Tliet films li ma għandekx titlef
Jekk din il-ġimgħa għandek ftit ħin ilu, ħu ħsieb li tara dawn il-films
The Guernsey Literary and Potato Peel Pie Society
Atturi Ewlenin: Lily James; Michiel Huisman; Jessica Brown Findlay; Penelope Wilton; Tom Coutenay.
Direttur: Mike Newell.
Maħruġ minn KRS Releasing,
Tul: 123 min.
Ċert. 12A
Ambjentat primarjament fuq is-sbejħa Guernsey, waħda mill-gżejjer tal-Kanal Ingliż (Channel Islands), meta dan il-post kien okkupat min-Nazisti, 'The Guernsey Literary And Potato Peel Pie Society' hu bbażat fuq in-novella tal-istess isem ta' Annie Barrows u Mary Anne Sħaffer. Fil-qalba ta' din l-istorja ħelwa u attraenti, insibu lil Juliet Ashton (James), awtriċi spirituża li tgħix f'Londra ta' wara l-gwerra. Din it-tfajla, minkejja suċċess riċenti ta' ktieb tagħha, wara trawma li għaddiet minnha fi żmien il-gwerra, issa qed issibha diffiċli ssib ispirazzjoni fuq xiex tikteb. Wara li tirċievi ittra mhux mistennija minn Dawsey Adams (Huisman), bidwi minn Guernsey, titlaq lejn din il-gżira biex tikteb dwar għaqda litterarja kurjuża li Adams semmielha, ffurmata minn grupp ta' ħbieb mhumiex daqshekk konvenzjonali, meta dawn kienu taħt il-ħakma tal-Ġermaniżi fit-Tieni Gwerra Dinjija. F'dan il-post ta' arja pura u nies ġenjali, Juliet tassew taffaxxina ruħha waqt li tibda takkwista l-ispirazzjoni ġdida li tant tixtieq mill-imħabba sinċiera li dawn il-membri għandhom għal-letteratura. Hi tinduna wkoll b'sigriet ta' qsim il-qalb li huma ma jixtiquhx jinkixef. Meta Juliet u Dawsey jsiru aktar intimi, tibda tinvestiga x'ġara tassew matul is-snin ta' okkupazzjoni u tiddeċiedi li għandha tgħin lil dawn il-ħbieb ġenwini ġodda tagħha. L-isem tal-film jirreferi għal din l-għaqda letterarja, iffurmata spontanjament fil-prologu, bl-iskop li jinsew id-dwejjaq u tbatijiet li kienu għaddejjin minnhom. Din hi produzzjoni ta' ċertu affaxxinu tipikament Brittaniku, li tħalli warajha ferħ, bi grupp ta' persuni ta' min jieħu grazzja magħhom u minkejja xi sekwenzi drammatiċi fil-bidu, il-final ixaqleb iżjed lejn il-kuntest romantiku.
The Hurricane Heist
Atturi Ewlenin: Toby Kebbell; Maggie Grace; Ryan Kwarten; Ralph Ineston.
Direttur: Rob Cohen.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 103min.
Ċert. 12A
Azzjoni gwappa u konvinċenti u qilla tremenda ta' urugan potenti huma l-ingredjenti ta' 'The Hurricane Heist', film li jħallik bla nifs. Fil-kosta tal-Golf Amerikan, f'Alabama fl-1992, urugan qawwi jikkawża l-mewt ta' missier devot li kien iħobb isus wara dawn il-forzi tan-natura u jħalli warajh żewġt itfal subien, Will u Breeze fil-furja ta' din il-maltempata ta' intensitá tal-biża'. 25 sena wara, Will(Kebbell) qed jaħdem fl-uffiċċju meteorloġiku, waqt li qed jippjana jmur bit-trakk armat tiegħu lejn l-urugan Tammy, l-akbar maltempata qawwija fl-istorja tal-Istati Uniti li riesqa lejn Gulport, Alabama. Meta n-nies ikunu evakwati, fiż-Żekka Amerikana tibda għaġla sfrenata biex jinqerdu 600 miljun karta qadima tad-dollaru. Grupp ta' ħallelin u 'hackers' isibu x-xoqqa f'moxtha biex iwettqu s-serqa tas-seklu. Waqt il-furja ta' dan iċ-ċiklun, Will jinqabad fil-kaos li jinqala' u ma' ħuh Breeze(Kwanten) isalvaw lil Casey(Grace), l-unika aġenta tat-Teżor li baqgħet ħajja biex taħrab magħhom. Minn hawn tibda ġirja sfrenata ta' azzjoni splussiva, ta' ħerba u straġi fuq skala grandjuża, waqt li l-qilla taċ-ċiklun qed tagħmel tagħha. F'The Hurricane Heist', la darba tibda l-azzjoni tremenda din ma tbattix sal-final. Barra l-ispettaklu ta' qerda fuq panorama ta' sema skur u mudlama, b'sajjetti spissi, xita bil-qliel u riħ ivenven jgħolli kull ma jsib, dan ix-xogħol jimita ħafna il-ġirjiet ta' ħeffa ta' 'The Fast And The Furious' u l-azzjoni ta' Indiana Jones speċjalment f'Raiders Of The Lost Ark'. L-effetti speċjali vizzwali tassew vividi u reali jqanqlu sens ta' twerwir.
Tully
Atturi Ewlenin: Charlize Theron; Mackenzie Davis; Mark Duplass; Ron Livingston.
Direttur: Jason Reitman.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 96 min.
Ċert. 15.
Diablo Cody kitbet l-istorja tal-film 'Juno' (2007) fejn il-protagonista, tfajla tkun tqila kważi matul l-andament kollu. Dan ix-xogħol, rebħilha l-Oscar. Issa, flimkien mal-istess direttur, Jason Reitman, kitbet u anki pproduċiet, ma' diversi oħrajn, 'Tully'. Propjament, fl-ewwel xena ninnotaw żaqq maħruġa sew - din hi Marlo (Theron), omm fi stat avvanzat ta' tqala bit-tielet tarbija ġejja fid-dinja. Din hi melodramma b'impenn soċjali b'fil ta' kummiedja sottili, dwar ir-realitajiet li tkun omm ta' tliet itfal, b'tifel bi problemi serji ta' kif iġib ruħu. Eżawrita mill-enerġija, b'rabja mistura fuq wiċċha, b'raġel li ma tantx jgħinha, il-ħajja miżżewġa qed tagħfas bl-ikrah fuq is-sanità tagħha. Ikun hawn li, kontra qalbha, minħabba li ma tistax tonfoq flus bla bżonn, li hi tingaġġa 'nanny' għal bil-lejl wara l-ewwel xhur tat-tqala. Tully (Davis) tagħti l-impressjoni li hi xebba ferrieħa u mhux addattata biex tieħu ħsieb tarbija, minħabba l-manjieri eċċentrici u infantili li turi. Però, jissuċiedi li din il-mara ta' 26 sena, b'wiċċ ta' tfajla, mhux biss tkun kapaċi taddatta ruħha mat-tarbija, talli wkoll tgħin lil Marlo fir-relazzjonijiet intimi tagħha mar-raġel, Drew (Livingston), għax meta jasal il-lejl kienet tkun tant għajjiena li torqod ċomb. Charlize Theron, b'kunfidenza kbira ġġorr dan il-film fuq spallejha. Bħal f''Monster' (2003), fejn interpretat il-parti ta' waħda kerha, qattiela gwappa, hawn hi fiżikament tidher b'wiċċ mixrub, imbaċċa sewwa anki wara t-twelid tat-tarbija. Fuq kollox, minn mument għall-ieħor tagħti l-impressjoni li se tisplodi b'furja ta' rabja qalila jew li se titlef ir-raġuni. Tassew parti brillanti!