Films ġodda għal din il-ġimgħa
Jekk għandek ftit ċans, jew għandek aptit toħroġ ftit, fis-swali taċ-ċinema għandek issib films ġodda...
Super Troopers 2
Atturi Ewlenin: Jay Chandrasekhar; Kevin Heffernan; Steve Lemme; Paul Soter; Erik Stohlhanskie; Brian Cox; Lynda Carter.
Direttur: Jay Chandrasekhar.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 99 min.
Ċert. 15.
Broken Lizard Industries huma tim ta' kummidjanti Amerikani li jispeċjalizzaw f'films farseski, banali, b'sitwazzjonijiet infantili, magħmul minn Jay Chandrasekhar, Steve Lemme; Paul Soter, Kevin Heffernan u Erik Stolhanskie. Fis-sena 2001, però kellhom suċċess b'‘Super Troopers’, fejn dawn taħt id-direzzjoni ta' Chandrasekhar ħadmu l-parti ta' pulizija tat-traffiku li jispezzjonaw it-toroq prinċipali, li bil-mossi u mutetti bla bżonn tagħhom spiċċaw umiljati, disgrazzjati u mkeċċija minn xogħlhom. Wara, permezz tad-DVD, dan il-film ħa fama ta' kult u kompla jagħmel suċċess finanzjarju. Wara attentati oħra, kummiedji ta' ġeneri differenti li ma kellhomx is-suċċess mixtieq, dawn ħassew il-ħtieġa li jagħmlu ‘sequel’, naturalment bl-isem ta' ‘Super Troopers 2’. Din id-darba, dawn l-ineffiċjenti paladini tal-liġi qegħdin mifrudin jagħmlu xogħol divers, meta sejħa mill-Kaptan O'Hagen (Cox) u l-gvernattriċi Jessman (Carter) ta' Vermont jagħtuhom ċ-ċans biex, wara dawn is-snin kollha, jerġgħu jakkwistaw ix-xogħol ta; qabel biex ipattu għan-nuqqasijiet serji li kkommettew. Dawn għandhom imorru f'belt Kanadiża, qrib il-fruntiera mal-Istati Uniti, fejn iċ-ċittadini jitkellmu bil-Franċiż, li suppost għandha taqa' taħt il-ġurisdizzjoni Amerikana u jeżerċitaw il-liġi hemm. Fil-każ ta' suċċess, l-impieg ta' qabel jerġgħu jeħduh. Il-Kanada diġà aċċettat dan, imma n-nies tal-belt jixtiequ jibqgħu Kanadiżi. Tistgħu taħsbu t-taħwid u l-ġlied li jinqala' meta il-pulizjotti Amerikani ta' nofs kedda jiffaċċjaw lil Royal Canadian Mounted Police, ikollhom ibiddlu s-sinjali tat-triqat li jagħtu għall-belt għall-kejl metriku, l-istupidaġni li juru meta jippruvaw jitkellmu bil-Franċiż u meta jkunu attakkati fi klabb tal-hockey fejn isir iż-żfin ‘striptease’. B'sejba ta' drogi minn tfal f'post diżabitat u b'ors fil-post tal-għassa tagħhom, flimkien ma' gwerra sħiħa mal-pulizija Kanadiżi, wieħed malajr jinduna jekk dawn hux se jirnexxu jew le. ‘Super Troopers 2’ hu farsa sħiħa bla brejkijiet, b'sitwazzjonijiet spinti anki fejn jidħol is-sess, imma b'andament ta' kafkaf li għandu jogħġob lil dawk li ma jridux iħabblu moħħhom. Lynda Carter, il-famuża ‘Wonder Woman’ tas-serje televiżiva, taħdem il-parti ta' uffiċjal Amerikan tal-liġi.
Show Dogs
Atturi Ewlenin: Will Arnett; Natasha Lyonne.
Vuċijiet Ewlenin: Chris ‘Ludacris’ Bridges; Stanley Tuċċi; Alan Cumming; Gabriel ‘Fluffy’ Iglesias.
Direttur: Raja Gosnell.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 92 min.
Ċert. 12
L-isem tal-film ‘Show Dogs’ jindika li l-klieb li jitkellmu f'din il-produzzjoni b'atturi reali, huma l-veru protagonisti. Infatti, Max (vuċi ta' Bridges), kelb żorr tar-razza Rotweiler, hu ttrenjat biex jgħin lill-pulizija ta' New York. Fil-bidu, dan il-kollega ta' erba' saqajn jisfratta operazzjoni tal-Aġent Frank Mosley (Arnett) biex jaqbad xi kuntrabandisti li serqu Panda ċkejkna, Ling-Li. Imma, bis-saħħa tiegħu jinqabad wieħed mill-kriminali li jidderieġi lill-kelb u lil sidu lejn Las Vegas. F'dan il-post tad-divertiment, Frank jikkuntattja lil Mattie (Lyonne), konsulenta speċjali tal-FBI fit-taħriġ tal-klieb. Dan il-kelb goff u disutli, permezz ta' Philippe, kelb anzjan Franċiż rebbieħ ta' diversi konkorsi, jinbidel f'annimal li kapaċi jikkompeti f'wirjiet speċjali tal-klieb. Jekk Frank u Max ma jkunux aċċettati għall-finali tal-kompetizzjoni, ikollhom jitilqu lura lejn New York u l-Panda tintilef għalkollox. Il-ħallelin ta' Ling-Li qegħdin għassa wkoll biex jisirqu lill-annimal rebbieħ u jbigħuh flimkien mal-Panda. L-aħħar parti ta' dan il-film pjaċevoli, Max u sħabu l-annimali l-oħra, flimkien ma' Frank u Mattie, jippruvaw iżommu pass ’il quddiem minn dawn in-negozjanti korrotti, f'sekwenza twila, mexxejja ħafna, b'azzjoni eżileranti. ‘Show Dogs’ hu dirett minn Raja Gosnell li diġà wera abbilità f'xogħlijiet b'tema simili, bħal ‘Scooby-Doo’ u ‘Beverly Hills Chihuahua’. Ħafna mill-mossi tal-klieb u xi annimali oħra u l-mod kif jiċċaqilqu huma modifikati permezz tal-kompjuter. ‘Show Dogs’ jipprovdi divertiment mill-aqwa għall-familji.
Films Maħruġa - 20 ta' Diċembru 2017 sal-20 ta' Ġunju 2018.
F'dan il-perjodu ta' 26 ġimgħa, KRS Releasing ħarġu 76 film ġdid li 12 minnhom kienu 3D.
12 minn dawn il-films damu jintwerew 7 ġimgħat jew aktar, b'The Greatest Showman idum 15-il ġimgħa u warajh Jumanji, Welcome To The Jungle 14-il ġimgħa.
Films oħra li damu jintwerew, kienu:
Black Panther, 11-il ġimgħa, Darkest Hour 9 ġimgħat, waqt li Red Sparrow , Peter Rabbit . Maze Runner: The Death Cure , Coco , Tomb Raider , Fifty Shades Freed u A Quiet Place kollha damu esebiti għal 8 ġimghat.