Films importanti dwar il-boxing (It-tieni parti)
Carmel Bonnici jdur il-films imporanti tal-boxing
Xi informazzjoni dwar uħud mill-aqwa films ta’ dan il-ġeneru hija:
Gentleman Jim (1942): Dirett minn Raoul Walsh. Jidhru Errol Flynn, Alexis Smith, Jack Carson, Alan Hale, Ward Bond. Bijografija tal-boxer Jim Cotbett fl-ewwel żminijiet ta’ dan il-ġlied kompetittiv. Flynn dinamiku fil-parti prinċipali. Hu stess kien iqisha l-aqwa tiegħu, kif ukoll Ward Bond bħala ċ-champion leġġendarju John L. Sullivan.
Body And Soul (1947): Dirett minn Robert Rossen, bl-atturi John Garfield, Lilly Palmer, Ann Revere. Ħafna mill-films dwar il-boxing ma jħabbtuhiex ma’ dan il-klassiku dwar Garfield li, b’mezzi korrotti, jipprova jsir famuż.
The Set Up (1949): Dirett mill-metikoluż Robert Wise. Jaħdmu Robert Ryan, Audrey Totter, George Tobias. Rakkont qawwi ta’ ġellied li spiċċa, li jirrifjuta li jċedi jew li jbigħ xi logħba b’martu tavżah li se titilqu. Robert Ryan fl-aqwa tiegħu ġo film eċċellenti.
Somebody Up There Likes Me (1956): Direttur Robert Wise, bl-atturi Paul Newman, Pier Angeli, Sal Mineo, Everett Sloane. Bijografija mill-aqwa tal-qawmien tal-boxer Rocky Graziano mit-triqat perikolużi ta’ New York għas-suċċess fl-arena. Paul Newman jibbrilla.
The Great White Hope (1970): Dirett minn Martin Ritt. Jaħdmu James Earl Jones, Jane Alexander, R. G. Armstrong. Adattament tassew ikkargat b’Jones u Alexander jirrepetu l-parti tagħhom tal-palk mis-suċċess ta’ Broadway, bħala Jack Jefferson, boxer heavyweight famuż u l-maħbuba bajda tiegħu.
Hard Times (1975) (U.K. Streetfighter): Dirett minn Walter Hill. Jaħdmu Charles Bronson, James Coburn, Jill Ireland. Bronson hu l-ġellied u Coburn il-meniġer tiegħu li jirranġalu ġlidiet mingħajr ingwanti, bil-moħbi fi New Orleans tas-snin tletin.
Raging Bull (1980): Dirett minn Martin Scorsese. Jidhru Robert De Niro, Cathy Moriarty, Joe Pesci, John Turturro. Ħarsa straordinarja li tinvolvik dwar il-ġellied Jake La Motta li l-avversarju tiegħu barra mill-palk tal-ġlied hu hu stess. Li raġel mistmerr bħal dan ispira film tant tajjeb kien mertu tal-kollaborazzjoni bejn id-Direttur Scorsese, De Niro (ma kinitx l-ewwel darba) u l-kittieba Paul Schrader u Mardik Martin. De Niro tassew kien ħaqqu jirbaħ l-Oscar.
The Hurricane (1999): Dirett minn Norman Jewison, bl-atturi Denzel Washington, Deborah Kara Unger, Liev Schreiber. Parti potenti minn Washington bħala l-boxer champion Rubin Carter, imlaqqam Hurricane li jeħel il-ħabs meta kien innoċenti.
Ali (2001): Dirett minn Michael Mann. Jaħdmu Will Smith, Jamie Foxx, Jon Voight. Bijografija taċ-champion straordinarju Mohammed Ali, imwieled Cassius Clay, li tkopri s-snin 1964 sal-1974.
Cinderella Man (2005): Dirett minn Ron Howard, bl-atturi Russell Crowe, Renee Zellweger, Paul Giamatti. L-istorja inkredibbli vera tal-boxer James J. Braddock li fi żmien id-Dipressjoni Amerikana, wara ħafna telfiet beda jaħdem jgħabbi t-trakkijiet fit-tarzna u jerġa’ jipprova xortih fuq il-padiljun tal-boxing issa b’xi suċċessi. Xogħol li jeċċella fid-dettall tal-perjodu u magħmul b’sengħa kbira.
Il-boxing tan-nisa hu ġeneru ieħor li wkoll sar popolari.
Girlfight (2000): Dirett minn Karyn Kusama. L-atturi huma Michelle Rodriguez u Jaimi Tirelli. Teenager li tgħix fi Brooklyn ta’ rasha sħuna, issib mezz kif trażżan ir-rabja li għandha fuqha billi tibda titħarreġ għall-boxing. F’dan l-isport iddominat mill-irġiel, din mhix se tkun ħaġa faċli l-aktar meta ssir tħobb sieħeb ukoll boxer. Rodriguez tant timpressjona li tintgħażel ġo films popolari bħas-serje ta’ The Fast And The Furious u Avatar.
Million Dollar Baby (2004): Dirett minn Clint Eastwood. Jidhru Clint Eastwood, Hilary Swank, Morgan Freeman. L-anzjan meniġer/trainer (Eastwood) li għandu post tal-boxing, kontra qalbu jdaħħal mara ta’ 31 sena (Swank) bħala l-klijenta ġdida tiegħu u malajr jinkaram warajha minħabba l-impenn intensiv, dixxiplina u dedikazzjoni li turi. Film rebbieħ ta’ erba’ Oscars dwar persuni feruti emozzjonalment li jridu jipproteġu lil xulxin. Il-final żgur li jissorprendik.
Fl-2023 ħareġ Big George Foremen dwar iċ-champion heavyweight tad-dinja, rebbieħ ukoll ta’ medalji fil-logħob Olimpiku. Dan il-film ittratta aktar it-trasformazzjoni tiegħu minn boxer qalil f’ħalq il-mewt għall-ħajja tiegħu ta’ predikatur.
Il-ġeneru tal-films tal-boxing tant hu popolari li żgur se jkomplu jinħadmu ’l quddiem.