AĠĠORNAT | Il-wiċċ daħkani tal-Pampalun fuq wieħed mill-karrijiet
Il-Karnival 2024 jibda' illum fit-toroq tal-Belt Valletta

L-ikona tal-Karnival Malti Pawlu Curmi se jkun onorat permezz ta’ karru din is-sena, fl-ewwel Karnival fin-nuqqas tiegħu.
Curmi ħalla din id-dinja fl-età ta’ 93 sena, f’Novembru tal-2023. Huwa ħalla warajh memorji ta’ kuluri, kreattività, ferħ u passjoni lejn din il-festa.
Id-dedikazzjoni tiegħu lejn il-Karnival kienet bdiet f’età pjuttost żgħira, preċiżament bid-daqq ta’ tanbur fl-età ta’ seba’ snin.
Eventwalment huwa fetaħ il-kumpanija tiegħu stess, u fih ra diversi suċċessi.
Il-kumpanija tal-Karnival, Buffalo Carnival Company, tefgħet bosta ritratti fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook, tinki l-udjenza għal dak li għandhom jistennew.
Fosthom il-wiċċ familjari ta’ Pawlu Curmi il-Pampalun.
Inizzjalment il-kumpanija qalet li hija riedet tfakkar il-ħamsin sena ta’ xogħol u ħidma bil-“maskot malti tal-Karnival.”
Bis-salib ta’ Malta fuq sidru, u wiċċ ferrieħi bħal dejjem, Pawlu se jkun biss wieħed mill-ħafna uċuħ familjari din is-sena.
Oħorġu l-kostumi u l-kuluri: Il-Karnival mistenni jiftaħ b’temp sabiħ

Il-Karnival 2024 jibda’ illum l-Ġimgħa, bl-Uffiċċju Metereoloġiku jbassar temp sabiħ, xemxi, u pjuttost sħun.
Madanakollu, temp instabbli u bir-riħ huwa mbassar għall-bqija tal-jiem tal-Karnival, partikolarment il-Ħadd.
Ir-riħ mistenni li jitqawwa bejn il-Ġimgħa u s-Sibt u jibqa’ ftit qawwi għall-qawwi (Forza 5 għal 6), fil-jiem ta’ wara.
Għal Ħadd il-Karnival it-temp mistenni li jkun imsaħħab, b’ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-rgħad u bil-buffuri tar-riħ. Dan se jwassal biex it-temperatura tinżel xi ftit, bl-ogħla titla sa 17°C u tinżel għal 11°C matul il-lejl.
It-Tnejn u t-Tlieta, l-aħħar jumejn tal-Karnival, ukoll mistennija jkunu kkaratterizzati b’temp instabbli u bir-riħ.