lit-tfal u l-kbar.
Kien proprju bejn l-1905 u l-1906 li Ġorg Preca ltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażagħ il-Ħamrun u ħajjarhom jattendu għal xi laqgħat ta’ tagħlim. Għażel wieħed minnhom, Eugenio Borg, u beda jispjegalu l-Iskrittura (iktar tard dan Eugenio sar l-ewwel Superju Generali tas-Societas Doctrinae Christinae u miet b’fama ta’ qdusija wkoll).
Ftit qabel l-ordinazzjoni saċerdotali Dun Ġorġ kien kawżi ser imut b’marda li ħakmitu. It-tabib qata’ qalbu minnu, iżda għalkemm tilef l-użu ta’ pulmun, Ġorġ rkupra bl-interċessjoni qawwija ta’ San Ġużepp. Dun Ġorġ ġie ordnat saċerdot nhar it-22 ta’ Diċembru 1906 mill-Isqof Pietro Pace u ċċelebra l-ewwel quddiesa solenni fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, nhar il-Milied. Għal xi ġimgħat wara l-ordinazzjoni saċerdotali kien joħroġ biss mid-dar biex iqaddes. Kien jibqa’ miġbur fil-kamra ta’ fuq il-bejt jitlob u jimmedita.
Għall-ħabta tal-aħħar ta’ Jannar 1907 Dun Ġorġ sejjaħ mill-ġdid lill-grupp taż-żgħażagħ u nhar it-2 ta’ Frar iltaqgħu fil-Knisja Ta’ Nuzzo, il-Ħamrun, għal-lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta’ Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f’post ċkejken li kienu krew apposta f’numru 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Dawn iż-żewġ dati jimmarkaw it-twaqqif tas-Societas Doctrinae Christianae (Soċjetà tad-Duttrina Nisranija): grupp ta’ żgħażagħ lajċi ffurmati fil-ħajja tar-ruħ u fil-prinċipji tar-reliġjon Kattolika, mibgħuta biex jgħallmu l-poplu.
Għall-bidu, Dun Ġorġ sejjaħ l-għaqda tiegħu Societas Papiduum et Papidissarum jew “Xirka ta’ Wlied il-Papa” għaliex ried jisħaq fuq il-lealtà lejn il-Papa. Intant, iżda, kważi b’ċajta, il-post fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel soċji ngħata l-laqam ta’ “mużew” u biż-żmien il-laqam tal-post sar l-isem tal-għaqda, u baqa’. Dun Ġorġ fassal tifsira mill-kelma “MUSEUM” bil-Latin: "Magister utinam sequatur Evangelium universus mundus!" (Mgħallem, li kien id-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju!). Il-fergħa tan-nisa bdiet ir-Raħal Ġdid fl-1910 bl-għajnuna ta’ Giannina Cutajar li wara saret l-ewwel Superjura Ġenerali.
Kien għall-ħabta tal-1910 li Dun Ġorġ kellu esperjenza mistika qawwija li hu kien isejjaħ “il-famuża dehra ta’ Ġesù Tfajjel”. Kien għaddej ħdejn is-Salib tal-Marsa meta jilmaħ tfajjel ta’ madwar 12-il sena jimbotta karetta b’qoffa demel. It-tifel ikkmandah: “Agħtini l-għajnuna!” Kif Dun Ġorġ medd idejh biex jagħtih l-għajnuna, ħass ħlewwa li ma bħalha u ma setax isib tarf ’il fejn hu u t-tifel marru bil-karretta. Wara li rrifletta, Dun Ġorg intebaħ li t-tifel kien Ġesù, u d-demel, kif ġieli indikat fl-Iskrittura, ifisser it-tagħlim. B’din il-viżjoni, il-Qaddis fehem li Ġesù riedu jagħti ħajtu għat-tagħlim tal-poplu.
Biż-żmien il-M.U.S.E.U.M. ħa l-bixra li nafuh biha llum: ħaddiema lajċi rġiel u nisa totalment iddedikati għall-appostolat tal-katekeżi kemm taż-żgħar u kemm tal-kbar; modesti fl-ilbies u fil-kliem, ħajjithom minsuġa b’sensiela ta’ talbiet qosra u ta’ riflessjonijiet li jingħadu bl-amment għal kull kwarta tal-ġurnata (“L-Arloġġ Museumin”), impenjati għal siegħa jew iżjed ta’ katekeżi kuljum lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-oqsma tas-Soċjetà u wara siegħa oħra ta’ formazzjoni permanenti għalihom infushom li tissejjaħ Assenjatur.
L-għaqda mwaqqfa minn Dun Ġorġ kellha l-mumenti iebsin tagħha. Fl-1909 Dun Ġorġ irċieva l-ordni biex jagħlaq l-oqsma kollha. San Ġorġ Preca obda bi qsim il-qalb izda mingħajr tlaqliq. Kienu l-kappillani stess li nsistew li tiġi revokata l-ordni tal-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech. Bejn l-1914 u l-1915 bdew jidhru fil-ġurnali lokali xi artikli kontra l-M.U.S.E.U.M. li kienu mimlijin disprezz u inġurji.
Dun Ġorġ impona fuq il-membri tiegħu l-vot jew wegħda tal-ġentilezza li biha ntrabtu li jaħfru mill-qalb lil min ikasbarhom u kien jinsisti magħhom biex “iħobbu d-disprezzi” u ma jħallux li dawn itelfulhom il-paċi ta’ qalbhom. Fl-1916 l-Isqof Mauro Caruana ordna li ssir inkjesta dwar is-Soċjetà. Wara ħafna taħbit u umiljazzjonijiet għall-fundatur, il-Kurja kienet sodisfatta bl-istħarriġ. Ġew ordnati xi tibdiliet fir-regolamenti tas-Soċjetà iżda fl-aħħar kienet twittiet it-triq biex l-istess Isqof Caruana japprova s-Soċjetà. Id-digriet tal-erezzjoni kanonika jġib id-data tat-12 ta’ April 1932.
Dun Ġorġ Preca ħadem kemm felaħ biex ixerred it-tagħlim tal-Evanġelu fil-gżejjer Maltin. Kiteb għadd kbir ta’ kotba ta’ tagħlim reliġjuż u spritwalità. Ikkompona għadd kbir ta’ libretti ta’ talb, kemm għall-użu privat tas-Soċjetà kif ukoll għad-devozzjoni popolari. Bla dubju, kien appostlu tal-Kelma ta’ Alla, speċjalment tal-Evanġelu li kien isejjaħlu “Leħen il-Maħbub”. Kien jinsisti li l-katekisti u l-poplu jitgħallmu siltiet qosra mill-Evanġelu bl-amment. Il-predikazzjoni kariżmatika tiegħu kienet dejjem imżewqa bi ġrajjiet mill-Evanġelu u mill-ħajjiet tal-Qaddisin. Kien difensur qalbieni tal-unur u l-qima li jistħoqqu Alla biss, u kien juri b’persważjoni kbira il-konsegwenzi koroh tad-dnub.
Ma kienx jibża’ jitkellem dwar il-mewt, il-ġudizzju, l-infern u l-ġenna. Kellu sens kbir tal-ġustizzja ta’ Alla u kien jitkellem b’konvinzjoni fuq il-ħniena bla tarf tal-Missier. Kien imfittex ħafna għall-pariri jew għal xi kelma ta’ kuraġġ. Il-poplu kollu kien jafda fit-talb tiegħu u ħafna nies jirrakontaw ġrajjiet ta’ fejqan bl-interċessjoni tiegħu. Kien jaqra l-qlub tal-bnedmin u kien imżejjen bid-don ta’ umiltà kbira, twajjeb, ħelu, ġeneruż. Kien ragħaj qaddis tal-poplu ta’ Alla.
Stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tat-twelid tal-Mulej. Sa mill-1917 beda jqanqal il-qima lejn il-kliem mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, "Verbum Dei caro factum est" (Ġwanni 1, 14). Ried li s-Soċji jilbsu badge b’dan il-kliem u mill-1921 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, lejliet il-Milied, tiġi organizzata manifestazzjoni ad unur ta’ Ġesù Bambin, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-Museum jieħdu magħhom id-dar grotta b’Ġesù tarbija.
Fil-mumenti diffiċli ta’ ħajtu u tas-Soċjetà tiegħu Dun Ġorġ Preca tgħallem jafda fil-ħarsien qawwi ta’ Sidtna Marija. Nhar il-21 ta’ Lulju 1918 inkiteb bhala terzjarju Karmelitan u fil-professjoni li għamel f’Settembru 1919 għażel l-isem ta’ Patri Franku. Ried li t-tfal kollha li jattendu l-MUSEUM jinkitbu fil-labtu tal-Karmnu u kellu devozzjoni specjali lejn il-Madonna tal-Buon Kunsill. Xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża u xtaq li l-knisja tad-Dar Ċentrali fil-Blata l-Bajda tkun iddedikata lilha. Fl-1957 huwa ssuġġerixxa ħames Misteri tad-Dawl għar-Rużarju li l-Knisja adottat fl-2002 permezz tal-Papa San Ġwann Pawlu II u żidithom mat-tliet misteri l-oħra eżistenti.
Fid-19 ta’ Mejju 1951 Dun Gorg bierek l-ewwel ġebla tal-Iskola San Mikiel, f’Santa Venera, u fl-1952 bagħat l-ewwel membri tiegħu biex jibdew is-Soċjetà fl-Awstralja. Illum is-Socjetà tad-Duttrina Nisranija tinsab ukoll fl-Ingilterra, fl-Albanija, fis-Sudan, fil-Kenja, u fil-Perù. Fit-2 ta’ Ottubru 1952, il-Papa Piju XII ħatar lil Dun Ġorġ bħala Kamrier Sigriet bit-titlu ta’ Monsinjur. Dun Ġorġ tnikket ħafna minħabba din l-onorifiċenza. Huwa baqa’ jżomm it-titlu għal sitt snin biss sakemm miet il-Papa li kien onorah fl-1958. Fl-1955 qiegħed u bierek l-ewwel ġebla tal-Istitut Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar fejn aktar tard ġew trasferiti s-Soċji Interni li sa dak iż-żmien kienu jiltaqgħu Ħaż-Żebbuġ.
Wara ħajja twila mimlija ħidma fejjieda fit-tagħlim tal-poplu ta’ Alla, Dun Ġorġ Preca miet fid-dar bl-isem ta’ “San Gejtanu” fi Triq il-Parroċċa f’Santa Venera, nhar il-Ħamis filgħaxija 26 ta’ Lulju 1962. Malta u Għawdex bkewh. Huwa ried funeral sempliċi, iżda sarlu wieħed li fih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet tas-soċjetà Maltija u eluf kbar ta’ nies. Indifen fil-kripta taħt il-Knisja tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda li malajr saret post ta’ pellegrinaġġi. Huwa ġie beatifikat mill-Papa Ġwanni Pawlu II, f’Malta, nhar id-9 ta’ Mejju 2001 u ddikkjarat qaddis mill-Papa Benedittu XVI nhar it-3 ta’ Ġunju 2007 fi Pjazza San Pietru f’Ruma. Il-festa liturgika tiegħu tiġi ċċelebrata kull sena fid-9 ta’ Mejju.