Letteratura | Hawn ġa konna, eċċetera eċċetera
Din il-ġimgħa Kevin Saliba jpoġġi l-poeżija Déjà Vu tal-poeta Achille Mizzi fl-isfond tal-imxija COVID-19. Bħal rikkieb ta’ billejl, jintasab fuq l-ispalel tal-ġganti Stoċji ta’ Marku Awrelju u ta’ Seneca – u b’mod speċjali min-nuċċali ta’ Carl Jung – Saliba josserva mwaħħax lill-bnedmin kollha mwaħħdin f’Mizzi, bejn art u sema lkoll jitqatlu mal-allat, jimirħu fix-xgħari taż-żmien, minn Altamira sal-Golgota, mill-blast ta’ Hiroxoma sa din l-imxija ta’ żmienna. Iżda jżomm sod. Bħal Mizzi jtenni hawn ġa kontu dlonk jiggranfa mal-formula tal-amor fati skont Friedrich Nietzsche, minkejja l-ispettru tad-déjà vu, minkejja l-Mewt ta’ Alla, minkejja kullVirus Eċċetera
Hawn ġa konna. Mill-ġdid, hemm spettru bħalissa jitmiereħ fl-Ewropa. Anzi fid-dinja. Mhuwiex dak tal-Komuniżmu ta’ Marx li mingħandu għadni kif bħal bramt dina l-frażi. Mhuwiex l-ispettru tal-Pesta Antonina jew tal-Pesta ta’ Ġustinjanu. Lanqas mhu dak tal-Mewt is-Sewda jew tal-Influwenza Spanjola. Mhuwiex sewwasew lanqas – taraw xejn – l-imxija tal-Virus Corona. Fis-sew huwa l-ispettru tad-déjà vu. Ir-ritorn dejjiemi. Dika l-eċċetera eċċetera.
Ir-ritorn dejjiemi tul is-snin
Fil-letteratura tagħna dan il-vulkan antikissmu rieqed tar-ritorn dejjiemi kien reġa’ żbroffa – lura kmieni fis-snin sebgħin – fl-inkonxju poetiku ta’ Achille Mizzi. Jgħidilna li t-theżżiż wasal s’għandu bħal lehma għal għarrieda permezz tat-tqanqil mill-inkonxju kollettiv skont Jung, iżda dawn il-ħwejjeġ kienu donnhom ġa magħrufa sewwa sa “mas-sejħa tat-tnabar / mid-diwi tal-ibgħad żminijiet”. Fost oħrajn, il-filosfu Stojku u imperatur Ruman Marku Awrelju – matul il-Pesta Antonina – kien ġa wissiena dwar l-implikazzjonijiet possibbli ta’ dan l-għerf fil-ktieb tiegħu Meditazzjonijiet: “Dejjem żomm f’moħħok li dan diġà ġara qabel. U għad jerġa’ jiġri – l-istess storja mill-bidu sal-aħħar [...]. Ġibhom f’moħħok kif tafhom mill-esperjenza jew mill-istorja: il-qorti t’Adrijanu, t’Antoninu, il-qrati ta’ Filippu, t’Alessandru, ta’ Kresu. Kollha l-istess. In-nies biss mhumiex.”
Fl-istorja tal-ħsieb dad-dikosrs intqalilna qabel bosta drabi, għad illi – u importanti li dan inżommuh f’moħħna – spiss b’interpretazzjonijiet u b’implikazzjonijiet differenti. Hu x’inhu, donnu saħansitra dan l-intwitu tar-ritorn dejjiemi baqa’ jirritorna, biex ngħidu hekk, epoka wara epoka tul firxa wiesgħa ta’ kulturi u skejjel ta’ ħsieb distinti. Qabel Awrelju fil-Punent konna diġà ngħatajna ħjiel dwar dan fiż-żminijiet tal-Greċja tal-Qedem, fost oħrajn mill-Epikurjani. Ktieb Qohelet tat-Testment il-Qadim, mill-banda l-oħra, jiftaħ kważi mill-bidu nett bil-premessa li “dak li kien jerġa’ jkun, u dak li sar jerġa’ jsir; xejn mhu ġdid taħt ix-xemx”. Fl-Orjent, fit-tradizzjonijiet Buddisti u Ħinduwisti din in-nozzjoni qabdet fuq li qabdet u welldet id-duttrina li ż-żmien mhuwiex fenomenu lineari iżda ċikliku. Lura fil-Punent dan il-kunċett bħal donnu sab il-milja tiegħu – almenu speċifikament fid-dimensjoni tal-etika iżjed milli f’dik tal-metafiżika – fis-seklu 19 mal-miġja ta’ Friedrich Nietzsche, qabelxejn fil-poema filosofika Hekka Tħaddet Zarathustra u mbagħad iżjed tard b’iżjed qawwa fil-ktieb L-Għarfien Ferrieħi.
L-inkonxju kollettiv skont Carl Jung
It-tennija dejjiema tal-istess ġrajjiet li jibqgħu jseħħu matul l-istorja ħadet xejra ferm iżjed profonda u vasta ftit deċenji iżjed tard fil-viżjoni kollettiva li ntrat min-nuċċali ta’ Carl Jung – il-punt ta’ riferiment ewlieni li jnebbaħ dawn il-mumenti ewreka fil-poeżija ferm kospikwa t’Achille Mizzi Déjà Vu. Tul dawn il-versi l-poeta – bħala individwu wieħed finit illi jgħix fis-seklu 20 – iseħħlu jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ kull ritorn dejjiemi mgħejux fiż-żmien, sewwasew ma’ kwalunkwe esperjenza qatt imġarrba – fl-imgħoddi għal darba tnejn tlieta mal-miġra tas-sekli – mill-ispeċi umana kollha fl-intier tagħha. Hawnhekk naraw lil Mizzi jterraq, tul l-iżmna minn lok għal ieħor u minn ġrajja għal oħra – mill-għerien t’Altamira sal-quċċata tal-Golgota – fil-qigħan nett tal-inkonxju kollettiv tal-bnedminija kollha kemm hi filwaqt li kulma jmur jissokta jiġma’ fih diversi kategoriji konjittivi, eżistenzjali, esperjenzjali u l-bqija, huwa u jinbidel minn arketip uman maġġuri għal ieħor f’taqtigħa wara oħra. Immaġni bħal din ma tistax ma tfakkrekx fit-tmiem tal-poeżija bikrija Ars Artium: “arani qisni ġolf bejn art u sema / nitqatel mal-allat”.
Fil-poeżija Il-Kantiku tad-Demm jilmaħ it-traċċi perenni ta’ dan kollu fis-simbolu universali tad-demm: “Fid-demm jintirtu ż-żrieragħ tal-bniedem. [...] Fid-demm l-uħux u l-allat. Fid-demm l-imgħoddi u li ġej”. Minn xi daqqiet bl-istess mod, fis-saġġ tiegħu L-Arketipi u l-Inkonxju KollettivJung jispjega t-tfassil tal-arketipi bħala proċess ta’ ritorn dejjiemi ta’ ċerti tendenzi rikurrenti fil-ħsieb, fil-ħsus u fl-għemil illi jibqgħu jintirtu u jiġġeddu maż-żmien sabiex isawru l-patrimonju arkajku tal-psike inkonxja kollettiva. “Hemm arketipi daqs kemm hemm sitwazzjonijiet differenti fil-ħajja, kiteb Jung. “It-titnija bla hedu naqqxet dawn l-esperjenzi fil-kostituzzjoni psikika tagħna”. Il-kritiku letterarju Dr Bernard Micallef fi studju kritiku notevoli dwar il-poeta jinkwadra l-immaġinarju poetiku ta’ Achille Mizzi sewwasew f’dan l-isfond wiesa’: “il-preżenza tal-individwu f’kull parti tal-istorja umana, f’kull tiġrib u f’kull burdata f’Déjà Vu, tindika li l-individwu huwa memorja akkumulata. Hu biċċiet ta’ umanità li ltqagħu fil-preżent permezz tal-eżistenza tiegħu. Il-kwalità ta’ esperjenzi msemmija tissuġġerixxi li ma hemmx konfini għall-individwu, bħalma għal Jung l-inkonxju kollettiv jindika li ma hemmx fruntiera ċara fejn tispiċċa l-umanità u jibda l-individwu”. “Ġerrej maħrub u għajjien / jien / niġġerra fix-xgħari taż-żmien”, reġa’ fakkarna ftit snin qabel fil-poeżija Ir-Rikkieb ta’ Billejl.
Hawn ġa kont
Għaldaqstant tul il-poeżija Déjà Vu Mizzi jtenni għal t’apposta l-frażi (hawnhekk/hawn) “ġa kont” xejn inqas minn tmien darbiet. Qabelxejn, fil-bidu kien “fl-għerien t’Altamira”. Ma’ Mosè darab il-blat bl-għasluġ. Sejjes il-piramidi ma’ Keops. Intasab fuq il-portiku tal-Partenon. Safa’ mwebbes ġebla fil-lava f’Pompej, “pastur ibbalzmat ġo mużew”. Man-Nazzarenu lefaq il-Lamma Sabaktani. Mar jissaffa ġo fonti Biżantin. Qagħad jixtarr il-ħaxix ma’ San Franġisk t’Assisi. Kien Mandarin Ċiniż “imkebbes ġo pagoda fanal tal-karti”. Mal-prinċep Siddhārtha Gautama ħareġ jimraħ fix-xagħri jixxiegħel ma’ xaħmet l-art. “Fil-bitħa mkenna ta’ Medina” qara l-Quran. Farfar it-tron ta’ Kublai Khan b’denb il-pagun. Imbagħad stenbaħ “fi driegħ David ta’ Michelangelo”. Ma’ Girolamo Savonarola xwewh fuq il-ħatab. Xeħtuh il-ħabs ma’ Galileo Galilei. Sa ġie tturufnat ma’ Jean-Jacques Rousseau u Voltaire. Ma’ George Bernard Shaw, Friedrich Nietzsche u Sigmund Freud baqgħu baqgħu sa m’għaddew anke lilu b’miġnun. Bata wkoll iż-żewġ gwerer dinjija, l-ewwel imtertaq fis-Somme u fil-Marne, wara miġwieħ f’Dachau. Biex tgħaxxaqha mbagħad tnixxef qoxqox “bil-blast ta’ Hiroxima”. Safrattant ġa kien għex ta’ wild il-bniedem bhima “f’dinjiet oħra fejn dalam”. Terġa’, għex ukoll diġà “f’oħrajn fejn għad jisbaħ”. Anke hemmhekk kien diġà. Eċċetera eċċetera.
Eċċetera eċċetera
Fid-dinjiet l-oħra li għada pitgħada għad iżerqnu, iwissina lkoll bis-sod Achille Mizzi – bħal leħen divin jidwi mill-bogħod iżda fil-qrib, minn kullimkien u minn imkien – xorta ser ikun hemm daqsinsew bħal qabel ir-ritorn dejjiemi, u għaldaqstant immela wkoll id-déjà vu. Anke hemmhekk, għad trid terġa’ għal darb’oħra mill-ġdid “tibda l-istorja “t’Altamira, / ta’ Mose, ta’ Keops eċċetera eċċetera”. Il-kelma “eċċetera” – li terġa’ u tgħid Mizzi hawnhekk itenniha darbtejn – primavista s-soltu għandu mnejn is-soltu qajla ssibha tingħadd mal-vokaboli poetiċi. Madanakollu ngħid għalija ma nafx b’poeżija oħra li kapaċi takkomoda fiha din il-kelma pjuttost anti-poetika b’mod daqstant preċiż, tant li kważi kważi tinqara bħalkieku l-poeżija kollha kienet fis-sew maħluqa għaliha.
Din mhix bilfors aħbar tajba, l-iżjed għalina llum fi żmienna. Forsi lil hinn ukoll mill-konxju tal-personalità empirika ta’ Mizzi nnifsu, Déjà Vu donnu tisħaq iżjed fuq l-okkorrenzi tad-diżgrazzji milli fuq il-possibbiltajiet tal-glorji. Bħalma diġà aċċennajt qabel il-poeżija tipprojetta d-dijalettika tal-istorja – u allura għaldaqstant l-evoluzzjoni tagħna l-bnedmin bħala speċi – bħala “ċirku vizzjuż” illi, nagħmlu x’nagħmlu u jiġri x’jiġri, fl-aħħar mill-aħħar ser jerġa’ jibqa’ jagħtina sewwasew l-istess eżiti, inkluż dak li qegħdin ngħixu proprju llum fi żmien l-imxija tal-Virus Corona. Kwantu l-pandemiji, Albert Camus fir-rumanz tiegħu Il-Pesta wissiena bl-abjad fuq l-iswed li “l-mikrobu tal-pesta la qatt imut u lanqas jgħib fix-xejn. Jibqa’ rieqed għexieren ta’ snin fl-għamara u fil-ħwejjeġ. Jibqa’ jistenna bil-paċenzja kollha fil-kmamar tas-sodda, fil-kantini, fis-sniedaq, fl-imkatar, fir-riżmi tal-karti. Għandu mnejn jasal jum meta – biex tagħti tagħlima jew majnata lill-bnedmin – il-pesta għad tqajjem lill-ġrieden tagħha mill-ġdid u tibgħathom imutu f’xi belt hienja”.
Amor Fati
Iżda “l-ħajja / wisq isbaħ mix-xejn”, jgħidilna Achille Mizzi fil-poeżija Solitaire. U jekk dan huwa tabilħaqq minnu jenħtieġ nitħażżmu, qabelxejn billi nistħajlu ’l Sisifu qawwi u sħiħ. Il-fatt illi l-istorja tal-bniedem ilha tirrepeti ruħha minn żmien żemżem mhix skuża biex nagħtu ruħna b’mirbuħa mill-fitliet tax-xorti. Jekk niġu f’dan, lanqas mhi skuża biex bilfors ninterpretaw din-nozzjoni reġgħana tar-ritorn dejjiemi bi spjegi deterministiċi u b’metafiżiċi mekkanistiċi. L-Istoċji jgħidulna li mhix ħaġa li nibqgħu ma nitgħallmu qatt xejn mill-imgħoddi. “Għax huwa dan illi jagħmilna nies ħżiena,” kiteb Seneka żewġ ġenerazzjonijiet qabel Awrelju, forsi huwa u jara ’l Ruma taqbad. “Nirriflettu biss dwar dak illi nkunu biħsiebna nagħmlu, iżda safrattant il-pjanijiet illi jkollna għall-ġejjieni jitnisslu mill-imgħoddi.”
Il-battibekki bejn il-ħassieba rigward x’ried sewwasew jgħid Nietzsche meta invoka din l-idea “orribbli u paralizzanti” – dan “l-itqal piż” konċepibbli – it-teorija għadhom għaddejjin sal-lum. Żgur ser jibqgħu magħna saħansitra anke ferm wara li tkun instabet xi soluzzjoni aħħarija għal dil-kobba mħabbla tal-imxija tal-Virus Corona. F’dar-rigward anke Jung innifsu, f’sensiela ta’ seminars dwar Nietzsche li kien mexxa fit-tieni nofs tas-snin 30, kien stqarr illi jsibha iebsa jifhem għalkollox din-nozzjoni. Li nistgħu ngħidu fiż-żgur huwa li llum – difaċċ dal-ispettru tad-déjà vu li dal-aħħar ġie jżurna fis-sura ta’ nikta traba qerrieda bir-rizzi – permezz tal-ktieb tiegħu L-Għarfien Ferrieħi Nietzsche għadu jfakkarna fil-formula tal-Amor Fati. Fis-sejħa li ngħidu nibqgħu ngħidu iva. Fit-tħeġġiġa biex anke llum xorta nkomplu naffermaw il-ħajja, kif kien għamel hu, sa ma ġġarraf f’Turin, sal-Ecce Homo.
Fl-Ecce Homo wkoll Nietzsche illum jibqa’ jagħmlilna l-istedina li nfittxu nħaddnu dad-destin tagħna. Għadu jagħmlilna l-isfida li saħansitra nsiru nħobbuh. Għax ġa konna hawnhekk f’dan “iċ-ċirku vizzjuż”. U għax b’hekk biss nistgħu nistgħallu minnu. B’hekk biss nistgħu nisbqu lilu u lilna nfusna. B’hekk biss nistgħu nirkbu fuq riħu. B’hekk biss nistgħu nirduppjaw surtna. B’hekk biss nistgħu nvinċu. U b’hekk biss ikun ħaqqna l-eternità, minkejja l-Alla li ormaj ilna li qtilna, minkejja l-Virus Corona, minkejja l-ispettru tad-déjà vu, minkejja kull Virus Eċċetera.