Erba' films oħra ġodda għal din il-ġimgħa

Is-swali taċ-ċinema qed joffri erba' films ġodda fis-swali tagħhom

Christopher Robin

Atturi Ewlenin: Ewan McGregor; Hayley Atwell; Bronte Carmichael; Mark Gatiss.

Vuċijiet Ewlenin: Jim Cummings; Brad Garrett; Peter Capaldi; Toby Jones; Sophie Okonedo.

Direttur: Mark Foster.

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 104 min.

Ċert: U.

Il-karattri/annimali tassew ħelwin li jgħixu f'Hundred Acre Wood, maħluqin mill-awtur A. A. Milne fl-1924, tassew ġabu ferħ u divertiment fit-tfal kollha (u anki f'ħafna adulti). L-ors żgħir, Winnie the Pooh li jħobb l-għasel u sħabu l-oħrajn saru rinomati mal-qarrejja ta' kullimkien. Kien imss li t-tfajjel uman, Christopher Robin, ħabib ġenwin tagħhom ukoll ikollu l-istorja tiegħu. Wara Goodbye Christopher Robin (2017), il-produzzjoni ġdida Christopher Robin tiftaħ bit-tfajjel jinforma lill-orsett li l-ġranet sbieħ, liberi u ta' bla ħsieb li kien iqatta' magħhom fil-foresta se jintemmu. Hu issa sar ġuvnott u se jkollu jattendi skola fejn jorqod hemm. Wara li jservi fil-gwerra u jgħaddu s-snin, issa adult, Christopher (McGregor) għandu mara, Evelyn (Atwell) u tifla, Madeline (Carmichael), qed jaħdem anki fil-weekend, mhux jitħallas biżżejjed u bl-imgħallem tiegħu fitt daqs id-dubbien. Meta Pooh jiġi jżuru jerġa' jingħaqad mill-ġdid mal-ħbieb tal-foresta. Hu jkollu jinżel Londra biex jindirizza laqgħa dwar problemi finanzjarji tal-kumpanija fejn jaħdem, però xi karti bżonjużi jtirulu mar-riħ. Madeline b'kumbinazzjoni tiltaqa' ma' Pooh, Tigger, Eeyore u Piglet. Dawn iħallu l-bosk biex imorru Londra biex jagħtu dokument speċjali lil Robin. Huma jridu jgħinu lil ħabibhom jissalvagwardja l-impjieg tagħhom, lill-kumpanija u fl-istess ħin jingħaqdu flimkien mal-familja tal-għażiż ħabibhom u b'hekk jiskopru mill-ġdid il-ħbiberija ta' qabel u japprezzaw ħajja aktar sempliċi, trankwilla, ferrieħa u pjaċevoli bħal dik ta' ħafna snin qabel. Christopher Robin jurina avventura li tmiss il-qalb, ta' nostalġija u ta' tibdiliet li bilfors irridu nagħmlu meta nsiru aktar maturi. Barra l-atturi reali, l-annimali ġentili u ġenjali wkoll jitkellmu.

The Darkest Minds

Atturi Ewlenin: Amandla Sternberg; Mandy Moore; Bradley Whitford; Harris Dickinson; Gwendoline Christie.

Direttrici: Jennifer Yuh Nelson.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 105 min.

Ċert. 12A

 The Darkest Minds huwa l-ewwel adazzjoni għaċ-ċinema tal-ktieb bestseller ta' Alexandra Bracken, li hu l-ewwel ukoll minn trijologija mmirata għaż-żgħażagħ adulti (l-oħrajn huma Never Fade u In The Afterlight ). Nerġgħu nsibu ruħna f'dinja fejn qed tirrenja atmosfera apokaliptika. Fl-Amerika, pajjiż fi stat imqalleb ta' rivoluzzjoni, marda fatali misterjuża qatlet% tat-tfal. Dawk il-ftit li rreżistew għal din il-kalamita akkwisaw kapaċitajiet tal-biża' li ma jistgħux ikunu kkontrollati. B'hekk, l-istat qed iqis lil dawn li salvaw bħala għedewwa u qed jiġu kkaċċjati mill-militar. Fil-ftuħ, Ruby, tifla ta' għaxar snin twerwer lill-ġenituri tagħha bil-poteri li għandha fuqha. Huma jsakkruha fil-garaxx sakemm jiġu l-pulizija biex jeħduha f'Thurmond, kamp brutali ta' riabbilitazzjoni. Meta tagħlaq 16-il sena, il-verità toħroġ fl-apert u bil-ħniena tiskappa minn hemm. Hi tingħaqad ma' oħrajn  tamparha li sejrin lejn East River, post ta' kenn. Hemmhekk, pjan dijaboliku qed jitħejja li se jġib lil Ruby (Sternberg) bejn ħaltejn kif l-aħjar li tirreaġixxi. The Darkest Minds juri l-intriċċi u s-sagrifiċċji li dawn l-imsejknin iridu jgħaddu minnhom. Forsi l-agħar fost dawn hu li Ruby ma tistax tressaq ġuvni lejha għax tinqala' sitwazzjoni splussiva!

The Giant Pear

Vuċijiet Ewlenin: Alfred Bjerre Larsen; Liva Elvira Magnussen; Peter Frodin; Henrik Koefoer.

Diretturi: Amalie Naesby Fick; Jurgen Lerdan u Philip Lipsch.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 79 min.

Ċert. 

Mill-Ewropa qed jaslu diversi films animati ta' livell sodisfaċenti, tassew addattati għaż-żgħar u l-familja kollha. The Giant Pear hu bbażat minn fuq ktieb satiriku Daniż għat-tfal, ta' Jakob Martin Strid. Din il-produzzjoni hi tassew imfawra b'avventuri eżileranti, mimlija inċidenti li mhux iż-żgħar kollha jistgħu jlaħħqu magħhom. Il-protagonisti huma Sebastian u Mithco, iljunfant żgħir beżżiegħi u qattusa kuraġġuża. Meta d-dar ta' dawn f'villaġġ pittoresk ħdejn il-baħar tiġġarraf, billi mal-faċċata tinbet b'ħeffa lanġasa enormi, huma aċċidentalment jintbagħtu fuq il-baħar, ġo din l-istess lanġasa żvojtata minn ġewwa li sservi bħala darhom u anki bħala bastiment. Fil-vjaġġ tagħhom biex ifittxu lis-sindku tal-post li jinsab itturufnat fuq gżira eżotika, huma flimkien mal-Professur Glucose jiltaqgħu ma' ċorma pirati storbjużi, riċerkaturi u iħirsa li jtiru madwarhom. Il-viljakk hu l-Viċi Sindku qsajjar tal-post li jrid jibni torri għoli u b'hekk iħassar l-estetika ta' Sunnytown. The Giant Pear jagħti lemħa lill-film animat ieħor, ta' madwar 20 sena ilu, Jack and the Giant Peach u lil dawk dwar il-Kaptan Nemo, bis-sottomarin tiegħu. Il-fattizi tal-karattri umani huma murija apposta xi ftit esaġerati, bħal geddum ġej għall-ponta, mnieħer pjutost rotund u kbir, saqajn xi ftit ħoxnin fuq xi raġel matnazz, però l-animazzjoni u t-tpinġija hija ċara, u attraenti.

A Sicilian Ghost Story

Atturi Ewlenin: Julia Jedlikowska; Gaetano Fernandez; Corinne Musallari; Andrea Falzone.

Diretturi: Fabio Cassadonia u Antonio Piazza.

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.

Tul: 122min.

Ċert. 15.

 A Sicilian Ghost Story, film Taljan dirett b'manjiera innovattiva minn Fabio Cassadonia u Antonio Piazza, mhuwiex film tas-soprannaturali minkejja t-titlu, iżda xogħol traġiku/romantiku bbażat minn fuq reat faħxi ta' madwar tletin sena ilu li seħħ fi Sqallija. Luna (Jedlikowska), tfajla ta' 12-il sena tinkaram bil-kbir wara s-sieħeb tagħha tal-klassi, Giuseppe (Fernandez), li ġej minn familja sinjura. Kontra l-parir t'ommha, hi tibda ssus warajh u meta jisparixxi tazzarda ħafna ġo foresta ta'qrib ir-raħal tagħha biex tipprova ssibu. Madwarha, kulħadd fommu sieket qisu hemm xi seħer. B'kuraġġ sfiq, hi tinvadi dinja oskura u misterjuża u li trid tidħol fiha minn għadira kbira. Il-misteru li jkollha tħabbat wiċċha miegħu hu wieħed potenti u tkun biss l-imħabba soda u ġenwina tagħha għalih li tippermettilha r-rotorn lejn iċ-ċivilizzazzjoni. Din hi produzzjoni li jżommok fi stat inkwetanti, b'andament kurjuż ta' fissazzjoni estrema u impatt fuq is-saħħa mentali li ġiet ippremjata fil-festival ta' Cannes. Il-film li hu bis-sottotitoli jaqbad perfettament l-atmosfera ta' bruda u omertà ta' post taħt id-dwiefer tal-mafja.

More in Divertiment