Il-moħħ, il-qalb u l-id tal-festa jitkellmu mal-ILLUM
Is-sagristan, tal-armar, tan-nar, il-bandist, il-pittur u tal-qniepen. L-inqas li jgawdu l-festa imma mingħajrhom ma jsir xejn
Ġieli mort festa u staqsejt minn hemm wara l-armar tal-knisja, l-armar tat-toroq, il-kaxxa infernali jew il-ħoss tal-banda? Il-festa ma hi xejn mingħajr in-nies. Sebat ijiem ċelebrazzjonijiet jirrikjedu sena sħiħa ħidma u sagrifiċċju minn għadd kbir ta' voluntiera li jaħdmu għall-festa.
Fl-aħħar ġimgħat, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma' għadd ta' persuni li jaħdmu għall-festa u tkellmet magħhom dwar il-ħidmiethom, id-diffikultajiet li jaffaċċjaw u s-sodisfazzjon li tagħtihom il-festa.
Adrian Vella - Sagristan
1. Kemm ilek Sagristan?
Jien ilni minn meta kont żgħir niġri l-knisja u ngħin fl-armar. Għal dawn l-aħħar 20 sena kont is-sagristan ta' San Ġorġ ta' Ħal Qormi.
2. Kemm tibda tipprepara qabel għall-festa?
Fil-knisja x-xogħol ma jiqafx. Għall-festa nibdew nippreparaw qisu minn nofs Mejju, kważi xahar u nofs qabel. Trid tarma fuq in-nadif. Allura l-ewwel nibdew innaddfu ftit ftit, imbagħad nibdew id-damask u ftit ftit il-knisja tintrama.
3. X'inhi l-aktar ħaġa li tħobb tarma?
Hemm ħafna affarijiet li nħobb narma. Nieħu gost meta narmaw il-vara. Imma naħseb id-damask jibqa' l-favorit. Mhux biss għax tara l-knisja tilbes ftit ftit imma għax fl-aħħar snin għamilnieh ġdid u ħdimna u ġbarna għalih aħna l-voluntiera. Allura tħoss sodisfazzjon kbir.
4. Imma dawn il-fided u d-dehbijiet mhux żejda meta jeżisti l-faqar?
Ma tinkwetanix għax jien naf kemm il-parroċċa tagħna taħdem ma' dawk fil-bżonn. Għandna l-Kummissjoni Djakonija tgħin ħafna nies. Id-dar t'Alla ħaqqha l-aqwa u l-aħjar. Kulma qed tara huwa frott sagrifiċċji li għamlu missirijietna.
5. Fadal interessi oħra. Minn hawn u 20 sena oħra se narmawhom il-knejjes?
Għall-grazzja t'Alla hawn għandna grupp sabiħ ta' voluntiera jgħinu fl-armar. 20 sena ilu kont insaqsi l-istess mistoqsija. Illum għadna hawn u kollox għadu jsir. Ma naqtax qalbi.
Benny Bugeja - Tal-qniepen
1. Kemm ilek iddoqq il-qniepen?
Tista' tgħid minn meta kont tifel. Għal dawn l-aħħar 50 sena żgur. Kelli missieri kien midħla ħafna tal-knisja u kien ukoll il-parrinu tal-qanpiena l-kbira tal-parroċċa tal-Gżira. Allura tista' timmaġina kemm kont nisma’ ħafna stejjer fuq kif inġabru l-flus għall-qniepen u l-istorja tagħhom
2. Imma d-daqq tal-qniepen jagħtik sodisfazzjon?
Għalija l-qanpiena hija vuċi u nħossha tkellimni. Inħoss għaliha meta tispiċċa maħqura minn daqq ħażin u tisbit żejjed. Tferraħni meta tindaqq kif għandha tindaqq. Inħoss li hemm sens ta' komunikazzjoni bejni u bejn il-qanpiena.
3. Hemm xi sett li huwa l-favorit?
Hemm ħafna settijiet sbieħ li jferrħuni imma l-aktar ta' Ħal Lija u tal-Gżira. Il-qniepen ta' John Taylor jogħġbuni wisq. Għandhom intonazzjoni perfetta u ċertu ħlewwa li ma ssibx f'settijiet oħra. F'Malta daqqejt kważi fil-kampnari kollha imma għandi xewqa kbira li ndoqq dawk ta' Għajnsielem, imma għalissa ftit diffiċli għax wisq impenjat fil-festi f'Malta.
4. Imma l-qniepen mhux storbju żejjed?
Meta jindaqqu f'ħinhom mhumiex. Żgur mhux aktar storbjużi mill-makkinarji tal-kostruzzjoni li ssibhom kullimkien jew xi radju mgħolli ta' karozza. Għaliex il-qniepen ma għandhomx iħabbru u juru li fil-parroċċa jkun hemm festa kbira. Naqbel li kull mota ma għandhiex tkun aktar minn kwarta għax l-esaġerazzjoni ħażina f'kollox. Hemm min fil-festa għadu jdoqq il-Paternoster mas-sebħ. Din la darba f'sena biss u hija tradizzjoni, ma narax għaliex ma għandhiex issir aktar.
Amanda Farrugia - Bandista
1. Kemm ilek iddoqq il-banda?
Ilni ndoqq għal dawn l-aħħar 12-il sena. Ommi dejjem kienet iddoqq il-marċi fuq ir-radju, kelli z-zijiet u l-kuġuni kollha bandisti u fil-marċi konna nimxu magħhom. Bilfors inġbidt lejn il-banda.
2. Il-każini tal-banda għad għandhom irwol importanti?
Ħafna, kemm b'mod personali u anke kulturali. Personalment il-banda tagħtni spinta 'il quddiem biex nemmen aktar fija nnifsi. Il-banda ġġiegħlek tegħleb il-mistħija, tgħinek tagħmel il-ħbieb, tagħtik gost u permezz tagħha int tagħti gost lil ħaddieħor.
3. Imma għad hemm interess?
Naħseb li hemm għadu, speċjalment fin-naħa ta' isfel ta' Malta. Forsi naqas xi ftit għax il-ħajja saret mgħaġġla u ħafna tfal ma jlaħħqux ma' ħafna impenji differenti!
4. Il-fatt li int mara tellfek meta ġejt biex titgħallem il-banda?
Lanqas xejn! Anzi l-każin li ndoqq miegħu, jiġifieri ta' Santa Katarina taż-Żurrieq dejjem imbuttani biex nikber fil-mużika u nesponi t-talenti tiegħi.
5. Il-banda titlob ħafna xogħol jew marċ u daqshekk?
L-aktar li jkollna x'nagħmlu fis-sajf iżda apparti s-servizzi fix-xitwa jkollna diversi kunċert biex nippreparaw għas-servizzi tas-sajf.
Julian Vassallo - Tal-armar
1. Kemm ilek tarma?
Minn meta kont żgħir kont iffissat fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt. Ilni nieħu ħsieb l-armar tal-festa għal dawn l-aħħar 21 sena.
2. Il-ħidma x'tirrikjedi?
Jekk ma taħdimx is-sena kollha ma tagħmel xejn. Aħna sena sħiħa sejrin. Daqqa manutenzjoni u drabi oħra naħdmu fuq proġetti ġodda biex dejjem insebbħu t-toroq tal-Belt Valletta.
3. Issibu diffikultajiet?
Ħafna, speċjalment dan l-aħħar. Kemm-il darba laqtulna l-armar bil-vannijiet li jidħlu filgħodu u filgħaxija. Apparti minn hekk qed ifaqqsu l-imwejjed u s-siġġijiet fit-toroq tal-Belt u qed insibuha diffiċli biex narmaw f'ċertu ħinijiet.
3. L-armar jiswa ħafna flus! Ma jistgħux jintefqu aħjar?
Jien għalija mhux ħela tal-flus aktar u aktar ma żżomm f'moħħok li din hija karrateristika unika tagħna l-Maltin. Min iħobb ħaġa u min iħobb oħra. Jien nemmen li bl-armar inkunu qed nuru wkoll b'mod estern id-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna tal-Karmnu. Jiena nemmen li kollox jgħin, anke statwa, jew xi simbolu f'pavaljun. Veru hawn min jesaġera xi ftit fl-armar imma naħseb li kollox huwa frott l-entużjażmu ta' ħafna żgħażagħ.
Nick Spiteri - Tan-nar
1. Kemm ilek involut fil-piroteknika?
Ilni 23 sena. Il-piroteknika hija l-passjoni tiegħi.
2. Imma ma tibżax meta tisma’ b'xi inċident?
Jekk tkun responsabbli tal-kamra tan-nar, dik il-biża' se ġġorrha miegħek is-sena kollha, għax ngħiduha kif inhi, huwa xogħol li jinvolvi r-riskji. Aktar minn biża', wara xi inċident aktar inħoss serħan il-moħħ meta wara kull festa kollox ikun għadda b'wiċċ il-ġid. Mill-ewwel inkunu determinati li niffaċċjaw sena oħra ta' ħidma.
3. Tasal li tieqaf taħdem in-nar?
Ma nafx ngħidlek. Jekk ħames snin ilu kont tistaqsini jekk hux lest nerfa' r-responsabbilità bħala licensee kont ngħidlek li ma nafx. Huma ċ-ċirkostanti li jiddettaw l-andament u jġegħluk tieħu ċertu deċiżjonijet.
4. Imma ma taħsibx li xi kultant in-nar huwa storbju żejjed?
Kulħadd huwa liberu li jikkummenta imma wara kollox il-piroteknika hija regolata bil-liġi. Hemm regolamenti li jistabbilixxu ħinijiet tal-ħruq, dewmien u saħansitra anke l-kalibru tal-murtali u l-effetti pirotekniċi. Apparti minn hekk in-nar isir bis-saħħa ta' donazzjonijiet li jinġabru mingħand ħafna nies li għandhom għal qalbhom il-festa. Ħadd mhu mġiegħel jagħti l-flus. Mhux ngħid li ma hemmx esaġerazzjonijiet u din hija żejda f'kollox. Tista' twassal għal aspettativi akbar milli wieħed ikun jista' jlaħħaq magħhom. Kollox għandu jkun meqjus u magħmul b'mod responsabbli.
5. Il-piroteknika għadha b'saħħitha? Għandha futur?
Għadha ħafna b'saħħitha u dan jixhduh l-irħula li jtellgħu wirjiet spettakolari matul il-ġimgħa tal-festa. Iż-żgħażagħ dejjem huma bżonjużi. Aktar ma jkun hemm element żagħżugħ, aktar se jkun hemm ideat ġodda. Tinsiex li aħna ma nitħallsux, allura aktar ma jkun hemm nies aktar aħjar. Imma sfortunatament illum il-ħajja mgħaġġla u ż-żgħażagħ ftit għandhom ħin biex jikkontribwixxu anke fid-delizzji tagħhom. Qatt mhu biżżejjed. Kif jgħidu l-Ingliżi, the more the merrier.
Brian Borg - Ħajjat, pittur u induratur
1. Kemm ilek involut fil-festa?
Minn meta kont żgħir niftakarni nagħmel festa d-dar u nħit il-pavaljuni ma' ommi. Nipprova nagħmel minn kollox. Inħit il-bnadar, pavaljuni, bandalori, nagħmel disinji, pittura u sfumar. Nindura wkoll, l-aktar induratura elaborata bħalma nsibu fil-vari proċessjonali.
2. X'jogħġbok l-aktar fil-festa?
Kollox! Mill-inqas fustun armat waħdu fi triq imwarrba sal-isbaħ biċċa xogħol mirquma fil-knisja. In-nar, il-banda, l-orkestra, l-orgni, il-qniepen. Kollox. Inħobbhom wisq. Din is-sena, għent ukoll lil tan-nar tal-art u nammetti li għalkemm fih ħafna xogħol u jinħaraq malajr mingħajr ma jibqa' xejn minnu, is-sodisfazzjon li tani kien kbir.
3. Sew li bl-armar tal-festa timblukkaw il-bankini?
Il-bankini jiġu mblukkati diversi drabi s-sena kollha, bl-imwejjed tar-ristoranti, żibel u ħmieġ tal-annimali u iva, ftit jiem fis-sena bl-armat tal-festa wkoll. Imma ħafna minn dawn il-bankini fl-irħula huma dojoq wisq għax lanqas huma toroq mibnija għat-traffiku. Ġeneralment l-istess bankini mblukkati fil-jiem tal-festa lanqas matul is-sena ma jkunu jistgħu jintużaw daqs kemm huma dojoq. Naħseb tkun aktar ħaġa tajba kieku fil-jiem tal-festa, il-qalba tar-raħal tkun magħluqa għat-traffiku.
4. Imma l-festa xi tfisser għalik?
Kważi kollox. Inħobbha wisq. Jien sena sħiħa naħseb fiha, noħlom biha u nara x'se nagħmel kull sena jkollna festa aħjar minn ta' qabilha