[It-tieni parti] L-ivvjaġġar fil-passat u fil-futur matul is-snin
Carmel Bonnici jkompli jdur il-films relatati mal-ivvjaġġar tal-ħin, lejn il-futur, u lejn il-passat. Ikompli b'dawk miktuba u magħmula fis-seklu 20
Immorru lura fiż-żmien u nsibu produzzjonijiet tal-biża’ li joqogħdu tajjeb f’dan il-kuntest bħal, The Undead (1957), Terror From The Year 5000 (U.K. – Cage Of Doom) (1958), Waxworks II: Lost In Time u Army Of Darkness (1993). Anki stejjer ta’ films romantiċi bħal Berkerley Square (1933), The House In The Square (U.S. – I’ll Never Forget You) (1951), Somewhere In Time (1980), Happy Accidents (2000) u Kate And Leopold (2001) sabu posthom f’dan il-ġeneru ta’ film. Is-satiri, xi kultant serjissimi, ukoll ġew inklużi permezz ta’ Slaughterhouse Five (1972) u Idaho Temple (1973).
Is-sensiela oriġinali Planet Of The Apes (1967-73) tibda b’pilota fl-ispazju fejn il-vettura tiegħu titlef il-kontroll u jsib ruħu fil-futur imbiegħed, eżatt kif jiġrilu wkoll Buck Rogers In The 25th Century (1979). F’It’s All Over Again (2000) żagħżugħ jiġi wiċċ imb wiċċ mal-persuna tiegħu stess fi xjuħitha. F’The Kid (2000), raġel adult jiġi ġġudikat minnu nnifsu meta kien tifel ta’ disa’ snin. Fl-2002 ħareġ Clockstoppers fejn teenager ikollu l-poter li jwaqqaf il-ħin. Fl-aħħar nett, ta’ min isemmi Time After Time (1979) it-thriller dwar Dr. John Leslie Stevenson (aka Jack The Ripper), fejn l-eroj kellu appuntu jkun l-awtur H. G. Wells stess minflok Sherlock Holmes.
Minkejja li l-kwantità kbira ta’ films dwar dan is-suġġett kienu xogħlijiet ordinarji, xi wħud tassew inzertaw ta’ livell għoli. Issa se nagħti xi tagħrif qasir dwar l-aktar produzzjonijiet kanoniċi ta’ dan il-ġeneri popolari:
A Connecticutt Yankee In King Arthur’s Court (1949). 106 minuti. Dirett minn Tay Garnett, bl-atturi Bing Crosby, Rhonda Fleming, William Bendix u Cedric Hardwicke. Din l-istorja tal-awtur Mark Twain hawn issir xogħol mużikali għal Bing Crosby li jsib ruħu f’Camelot fi żmien ir-Re Arturu fejn iqisuh bħala saħħar. Produzzjoni kkulurita li nħadmet qabel fl-1921 u 1931.
The House In The Square (1951) (U.S.A. – I’ll Never Forget You). 90 minuta. Direttur Roy (Ward) Baker. Jaħdmu Tyrone Power, Ann Blyth, Michael Rennie. Power, Amerikan li qed jaħdem f’Londra, kważi mdejjaq bis-soċjetà egoista ta’ żmienu, ikun jixtieq li kien jgħix fis-seklu 18. Waqt maltempata bis-sajjetti jsib ruħu trasportat f’dik l-epoka, jiskopri li l-umanità hi l-istess bħal ta’ żmienu, però jsir iħobb lil Blyth, kreatura simpatika, ġentili u li taf tħenn. Il-film jibda bla kulur u wara xi minuti jaqleb. Kien inħadem qabel fl-1933 bl-isem ta’ Berkerley Square.
The Time Machine (1960). 103 minuti. Dirett minn George Pal. Jidhru Rod Taylor, Alan Young, Yvette Mimieux u Sebastian Cabot.
The Time Machine (2002). 96 minuta. Dirett minn Simon Wells (l-awtur H. G. Wells jiġi l-bużbużnannu tiegħu). L-atturi huma Guy Pierce, Samantha Mumba, Orlando Jones u Jeremy Irons. Verżjoni oħra tal-ktieb klassiku ta’ H. G. Wells fejn il-Professur Pierce, li jinsa malajr, jivvjaġġa lura fiż-żmien biex jirranġa traġedja li kienet tinvolvi lill-maħbuba tiegħu, imbagħad imur b’ħeffa fil-futur imbiegħed fejn qed isseħħ gwerra ħarxa bejn il-kattivi Morlocks li jirrenjaw fuq l-Eloi. Minkejja storja bi ftit impatt, l-effetti speċjali viżwali huma tassew impressjonanti.