‘Van Gogh: Poets and Lovers’ fiċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv
Dan il-film, li se jintwera nhar it-Tlieta, 8 ta’ Jannar 2025 fis-7:30 pm, jagħti opportunità biex wieħed jifhem aħjar lil Van Gogh, mhux biss bħala artist imma wkoll bħala bniedem li għex u ħadem bil-passjoni
Il-Gran Brittanja rat l-akbar wirja ta’ xogħlijiet ta’ Vincent van Gogh li qatt saret fil-pajjiż, organizzat mill-Gallerija Nazzjonali ta’ Londra. Issa, permezz tal-film “Exhibition on Screen: Van Gogh: Poets and Lovers”, dawk li ma setgħux iżuru din il-wirja storika jistgħu jesperjenzaw il-ġenju kreattiv ta’ dan l-artist maħbub fuq l-iskrin il-kbir.
Dan il-film, li se jintwera nhar it-Tlieta, 8 ta’ Jannar 2025 fis-7:30 pm, jagħti opportunità biex wieħed jifhem aħjar lil Van Gogh, mhux biss bħala artist imma wkoll bħala bniedem li għex u ħadem bil-passjoni. L-esebizzjoni tiffoka fuq is-snin rivoluzzjonarji li l-artist qatta’ fix-Xlokk ta’ Franza, fejn bidel kompletament l-istil tiegħu u ħoloq xogħlijiet li għadhom jitqiesu bħala kapulavuri tal-arti moderna.
F’dan il-perjodu, Van Gogh ħoloq dinja fejn ix-xeni tal-ħajja ta’ kuljum ġew interpretati b’mod simboliku u idealizzat. L-immaġinazzjoni tiegħu kienet mimlija poeti u maħbubin, li spiss kienu jispiraw l-istejjer li rrakkonta permezz tax-xogħol tiegħu. Però, dan kollu ġab miegħu sfidi personali kbar, fosthom il-kollass psikoloġiku tal-għażiż Vincent, li sar magħruf mad-dinja kollha, iżda li qatt ma naqqas xejn mill-kreattività tiegħu.
Dan id-dokumentarju uniku, magħmul b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Gallerija Nazzjonali ta’ Londra, se jintwera wkoll nhar il-Ħadd, 19 ta’ Jannar 2025 fil-5 pm. Huwa jipprovdi ħarsa aktar intima lejn wieħed mill-aktar perjodi kruċjali fl-istorja tal-arti. Għal min iħobb ix-xogħol ta’ Van Gogh jew irid jitgħallem aktar dwar dan il-ġenju tant miżinterpretat, din hija opportunità li m’għandux jitlef.