Il-Westerns tas-sittin u dawk klassiċi (L-ewwel parti)
F'din l-installazjoni ta' tliet artikli, Carmel Bonnici jitkellem dwar il-Westerns tas-60ijiet u oħrajn klassiċi
F’artiklu ieħor li kien ippubblikat f’din il-paġna, snin ilu kont sostnejt li s-snin ħamsin kien id-diċennju li fih inħadmu l-aktar Westerns klassiċi u kanoniċi, ġieli aktar minn wieħed kull sena, il-maġġoranza minnhom bil-kulur. Din it-tendenza kompliet kważi bl-istess ritmu tul l-ewwel nofs tas-snin sittin. Avvenimenti mhux mistenninja mill-aħħar tas-sena 1964 ’il quddiem ikkontribwew sewwa biex l-istruttura ta’ dan il-ġeneru tbiddlet radikalment, tant li lejn l-aħħar ta’ dan id-diċennju mimli avvenimenti storiċi, il-Western li kien baqa’ mfittex sa miż-żmien bikri taċ-ċinema, tilef l-attrazzjoni tiegħu u ma baqax daqshekk popolari.
Ir-raġunijiet kienu diversi u fost l-aktar ovvji nsibu li l-Western ħa sura ta’ vjolenza stilizzata u anki ċiniżmu gwapp b’films ġejjin mill-Italja; il-gwerra tal-Vjetnam li l-Amerikani kienu mdejqa sa ruħ ommhom biha ġabet kultura ta’ libertinaġġ fil-ġenerazzjoni żagħżugħa bil-motto “gawdi issa għax għada ħadd ma jaf x’se jseħħ”, il-qawmien tal-hippies u dawk tal-flower power u jista’ jkun ukoll li grupp ta’ produzzjonijiet ċinematografiċi dwar cowboys moderni li jiltaqgħu ma’ tfixkil f’dinja li qed titbiddel bħal The Misfits (1961), Lonely Are The Brave (1962) u Hud (1963) niżlu aħjar għall-palat taż-żgħażagħ.
Meta wieħed jiftakar li l-Western fis-snin sittin kien wasal fil-ħames diċennju tiegħu, wieħed irid jirrealizza li xi diretturi anzjani u atturi oħra veterani, iżda li għadhom popolari, kienu waslu fl-aħħar tal-karriera tagħhom jew ta’ ħajjithom. Tlieta mill-aqwa diretturi ta’ dan il-ġeneru rtiraw mix-xena ċinematografika. Il-famuż espert direttur tal-Westerns, John Ford irregalalna b’wieħed mill-aqwa xogħlijiet tiegħu ta’ kull żmien, The Man Who Shot Liberty Valance (1962) u warajh ħadem ieħor, is-semiklassiku Cheyenne Autumn (1964), eloġju mill-qalb għat-tribulazzjonijiet li sofrew l-Indjani/Amerikani bi vjaġġ xitwi f’kesħa tremenda u silġ biex jiġu allokati f’post riżervat lilhom mill-Gvern Amerikan; Raoul Walsh direttur ta’ stoffa dderieġa A Distant Trumpet (1964), Western enerġetiku bil-kavallerija Amerikana u direttur ieħor li impressjona kemm-il darba, speċjalment b’Rio Bravo (1959), reġa’ għal darbtejn tana xi ħaġa simili b’El Dorado u b’Rio Lobo (1970).
Żewġ atturi ta’ reputazzjoni qawwija f’dan il-ġeneru, Joel McCrea u Randolph Scott ħadmu flimkien għall-aħħar darba f’Ride The High Country (U.K. Guns in the Afternoon) (1962). Xi ħaġa straordinarja kienet li dan il-film minn direttur kważi ġdid, Sam Peckinpah, li l-ewwel film tiegħu The Deadly Companions kien xogħol ordinarju, iżda b’mumenti impressjonanti. Jidher li dan id-direttur ħa l-mantell ta’ Bud Boetticher, esponent ieħor ta’ diversi westerns ta’ livell baxx però ta’ stil affaxxinanti. Sal-aħħar tas-snin sittin Peckinpah akkwista fama, ammirazzjoni kbira u anki reputazzjoni sovverżiva għal xi films vjolenti tiegħu u mwiet bis-slow motion, mhux biss Westerns, li baqgħet tidwi anki fis-snin sebgħin.
Bħalma għamel fis-snin ħamsin, Audie Murphy kompla għaddej b’ritmu qawwi bħala l-protagonist ta’ diversi Westerns f’dan id-diċennju sakemm, sfortunatament, miet bi kraxx ta’ ajruplan fl-1971. Rory Calhoun ukoll deher f’diversi Westerns iżda b’inqas intensità. F’dak li jirrigwardja l-films tal-cowboys, is-snin sittin ma setax ikollhom bidu aktar spettakolari u sodisfaċenti mill-film The Magnificent Seven (1960) li l-iskript tiegħu hu bbażat minn fuq ix-xogħol kolossali u klassiku Ġappuniż, The Seven Samourai. Is-suċċess tiegħu welled tliet sequels – Return of the Seven (1966), Guns of the Magnificent Seven (1969) u The Magnificent Seven Ride (1972). Matul is-sittinijiet attur li baqa’ popolari u jirrenja fil-Westerns għal kważi ħamsin sena (inkluż nofs is-snin sebgħin) kien John Wayne, issa bl-età tiegħu toqrob is-sittin sena.