Miskit il-ballottra jsib ruħu fil-Librerija Pubblika ta’ Pembroke
Il-Librerija Pubblika ta’ Pembroke se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għal sezzjoni ta’ qari minn ktieb tat-tfal Miskit: The Brave Stoat
Il-Librerija Pubblika ta’ Pembroke se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għal sezzjoni ta’ qari minn ktieb tat-tfal Miskit: The Brave Stoat.
Il-Kunsill Norveġiż għar-Refuġjati, NRC, kien nieda dan il-ktieb, miktub mill-awtur Malti Karl Schembri b’illustrazzjonijiet ta’ Ana-Maria Cosma, xhur ilu.
Il-ktieb huwa maħsub għat-tfal li ġew affettwati mill-ispostament madwar id-dinja sabiex jgħinhom itaffu l-istress jew it-toqol ta’ trawma wara l-esperjenzi diffiċli li jgħaddu minnhom.
Il-karattru prinċipali tal-ktieb, Miskit, huwa ballottra żgħir li ntilef f’bosk u bena ħbiberija mhux tas-soltu, ma’ lupu, ma’ bebbuxu, u ma’ xi nies li ntilfu hemm. Minn hawn beda vjaġġ ta’ qlubija li fih jibda jiskopri lilu nnifsu u dan għallmu jsib skop fl-isfidi u l-beżgħat tal-ħajja.
Miskit ntgħażel minn tfal refuġjati Sirjani fil-Ġordan li vvutaw għall-karattri tal-annimali favoriti tagħhom f’kompetizzjoni internazzjonali tal-artisti li ntrebaħ mill-illustratur tal-ktieb, Cosma.
Fis-16 ta’ Mejju, il-Librerija Pubblika ta’ Pembroke se tilqa’ lill-awtur stess, Karl Schembri, għal qari mill-ktieb tiegħu.
L-avveniment huwa ideali għal qarrejja żgħar minn sitt snin ’il fuq. Minbarra l-qari, se jkun hemm attività ħelwa għal dawk li jattendu.
L-attività tibda fl-4:30pm u se tkun bl-Ingliż.