Marco Joseph Bartolo ċċelebrat f’tour uniku tat-Teatru Manoel

Għall-ewwel darba, dawn it-tours se jkunu aċċessibbli għal kulħadd peress li issa t-Teatru Manoel għandu l-faċilità tal-użu ta’ lift li kien installat iktar kmieni din is-sena

Teatru Manoel bi pjaċir jippreżenta ‘The Grand Tour of Teatru Manoel’, tour uniku tat-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna b’kollaborazzjoni ma’ House of Tours.  

Dawn it-tours se jkunu qed jiċċelebraw ix-xogħol ta’ wieħed mill-aqwa xenografi li qatt kellu t-Teatru Manoel, Marco Joseph Bartolo, li sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-jiem ilu. Bħala apprezzament għall-ħidma kbira tiegħu fi ħdan it-Teatru, se jkunu qed jiġu esebiti wħud mix-xogħlijiet tiegħu.   

It-tours se jitmexxew mill-gwida professjonali u attur Jeremy Grech, u se jsiru kull nhar ta’ Tlieta fl-10.30am u f’12.00, u jibdew mit-30 ta’ Lulju.  

Dawk li se jattendu għal dan it-tour se jkollhom ukoll l-opportunità li jaraw uħud mill-kostumi oriġinali li jiffurmaw parti mid-Dipartiment tal-Kostumi tat-Teatru Manoel b’kollezzjoni ta’ iktar minn 10,000 kostum. Dawn il-kostumi ġew meħjuta mill-ħajjata tat-Teatru Manoel u għalhekk il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw kif kull kostum għandu dettall partikolari li nħadem b’teknika mill-aqwa.   

Apparti l-kostumi, wieħed jista’ jara wkoll uħud mill-iktar props antiki li kienu jintużaw fit-Teatru qabel ma ġiet introdotta t-teknoloġija moderna kif nafuha llum, fosthom magna tar-riħ, thunder roller u rain box.  

Għall-ewwel darba, dawn it-tours se jkunu aċċessibbli għal kulħadd peress li issa t-Teatru Manoel għandu l-faċilità tal-użu ta’ lift li kien installat iktar kmieni din is-sena. Dan se jservi sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jesperjenza dak kollu li joffri t-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna.  

Il-prezz ta’ dawn it-tours se jkun ta’ €20 għal kull biljett u kull grupp se jkun limitat għal 30 persuna. Matul l-istaġun tas-sajf, it-tours se jsiru kull nhar ta’ Tlieta fl-10.30am u f’12.00 filwaqt li fix-xitwa jsiru fil-11.00am u fit-3.00pm. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt jew iċempel fuq 2124 6389. 

More in Divertiment