Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Midway, Le Mans '66 u The Goldfinch, minn din il-ġimgħa...

MIDWAY

Atturi Ewlenin: Ed Skrein; Patrick Wilson; Luke Evans; Aaron Eckhart; Mandy Moore; Dennis Quaid; Woody Harrelson.

Direttur: Roland Emmerich

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 135 min

 Ċert. 12A

Wara l-attakk infami u għall-għarrieda fuq il-flotta Amerikana miġbura f'Pearl Harbour, il-Hawaj, minn Navy Imperjali Ġappuniża nhar il-Ħadd 7 ta' Diċembru 1941, meta l-Istati Uniti kienet għadha pajjiż newtrali, l-Ammiral Isoroki Yamamoto, li kien kontra dan il-ħbit, bassar hekk: "B'dak li għamilna llum qajjimna ġgant terribbli mir-raqda tiegħu u mlejnieh b'rieda soda ta' tpattija". Il-film ġdid Midway jibda b'dan l-attakk, iżda aktar jiffoka fuq il-battalja tal-gżejjer Midway fl-Oċean Paċifiku ta' Fuq sitt xhur wara dan l-avveniment, fejn f'ġurnata waħda biddel it-traġitt tal-gwerra favur l-Amerikani. Dan ix-xogħol metikuluż hu bbażat fuq l-avvenimenti kif ġraw veru, bl-erojiżmu kollu muri mill-piloti żgħażagħ Amerikani, waqt li jirrakkonta kif il-mexxejja użaw l-istint tagħhom biex jissuperaw dak kollu li ħabbtu wiċċhom miegħu. Wara t-traġedja ta' Pearl Harbour, l-akbar vantaġġ li kellhom l-Amerikani fuq l-għadu kienet l-intelliġenza fl-operazzjonijiet tagħhom; kif irnexxielhom jiskopru l-messaġġi sigrieti tal-qawwiet Ġappuniżi, l-unjoni tas-sezzjonijiet kollha, affarijiet li l-għadu ma basarx bihom. L-andament ta' Midway iseħħ fuq tliet perspettivi minsuġa fuq l-isfond ta' din il-gwerra. Fuq quddiem nett għandna l-piloti żgħażagħ tal-aircraft carrier Enterprise, wara naraw ix-xogħol kritikali mill-Uffiċċju tal-Intelliġenza Sigrieta Amerikana li jalterna mal-pjanijiet tal-Uffiċjali Ġappuniżi. Il-qofol tal-film huma l-attakki spissi mill-ajru fejn aħna, l-ispettaturi, inkunu qisna qegħdin fil-kabina tal-piloti li, kontinwament b'kuraġġ sfiq jiffaċċaw bumbardament ta' nar ġej fuqhom. L-avvenimenti kollha huma kompletament korretti, b'dan il-film epiku jinfurmana b'dak kollu li neħtieġu u hawn jieħu s-sura ta' dokumentarju fuq skala grandjuża bħall-kapulavur l-ieħor The Longest Day (1962). Fil-final nosservaw id-dekorazzjonijiet kollha mirbuħa minn dawn l-eroj li ġġieldu bis-sħiħ bl-inqas ħsieb għal ħajjithom.

LE MANS '66

Atturi Ewlenin: Matt Damon; Christian Bale; Catriona Balfe; Jon Bernthal; Tracy Letts; Josh Lucas; Noah Jupe.

Direttur: James Mangold.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 152 min. Ċert. U

Matt Damon u Christian Bale, forsi fil-preżent tnejn mill-aqwa atturi ta' Hollywood u l-iżjed bankabbli, tassew jimpressjonaw fil-blockbuster Le Mans '66. Din il-produzzjoni hija ispirata mill-vera ħbiberija ta' żewġ sewwieqa tal-karozzi tal-ġiri Ford, li biddlet l-istorja ta' din it-tellieqa twila u ħarxa darba għal dejjem. Carroll Shelby (Damon) fl-1959 irnexxielu jirbaħ l-aktar tiġrija iebsa u diffiċli fid-dinja, dik ta' Le Mans li ddum 24 siegħa. Dan it-triomf ma damx igawdih wisq għax it-tabib ordnalu jieqaf minħabba l-kundizzjoni ta' qalbu. Xorta waħda baqa' interessat f'dan ix-xogħol bħala disinjatur u bejjiegħ ta' dawn il-vetturi. Beda jaħdem f'Venice Beach, California, ma' grupp ta' inġiniera u mekkaniks, fosthom Ken Miles (Bale), xufier Ingliż furjuż, xi kultant arroganti, ma jħobbx iċedi, iżda bniedem iddedikat għal-familja. Fiċ-ċirkwit ta' Le Mans fi Franza l-karozzi ta' Shelby bdew jagħtu kompetizzjoni kbira lill-Ferrari tat-Taljan Enzo Ferrari. Innutat minn Ford Motor Company, Shelby ikun ingaġġat magħhom biex ifassal karozza tal-ġiri mill-aqwa li tista' tkisser il-monopolju tal-Ferrari. Flimkien ma' Miles u sħabu, barra li ġġieldu mal-indħil tas-sidien, jirnexxilhom jiżviluppaw karozza li kapaċi tiddomina fuq kull marka oħra. Il-periklu li jinħoloq se jkun kbir. Il-maġġoranza ta' dan il-film twil hi ddedikata għall-ħbiberija, argumenti u battibekki ta' bejn iż-żewġ sewwieqa, bl-aħħar nofs siegħa tassew jirranka fil-kwalità' ta' tiġrija ezileranti, li naħseb li qatt ma rajna l-kwalità tagħha fuq il-liżar ċinematografiku. Infatti, it-tellieqa tal-1966, tal-final hija battalja bejn il-vetturi Ford kontra dawk Ferrari. Il-film hu tribut għall-karozza Ford GT40, rebbieħa fuq kull avversarju. Dan ix-xogħol kontinwament iżommlok l-interess ħaj, bl-aħħar nofs siegħa tiegħu verament jirranka b'eċitament qawwi li jippompja fik l-adrenalina. Naħseb li Christian Bale kellu dik ix-xi ħaġa iżjed konvinċenti f'parti aktar kumplessa u b'figura ta' wieħed irqiq bħal meta deher The Machinist (2004).

THE GOLDFINCH

Atturi Ewlenin: Ansel Elgort; Oakes Fegley; Nicole Kidman; Jeffrey Wright; Aneurin Barnard; Luke Wilson.

Direttur: John Crowley.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 149 min. Ċert 15.

The Goldfinch jirrakkonta d-destin ta' tifel li minħabba inċident fatali ħajtu tieħu żvolta ta' sogħba, ħtija, redenzjoni, ħbiberija, adozzjoni u anki mħabba. Dan hu xogħol drammatiku bbażat minn fuq il-volum oħxon, ta' aktar minn 800 paġna ta' Donna Tartt. Din in-novella tal-istess isem, tant maħbuba u mfaħħra għamlet ġimghat sħaħ fil-quċċata tal-bejgħ, barra li fl-2014 rebħet il-Premju Pulitzer għal xogħol fittizju u anki Medalja għall-Eċċellenza ta' storja vvintata. L-element ewlieni ta' din l-istorja huwa l-mod ġdid kif kif wieħed iħares lejn is-sogħba u l-isfortuna. Ta' 13-il sena, Theo Dekker (Fegley) tilef lil ommu fi splużjoni ta' bomba ġewwa l-Mużew Metropolitan tal-Arti ta' New York waqt li hu kien jinsab banda oħra f'dan il-mużew. Minn dan l-inċident terribbli baqa' jiftakar pittura imprezzabbli ta' għasfur (gardell) fuq zokk ta' siġra, l-aħħar oġġett li gawda ma' ommu u li mirakolożament ma nqeridx. Billi m'għandux qraba u missieru kien abbanduna l-familja xi snin qabel, kien addottat mill-familja ta' Samantha (Kidman) u Chance Barbour (Boyd Gaines). Theo adult (Elgort) jibda jaħdem ma' James Hobart (Wright) magħruf bħala Hobie, li jbigħ l-antikitajiet. Meta missieru, bniedem alkoħoliku, jiġi għalih hu jmur miegħu Las Vegas u jieħu l-pittura tal-Goldfinch li kien seraq mill-mużew wara l-konfuzjoni li nqalgħet. Dan il-kwadru se jinvolvih f'inċidenti kriminali waqt li hu jsir dipendenti fuq id-drogi u anki jsir iħobb. Bil-pittura tintilef, tinsteraq u tinħeba bosta drabi, Theo u sieħbu Boris Pavlikovsky (Barnard) se jgħaddu minn ħafna intriċċi. The Goldfinch hi produzzjoni lussuża li tieħu ħin twil biex tiżvolġi b'manjiera pjuttost konfuża u fil-proċess tidher pretenzjuża u improbabbli.

More in Divertiment