Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema
Glass, Colette u The Upside, fis-swali taċ-ċinema minn din il-ġimgħa
Glass
Atturi Ewlenin: James McAvoy; Bruce Willis; Anya Taylor-Joy; Sarah Paulsen; Samuel L. Jack; Spencer Treat Clark.
Direttur: M. Night Shyamalan.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul:128 min.
Ċert. 15.
Id-direttur M. Night Shyamalan b'mod impressiv ħallat flimkien in-narrattivi ta' żewġ thrillers fantastiċi u viżjonarji minn tiegħu, Unbreakable (2002) u Split (2006) fi thriller ieħor splussiv, Glass dwar supereroj tal-kotba komiks. Kemm Bruce Willis bħala David Dunn u Samuel L. Jackson bħala Elijah Price, aktar magħruf bħala Mr. Glass qed jirritornaw mill-ewwel film, waqt li minn Split James McAvoy qed jirrepeti r-rwol tiegħu ta' Kevin Wendell Crumb, bniedem mifni b'identitajiet ta' diversi persuni li, minn waqt għall-ieħor, jieħdu kontroll assolut ta' moħħu. Minn Split qed terġa' tidher Anya Taylor-Joy bħala Casey Cooke, l-unika maqbuda li rnexxielha ssalva minn The Beast (McAvoy). David Dunn issa qed isus u jippersegwita lill-figura superumana ta' The Beast f'serje ta' inkontri brutali waqt li l-preżenza ta' Price, dgħajjef ġo siġġu tar-roti billi jsofri minn marda fejn l-għadam tiegħu hu fraġli, għandu sigrieti importanti dwar dawn it-tnejn. Crumb, li jbati min diżordnijiet ta' ndividwi malinni jaħtaf tliet tfajliet tinagers. Leħen ġo moħħu jgħidlu li dawn l-impuri jrid jitmagħhom lil The Beast, kreatura ta' saħħa kbira li kull tant żmien tippossedih. Dan il-mingħul jeħles lil Casey għax fuq ġisimha jara farretti u marki li kienet abbużata bħala tifla. Dunn isir gwerrier viġilant li jsalva lill-innoċenti u jikkastiga lill-kriminali. Però Price jinduna li Dunn mhux minn dejjem kien daqshekk ta' stoffa. Glass, miktub mid-direttur stess jiżvolġi b'manjiera mħarrka bit-tliet protagonisti għal ħafna ħin imsakkrin ġo sptar tal-moħħ spiss ittestjati minn psikjatra, b'editjar pjuttost konfuż u b'intriċċi aktar milli wieħed jista' jlaħħaq magħhom. Dan ix-xogħol suppost li hu l-final ta' triloġija li ilha snin fil-pjanijiet ta' Shyamalan.
Colette.
Atturi Ewlenin: Keira Knightley; Dominic West; Denise Gough; Fiona Shaw; Robert Pugh.
Direttur: Wash Westmoreland.
Maħruġ minn KRS Releasing,
Tul: 111 min.
Ċert. 15
Sidonie-Gabrielle Colette (Knightley) kienet waħda mill-aqwa awturi ċelebri ta' żmienha, kif ukoll l-aqwa kittieba Franċiża. Biex din il-mara ta' tendenza li taġixxi ta' waħda indipendenti laħqet dan l-unur, kellha tgħaddi minn ħafna intriċċi u relazzjonijiet romantiċi mhux normali u anki xi żmien fejn il-vuċi tagħha ma kinitx tiswa. Colette hu film bijografiku dwar il-ħajja tempestuża ta' din l-awtriċi li minn tfulitha f'raħal rurali fi Franza sabet ruħha f'Pariġi fil-perjodu illustri magħruf bħala La Belle Epoque qalb l-isplendur u l-intellettwali ta' din il-belt. Meta Colette tiżżewweġ lil Henri Gauthier Villars (West), magħruf bħala Willy, raġel kult mill-kapitali Franċiża, 14-il sena akbar minnha, hi tmur tgħix f'din il-belt fejn tipprova taddatta ruħha għall-ħajja soċjali t'hemm, u anki tiskopri li żewġha hu ġerrej. Wara li titlaq lura hu jmur għaliha u jwegħda li se jibqa' fidil lejha. Ippressata minn Willy tibda tikteb dwar l-esperjenzi tagħha tat-tfulija taħt l-isem ta' Claudine. Meta żewġha jieħu l-kreddtu kollu tal-letteratura tagħha u jaġixxi ta' egoist magħha, Colette tagħmel il-kuraġġ u tibda tikteb taħt isimha stess, fl-istess waqt li tindafar mas-soċjetà permessiva ta' din il-belt. Il-kotba tagħha jegħlbu l-limitajiet soċjali eżistenti, jagħti dimensjoni oħra lill-letteratura u lill-aspetti sesswali fejn hi kienet ukoll attiva. L-atmosfera ta' Pariġi intellettwali, bil-moda kollha ta' dak iż-żmien, bl-istil partikulari tax-xagħar tan-nisa u l-kostumi u bid-dekadenza kollha, hi stupenda. Il-film popolari Ġiġi (1958) li rebaħ 9 Academy Awards (Oscars) hu bbażat minn fuq xogħol ta' Colette.
The Upside.
Atturi Ewlenin: Kevin Hart; Bryan Cranston; Nicole Kidman; Julianna Margulies; Aja Naomi King.
Direttur: Neil Burger.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 120 min.
Ċert. 12A
Il-produtturi ta' Hollywood dejjem huma attenti biex fejn jinnotaw xogħlijiet minn pajjiżi oħra b'xi storja interessanti jew partikulari li ħajret lil ħafna spettaturi u marret tajjeb fid-dħul tal-flus, jixtru d-drittijiet biex jiffilmjawha b'aspett Amerikan. The Upside hu film pjuttost drammatiku bi ħjiel ta' kummiedja fina u sottili, ibbażata minn fuq il-produzzjoni Franċiża Les Intouchables tal-2011, li litterament splodiet fid-dħul tal-flus f'pajjiżha. Minn Pariġi tal-oriġinal, immorru fi New York fejn Dell Scott (Hart) ħiereġ dritt mill-ħabs japplika għall-post ta' gwardjan. Dan jirrizulta li se jieħu ħsieb kontinwu ta' Phillip Lacasse (Cranston), armel sinjur ipparalizzat kważi minn għonqu ’l isfel wara inċident minn titjira ta' paraxut. Yvonne (Kidman), is-segretarja devota tiegħu tipprova tħassarlu, għax tara f'Dell bniedem moħħ ir-riħ, paċpaċi u vojt, iżda Phillip xorta waħda jħaddmu. Wara bidu ħażin, billi dawn it-tnejn għandhom karattri verament opposti, Phillip jibda jirrealizza kemm għandu bżonn min jurih in-naħa ferrieħa tal-ħajja bl-ebda ħsibijiet li jħawdu l-moħħ. Għalkemm it-tema prinċipali ta' The Upside hija l-mard kroniku li jħalli lil wieħed f'pożizzjoni dgħajfa li ma jistax ikopri mal-ħajja normali, iż-żewġ protagonisti jagħmlu minn kollox biex bir-relazzjoni allegra u ġieli komika ta' bejniethom xorta jagħtu gost lill-pubbliku, u fl-aħħar mill-aħħar wieħed jissaħħar bil-mod kif jirreaġixxu ma' xulxin. Nafu lil Kevin Hart bħala kummidjant gwapp, kollu mossi u għajjat, kultant anki li jdejjaq, però hawn juri l-mod serju u drammatiku tiegħu b'ton ta' kummiedja aktar sofistikata kif ukoll sempliċi.