Weraq niexef

Rakkont mill-isbaħ miktub minn Sharon Calleja...

Eżattament ġimgħa ilu.

U hu kien qiegħed hawn.

Mimdud fuq il-ħamrija umduża bil-weraq niexef fuqha.

Għajnejh kienu kollha dmugħ. Iżda għal xi raġuni jew oħra ma felaħx jibki. Kien ilu jissportihom.

“Jean? L-imwarrab?”

Leħen is-subien instema’ jidwi mal-akkwati.

Għajnejn Jean qabżu pulzier ’il barra, in-nifs batut wara l-għeja tal-ġirja li kien għadu ġej minnha kien kważi maqtugħ għalkollox, idejh bdew jirtogħdu u xagħru kien xi ftit imħabbel.

Ma kellux ħin.

Ried jistaħba ta’ malajr. Inkella kienu jsibuh.

Qam inkiss inkiss u biż-żarbun iqarmeċ fuq il-weraq niexef, telaq jiġri lejn siġra kbira li kienet fit-tarf nett tal-ġnien kbir fejn kien jinstab.

“Jean?” reġa’ semagħhom. Niżel kokka wara s-siġra u żamm in-nifs. L-għaraq beda nieżel ma ġbinu.

Allaħares isibuh!

Qalbu ċkejkna f’sidru kien bdiet tħabbat b’mod ifferoċjat minn taħt il-qafas.

Jekk isibuh...

Kien ilaqqat dirsa tajba!

“Jean!” beda jgħajjat l-ikbar wieħed fosthom. “Morru fittxuh. Xi mkien hawn irid ikun!”

Kienu grupp subien. Kollha kemm huma kienu fil-klassi tiegħu. Minn mindu kienet mietet ommu, kien mar jgħix ma’ nanntu li ftit li xejn kienet għadha tiflaħ tlaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu.

Jean kellu seba’ snin.

Issa xagħru kien ikun xi ftit imgerfex, il-ħwejjeġ tal-uniformi ma kinux għadhom ifuħu bħalma kienu jkunu qabel. It-tbissima unika li kien ikollu Jean fuq wiċċu kienet għabet għalkollox. Ommu kienet kollox għalih. Il-firda li kien ħass kienet iebsa wisq biex wieħed jiddeskriviha.

“Morru fittxuh!” reġa’ qalilhom Andrew, l-aktar wieħed robust minnhom.

Għal mument Jean għalaq għajnejh u ħass il-qalziet li kellu fuqu jixxarrab bil-biża’. Ftakar fl-aħħar xebgħa li kienu tawh u beda jagħfas ruħu kemm jista’ mas-siġra ħalli ħadd minnhom ma jarah.

Iżda wara ftit ħin, kollha kemm huma bdew iduru ’l hawn u ’l hemm qalb is-siġar. Jean ħass ruħu ħierġa minn ġismu bil-biża’!

U rah.

Christopher rah.

Hekk malli rah, it-tifel skanta jħares lejh.

Għajnejn iż-żewġ subien iltaqgħu ma’ xulxin. Għajnejn Christopher kbar u ċari u għajnejn Jean, skuri u żgħar.

“Christ...” kien ser jgħidlu, iżda t-tifel l-ieħor hekk kif rah hemm f’dik is-sura, moħbi qalb il-weraq niexef, imkeffen sew wara s-siġra, ħass qalbu tingħafas.

Jean kien għadu qed iħares lejh, jistennieh jgħajjat lil sħabu sabiex jiġu jsibuh hawn.

“Xxxxxxxxx,” lissen Christopher hekk kif għolla subgħajh quddiem xufftejh. Dawwar rasu ħalli jara li l-ebda tifel ieħor ma kien qed iħares lejhom. “Itlaq issa!” reġa’ qallu minn taħt, hekk kif ħbieh b’ġismu stess ħalli Jean ikun jista’ jaħrab.

Jean ried jirringrazzjah.

Jean ried jurih li kien ser jibqa’ jafulu.

Iżda minflok ma wieġbu, qabad il-basket tal-iskola li kien mgħaffeġ ħdejn saqajh u telaq jiġri b’kemm kellu saħħa sa xħin wasal id-dar ta’ nanntu.

“Sibtuh lill-imwarrab?” staqsa Andrew kważi rrabjat. “Hawn suppost kien!”

Iżda sa fejn kien jaf hu, lil Jean l-imwarrab ħadd ma kien rah.

 

Għaddew xi jiem. Il-bank tal-iskola ta’ Jean kien vojt. Kien ilu ftit ma jersaq lejn l-iskola.

Waqt il-lezzjonijiet, Christopher kien joqgħod jiċċassa jħares lejn il-bank ta’ Jean.

Dak il-mument li għajnejhom it-tnejn kienu ltaqgħu ma’ xulxin qatt ma kien ser jinsieh. Kien ħass ħafna emozzjonijiet għal dak it-tifel. F’temp ta’ sekonda kien esperjenza d-dulur li kien għaddej minnu Jean. Jean l-imwarrab. Għax hekk kienu jsibuh sħabu l-oħra.

Ma damx ma reġa’ ltaqa’ miegħu.

“Wara l-iskola tridu mmorru f’dik id-dar l-abbandunata li hemm fit-tarf tar-raħal illejla?” staqsiehom Andrew dakinhar stess.

Kulħadd qallu iva. Mur għidlu le lil Andrew! Kieku kien idawwar lill-grupp kollha konfoffa kontrik!

U wara l-iskola erħewlha lejn din id-dar abbandunata.

Kienet dar qadima, mingħajr bibien u twieqi, snin twal ta’ abbandun totali kienu ġabuha lok perfett fejn grupp subien ta’ dik l-età setgħu jesploraw u jgħaddu ftit ħin.

Kien fiha ġnien kbir fuq wara, mimli għollieq, ħurrieq u xi ħaxix twil ieħor li s-subien ma setgħux jagħrfuh.

“Jien sejjer sas-sular ta’ fuq,” qalilhom Andrew.

Għalkemm ħadd minnhom ma ried imur miegħu, tefa’ ħarstu fuq Christopher.

“Ejja miegħi, Christ,” qallu.

“Jien?” U għal mument, Christopher kien ser jgħidlu le, iżda beża’ li jekk jirrifjuta, Andrew kien ipattihielu.

Sħabhom baqgħu iduru fil-ġnien.

Hekk malli qabdu telgħin it-taraġ, Christopher għamel it-tarf tal-komma tal-flokk quddiem imnifsejh għax kien hemm riħa ta’ moffa taqsam. Anke l-kulur tal-ġebel kien sfar u l-injam tat-taraġ kien kollu mkisser u ċedut lejn is-sular t’isfel.

Malli telgħu fis-sular ta’ fuq indunaw li l-madum kien kollu maqlugħ, b’xi partijiet tal-art sfrondut. Ix-xorok li kien hemm taħt, ftit li xejn kienu jipprovdu protezzjoni.

“Tal-biża’ hawn fuq,” wieġbu Christopher, saqajh kważi tegħleb bil-biża’.

“Tgħidlix li qed tibża’?” staqsieh sieħbu.

“Ma tarax!” gideb l-ieħor.

U kien propju dak il-ħin. Instema’ ħoss kbir. Ix-xorok ċeda. Il-madum ixxaqqaq aktar. L-art tas-sular ta’ fuq bdiet isserraħ ’l isfel. Christopher ħass ġismu jegħleb u beda nieżel ’l isfel mill-parti li sfrondat!

“Andrew!” beda jwerżaq.

Andrew telaq lejn it-tarf tal-kamra, lejn it-taraġ.

Is-subien kollha li kien hemm fil-ġnien ġew jiġru lejn dik in-naħa ħalli jaraw eżatt dak il-ħoss x’kien. Raw lil Christopher iżomm mat-tarf tax-xorok b’idejh, b’ġismu mdendel għal isfel.

“Ajjut!” beda jgħajjat, jibki kemm jiflaħ.

“Ma nistgħux niġu ħdejk!” qallu Andrew.

Xi tnejn minn sħabu ppuntaw imorru jiġru lejn it-taraġ iżda Andrew waqqafhom.

“Ħalluh! Inkella nweġġgħu aħna!”

“Għinuni!” beda jwerżaq. Ix-xorok niżlu biċċa oħra.

“Tlaqna ’l hemm!” ordnalhom Andrew.

Christopher ra lil sħabu jitilqu kollha.

U ħallewh hemm.

Kien qed jolfoq u jibki.

Passi. U dak il-ħin sema’ ħoss ta’ xi ħadd.

U rah.

Jean kien qed iħares lejh mit-taraġ.

“Inzertajt hawn! Ejja ħa ngħinek!” qallu.

B’attenzjoni kbira għadda minn fejn kien l-aktar sod, u mingħajr telf ta’ ħin, qabdu minn idejh u ġibdu ’l fuq.

Ftit ħin wara, kienu t-tnejn li huma bilwieqfa quddiem xulxin fis-sular t’isfel, eżatt mal-entrata tal-bini. Christopher kien għadu qed iħoss saqajh jirtogħdu.

“Grazzi...” ried jgħidlu, iżda Jean kien diġà telaq jiġri.

U l-għada, xħin mar l-iskola ried jevita lil sħabu.

“Aħna għidna li ma jiġrilek xejn!” kixef snienu Andrew.

Iżda Christopher lanqas biss wieġbu, moħħu kien f’Jean u kien qed jgħid bejnu u bejn ruħu li mnalla kien hu li salvah għaliex sħabu kienu abbandunawh fil-mument tal-bżonn.

Iżda l-bank ta’ Jean baqa’ vojt illum ukoll.

“Miss?” mar Christopher lejn l-għalliema, hekk kif kienet daqqet il-qanpiena biex jitilqu lejn id-dar.

“X’għandek bżonn?” staqsietu l-għalliema.“Nixtieqek tgħidli fejn joqgħod għax irrid nagħtih rigal. Billi ilu ma jiġi...”

L-għalliema waqfet qisha statwa, donnha riedet tgħidlu xi ħaġa.

“Jekk jogħġbok...”

“Ma tistax tagħtihulu. Ġimgħa ilu kellu aċċident.”

“Imma lbieraħ... ilbieraħ rajtu.”

“Ma jistax ikun,” qaltlu. “Ġimgħa ilu. Eżatt. Kien għadu kemm ħareġ jiġri minn dak il-ġnien tas-siġar twal u tal-weraq niexef. Tajritu karozza. Miet fil-post. ”

 

More in Divertiment