Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

...nhar is-Sibt se tkun iċċelebrata wkoll it-23 edizzjoni tal-Ġurnata Nazzjonali taċ-Ċinema

 

Ideal Home

Atturi Ewlenin; Steve Coogan; Paul Rudd; Alison Pill; Jake Dornan; Jack Gore

Direttur: Andrew Fleming

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Tul: 91 min.

Ċert. 15.

Issa li għaddiet il-liġi li l-gays jistgħu jaddottaw il-film Ideal Home għandu suġġett topiku. Din hija kummiedja leġġera sodisfaċenti bejn koppja rġiel li ilhom żmien f'relazzjoni flimkien minkejja li spiss jargumentaw bejniethom għal kull ħaġa ta' xejn. Waqt li Erasmus (Coogan) u Paul (Rudd) li qegħdin jgħixu ħajja komda f'post lussuż u spazjuż, jinsabu f'sitwazzjoni intolleranti, iżda li m'għandhomx il-kuraġġ li jitilqu lil xulxin, f'nofshom jidħol għall-għarrieda Angel (Gore), tifel ta' għaxar snin li jgħid li hu n-neputi ta' Erasmus. Missieru, li ġie arrestat fuq negozju tad-drogi hu t-tifel ta' Erasmus, meta snin qabel kellu esperiment ma' mara. Dan it-tifel, minn banda, iħarbtilhom ir-rutina ta' ħajjithom waqt li magħhom ma jkun jonqsu xejn. Fil-post tagħhom tasal ħaddiema soċjali (Pill) biex tinvestiga s-sitwazzjoni u ssib għandhom kollezzjoni ta' DVDs pornografiċi. Hawn, dawn it-tnejn aktar jagħmlu sforz biex jidhru li huma ġenituri eżemplari. Ideal Home, kultant anki b'mod farsesk u frisk fl-istess ħin, l-aktar bil-manjieri kif Paul u Erasmus jaġixxu bejniethom, juri ċarament li dawn iż-żewġ atturi verament kellhom xalata f'din il-parti bl-istil tipikament versatili u divers ta' kull wieħed. Fuq kollox, dan ix-xogħol inissel messaġġ pożittiv fuq it-trobbija tat-tfal minn ġenituri tal-istess sess. Waqt il-kreddti tal-aħħar, wieħed jista' jinnota koppji simili reali li verament addottaw b'suċċess.

Adrift

Atturi Ewlenin: Shailene Woodley; Sam Claflin; Grace Palmer

Direttur: Baltasar Kormakur

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 96 min.

Ċert. 12A

Il-perseveranza, ir-rieda qawwija, t-traġedja li għaddiet minnha u, fuq kollox, il-qawwa li tfejjaq tal-imħabba huma l-ingredjenti kollha li jappartjenu lil Tami Oldham. Dawn l-esperjenzi reali ta' niket u ta' biża' u twerwir huma rrikordjati fil-ktieb Red Sky at Mourning: A True Story of Love, Loss and Survival at Sea, miktub għaxar snin wara l-avvenimenti li għaddiet minnhom. Adrift, il-film addattat minn dan il-volum jirrakkonta l-esperjenzi ta' tkexkix li ġarrbet din it-tfajla kuraġġuża matul 41 ġurnata tturufnata fuq il-baħar, waħedha sakemm ġiet salvata. Tami Oldham (Woodley), u l-maħbub tagħha Richard Sharp (Claflin), kienu akkaniti li jsalpaw fuq il-baħar. Meta fl-1983 ħarġu bid-dgħajsa tagħhom ta' 44 pied, qatt ma basru li se jiffaċċjaw direttament wieħed mill-eħrex urugani fl-istorja tad-dinja. Wara din il-battikata, id-dgħajsa tkun kważi mfarrka, mimlija ilma u Richard korrut gravi. Bla ebda ċans ta' salvataġġ, f'oċean vast, Tami trid issib il-kuraġġ u l-fibra meħtieġa li ssalva lilha nniffisha u l-uniku raġel li qatt ħabbet. Adrift, bħal xi xogħlijiet oħra tal-ġeneru tiegħu, juri kif l-ispirtu uman, f'każijiet estremi, kapaċi jissupera kull ostaklu. Dan hu film drammatiku/romantiku.

Patrick

Atturi Ewlenin Beattie Edmondson; Ed Skrein; Emily Atack; Ġemma Jones; Jennifer Saunders; Tom Bennett

Direttriċi: Mandie Fletcher

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 94 min.

Ċert. 12A

Il-familja bit-tfal u l-adulti ta' rieda tajba tassew se jieħdu gost jaraw il-film Patrick. Din hija kummiedja purament Brittanika bil-kultura u l-manjieri uniċi ta' dan in-nazzjon. Kull min iħobb l-annimali se jogħxa bil-mossi u r-reazzjoni ta' Patrick, kelb żgħir li wieħed malajr jinkaram għalih. Sarah Francis (is-simpatika u allegra Beattie Edmondson) hija għalliema indeċiża ħafna x'direzzjoni se tieħu ħajjitha. Mingħajr l-ebda sfida u nuqqas ta' interess fl-eżistenza tagħha, meta nannitha tmut hi tiret il-kelb imfissed li kellha. Dan Patrick ikompli jgħarrqilha ħajjitha bl-inkwiet li jnissel ġo darha. Bil-mod tibda tinduna li fih sabet sieħeb li qed ifisser xi ħaġa konkreta għaliha l-aktar meta tkun se titilfu. Permezz tiegħu u bil-ħarġiet regolari miegħu, ssir aktar amikevoli mal-oħrajn, tikkordina aħjar ma' sħabha tal-iskola u anki jinbtu ġo fiha ġibdiet romantiċi. Patrick jurina kif meta ninkarmu wara xi annimal fidil lejna, speċjalment kelb,ħajjitna aktarx tinbidel għall-aħjar. Bis-saħħa tiegħu, Sarah terġa' takkwista kunfidenza fiha nnifisha u l-kuraġġ meħtieġ biex tkopri mad-destin tagħha. Barra li wieħed malajr jinkaram wara dan iċ-ċkejken brikkun, li jisraq l-ikel anki mill-friġġ, jiġri wara l-qtates u jiddeffes fejn mhux suppost, il-lokalitajiet sbieħ tan-Nofsinhar ta' Londra, l-aktar fix-xtut pittoreski tax-xmara Thames, ukoll ipaxxu l-għajn. U x'hemm aktar Brittaniku daqs meta Celia (Jones), il-ġara ta' Sarah isservi t-te mill-passatur? Kull min jarah se joħroġ ferħan miċ-ċinema.

It-23 edizzjoni tal-Ġurnata Nazzjonali taċ-Ċinema.

Il-KRS għandhom il-pjaċir iħabbru li t-23 edizzjoni tal-Ġurnata Nazjonali taċ-Ċinema se ssir nhar is-Sibt 14 ta' Lulju 2018.

Dakinhar fis-swali se jidhru mhux inqas minn 10 films ġodda jew maħruġin riċenti bil-prezz imraħħas, mid-9.00am sa tard bil-lejl.  Fis-Citadel Ċinema t'Għawdex il-wiri jibda mill-4.00pm.

Dawn li ġejjin huma xi wħud mill-films li se jintwerew f'dik il-ġurnata fl-Eden, Embassy, Empire, Gallarija u Citadel Cinemas.

1. Skyscraper.  Will Sawyer, eks veteran Amerikan tal-gwerra li kien jaħdem mat-tim ta' salvataġġ tal-FBI, issa qed jieħu ħsieb is-sigurtà' f'binjiet tassew għoljin. Waqt xogħol f'Hong Kong, isib li l-aktar bini għoli u suppost sigur ħa n-nar u l-ħtija waqgħet fuqu.  Will ikollu jaħrab, waqt li jipprova jfittex il-ħatjin u anki jsalva lil familtu maqbudin ġewwa.

2. Incredibles 2.  Il-familja kollha supereroj jgħaddu minn avventura gwappa waqt li jiffaċċjaw avversarju qalil f'dan il-film animat.

3. Adrift.  Storja vera dwar koppja żagħżugħa li jinħabbu, isalpaw f'oċean fejn iħabbtu wiċċhom ma' wieħed mill-agħar urugani fl-istorja tad-dinja.

4. Patrick. Sarah tinsab fi stat mill-agħar ta' ħajjitha u ma trid lil ħadd jieħu ħsiebha.  Meta hi tiret kelb imfised jismu Patrick mingħand nannitha wara mewtha, ħajjitha tibda titranġa.

5. Hereditary.  Wara l-mewt tal-matrijarka, familja li tinsab f'luttu tintlaqat minn traġedja, sitwazzjonijiet tal-biża' u anki jiskopru sigrieti oskuri.

6.  Sicario 2: Soldado.  Il-gwerra bejn il-kartelli tad-droga fuq il-fruntiera ta' bejn l-Istati Uniti u l-Messiku ħraxet sew.  Issa qed jiġu ttraffikati t-terroristi. L-Aġent tal-FBI Matt Graver jerġa' jingħaqad mal-misterjuż Alejandro.

7. Oceans 8.  Debbie, oħt Danny Ocean, ippjanat bir-reqqa, meta kienet il-ħabs, serqa ta' djamanti waqt il-wirja lussuża annwali Met Gala ta' New York City.

8. Jurassic World: Fallen Kingdom.  Fuq il-gżira tad-dinosawri l-vulkan beda jiżbroffa b'qilla kbira. Owen u Claire jmorru hemm biex isalvaw dawk li baqa'.

9. Deadpool 2.  Id-disklu Wade Wilson, magħruf bħala Deadpool jiġbor grupp ta' oħrajn mibdulin bħalu biex jipproteġu tifel b'abbiltajiet sopranaturali minn bniedem/robot jismu Cable li kapaċi jivvjaġġa matul iż-żmenijiet.

10. Show Dogs.  Max, kelb Rotweiler goff tal-pulizija se jkollu jaħdem baxx baxx biex jieħu sehem f'wirja prestiġġjuza ma' ħabibu uman, forsi jiskansaw diżastru.

Min jaħseb kmieni għall-biljetti ma jiddispjaċihx.

More in Divertiment