Kanzunetti, marċi u temi mużikali mill-films tal-gwerra (L-ewwel parti)
Matul il-ħamsinijiet sa kważi dawk tas-sebgħinijiet, kienu ħafna l-films tal-gwerra b’tema mużikali popolari. Carmel Bonnici jkompli bl-analiżi tiegħu fil-films klassiċi u jdur issa fuq il-kanzunetti, marċi u temi mużikali mill-films tal-gwerra
Kemm il-Gwerra l-Kbira, jew l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918) u kemm it-Tieni Gwerra Dinjija (1940-45) kienu avvenimenti li pprovdew lil Hollywood u postijiet oħra b’diversi films dwar aspetti differenti ta’ dawn iż-żewġ katastrofi terribbli.
Sa mill-qedem, il-gwerra dejjem lagħbet irwol formidabbli fl-istorja tal-umanita`. L-erojiżmu u l-kuraġġ sfiq ta’ missirijietna sikwit kien esebit fuq it-tertuqa u l-kompożitur, imqabbad jikteb il-mużika, aktarx iva milli le, jipproduċi temi sbieħ ta’ kwalita` u anki ta’ xi innu nazzjonali. Iċ-ċinema dejjem uriet ġrajjiet differenti tal-gwerra, ħafna minnhom veri u oħrajn fittizji.
Rajna fuq il-liżar ċinematografiku kumbattimenti ħorox fuq l-art, fit-trinek umdużi mimlija tajn u ksieħ, fl-ajru u anki fuq il-baħar. Id-dokumentarji tal-gwerra qatt ma naqsu; ir-realiżmu sikwit kien ovvju flimkien mas-sentimentaliżmu, xi traġedja, xi att ta’ qlubija gwappa u kultant ukoll xi kummiedja fuq dan is-suġġett serju.
Nista’ ngħid ukoll li l-aspett epiku ta’ dawn il-films beda jidher ovvju mill-1957 ‘l hawn bil-film straordinarju The Bridge On The River Kwai tat-Tieni Gwerra Dinjija u kompla b’dik tal-Korea, il-Vjetnam u l-Lvant Nofsani. Dawn ix-xogħlijiet, barra li kienu mogħnija bi spettaklu, kellhom temi mużikali, xi marċ jew xi kanzunetta popolari tal-widna.
Ix-xniegħa hi li Jack Judge, nhar it-30 ta’ Jannar 1912, kiteb il-kanzunetta It’s A Long Way To Tipperary wara mħatra ta’ ħames xelini u l-lejla ta’ wara kantaha hu stess. Din saret l-aktar kanzunetta popolari tal-Ewwel Gwerra Dinjija u bdiet tindaqq regolarment fl-iswali tal-mużika Brittaniċi. Kienu diversi l-kantanti li kantawha u, fost oħrajn, instemgħet ġo films bħal Darling Lili (1970), Das Boot (The Boat) (1981) u On Moonlight Bay (1951) li fih ħadmet Doris Day.
Kanzunetta oħra li saret popolari fit-Tieni Gwerra Dinjija hija Bless Them All, jew kif magħrufa wkoll The Long, The Short And The Tall, film dirett minn Ken Annakin fl-1961. Din kitibha Fred Godfrey u kkompona l-mużika tagħha Robert Kewley. L-ewwel li rrekordjaha kien George Formby fl-1940. Instemgħet ukoll fil-films Twelve O’Clock High (1949) bl-attur Gregory Peck u fl-1956 fil-film The Proud And The Profane.
Il-kantanta Dame Vera Lynn stinkat ħafna biex timla lis-suldati Brittaniċi bl-ispirtu u l-ħerqa biex jiġġieldu għal pajjiżhom, l-iżjed bil-kanzunetta verament popolari We’ll Meet Again. Instemgħet ukoll fil-film Dr. Strangelove (1964) tad-direttur Stanley Kubrick u Yanks (1979). Il-Ġermaniżi wkoll kellhom il-kanzunetta popolari tagħhom, Lili Marleen.
Marlene Dietrich ġiet esegwita anki bl-Ingliż fejn saret ukoll il-favorita tal-alleati. Fil-film Play Dirty (1969) ta’ Rainer Werner Fassbinder u fil-film Judgement At Nuremberg (1961) instemgħet ukoll.
Matul il-ħamsinijiet sa kważi dawk tas-sebgħinijiet, kienu ħafna l-films tal-gwerra b’tema mużikali popolari. Il-Ħadd li ġej niffoka fuq dawk il-produzzjonijiet elaborati b’temi tal-widna.