Is-Solstizju tax-xitwa f'Ħaġar Qim u l-Imnajdra
Il-21 ta’ Diċembru jimmarka s-Solstizju tax-Xitwa. Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku għal avveniment fl-Imnajdra hekk kif tasal xitwa oħra
L-Imnajdra tinsab fuq il-kosta tan-Nofsinhar ta’ Malta, imdaħħla f’qasma fl-irdumijiet. B’veduta ta’ Filfla, għandha l-aktar tempji atmosferiċi mit-tempji kollha f’Malta. Tliet tempji jiffurmaw is-sit kumpless tal-Imnajdra, l-eqdem minnhom inbena bejn it-3,600 u t-3,200 QK. 500m biss ’il bogħod hemm Ħaġar Qim, li nbena 5,000 sena ilu.
Is-solstizju tax-xitwa jiġi fl-ewwel jum tax-xitwa u dakinhar ikun l-iqsar jum tas-sena. Parti mill-Imnajdra ġiet imtellgħa biex timmarka l-post fejn titla’ x-xemx fl-ewwel jum ta’ kull staġun. Kif innotat Heritage Malta, il-bdil tal-istaġuni x’aktarx kellu tifsira speċjali għan-nies ta’ dak iż-żmien. Seta’ wkoll kien żmien ta’ laqgħat u festi, peress li l-bennejja ta’ dawn l-istrutturi kienu bdiewa, li kienu jiddependu fuq l-agrikoltura għall-għejxien tagħhom.
Għalhekk, Heritage Malta qed torganizza avveniment għal ma’ tlugħ ix-xemx fil-21 ta’ Diċembru. Dawk li jattendu jistgħu jaraw ix-xemx tiddi fuq it-tarf ta’ megalith tul il-passaġġ li jgħaqqad il-*kmamar (chambers) ta’ ġewwa mal-ewwel par ta’ kmamar. Il-mistednin se jingħataw tour tal-binjiet tal-Imnajdra, kif ukoll tour tas-sit tan-Natura 2000. Barra minn hekk, se jirċievu kafè b’xejn qabel it-tour. Il-mistednin għandhom jiltaqgħu barra Ħaġar Qim u l-Imnajdra fis-6:20 am.
Il-biljetti jiswew €30, iżda dawk li huma msieħba ma’ Heritage Malta jistgħu jixtruhom għall-prezz imraħħas ta’ €20. Kull min hu interessat jista’ jikseb il-biljetti minn fuq is-sit uffiċjali ta’ Heritage Malta (https://heritagemalta.mt/), jew inkella mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta. Il-biljetti huma limitati minħabba n-nuqqas ta’ spazju u għalhekk il-pubbliku hu mħeġġeġ jaħseb kmieni biex jaqtagħhom ħalli jevita d-diżappunti.
M'hemm l-ebda ħin aħjar biex iżżur l-Imnajdra!