[L-EWWEL PARTI] Il-film mużikali 'The Pajama Game'
Fl-1953, Richard Bissell kiteb in-novella 7 1/2 Cents. Minn fuq dan ix-xogħol ġiet ibbażata r-reċta mużikali The Pajama Game. Carmel Bonnici jagħti ħarsa lejn dan ix-xogħol
Fl-1953, Richard Bissell kiteb in-novella 7 1/2 Cents. Minn fuq dan ix-xogħol ġiet ibbażata r-reċta mużikali The Pajama Game. Il-librett inkiteb minn George Abbott u Richard Bissell waqt li Richard Adler u Jerry Ross kitbu l-liriċi. L-istorja tiżvolġi fuq l-inkwiet li jinqala’ mill-ħaddiema ġo fabbrika li taħdem il-piġami, fejn dawn jitolbu żieda ta’ 7 ċenteżmi u nofs u fejn it-talba tagħhom ma jagħtux kasha. Waqt dan l-inkwiet kollu, tinbet imħabba bejn Babe, il-mexxejja u kap tal-Kumitat ta’ din it-talba, u Sid, is-supretendent il-ġdid tal-fabbrika.
Il-produzzjoni oriġinali fuq il-palk ta’ Broadway fetħet nhar it-13 ta’ Mejju 1954, fit-teatru St. James u ntweriet għal 1,063 darba, b’waqfa qasira fit-teatru Schubert meta spiċċat min-naħa l-oħra. The Pajama Game reġgħet irxuxtat fl-1973 u anki fis-sena 2006 fil-The Roundabout Theater Company. Il-produzzjoni oriġinali, prodotta minn Frederick Brisson, Robert E. Griffith u Harold S. Prince rebħet l-unur Tony għall-aqwa xogħol mużikali. Il-qawmien mill-ġdid tagħha fl-2006 fuq Broadway rebħet ukoll it-Tony Award għall-Aqwa Qawmien mill-Ġdid ta’ reċta mużikali. Dan ix-xow baqa’ dejjem għażla popolari għall-komunità u għall-produzzjonijiet ta’ gruppi għall-iskejjel. Fil-West End ta’ Londra, The Pajama Game fetħet fil-London Coliseum nhat it-13 ta’ Ottubru 1955 fejn saru 588 wirja.
Barra d-dati li semmejt, The Pajama Game saret fl-1957 fl-Awstralja. Fl-istess sena li nħadem il-film u fl-irxuxtar ta’ dan il-musical fl-2006 inkitbu xi kanzunetti ġodda, li huma: The Three Of Us (Me, Myself and I), The World Around Us u If You Win, You Lose li, naturalment, ma jinstemgħux fil-film.
Qabel insemmi dan il-film u nindika xi kritika rċieva, se nsemmi l-karattri prinċipali u x’inhu x-xogħol tagħhom.
Sid Sorkin – is-supretendent gustuż u ġdid tal-fabbrika li jsir iħobb lil Babe, għalkemm hi tinsab fuq in-naħa opposta tat-tilwima industrijali li hi ċentrali għall-istorja.
Katherine “Babe” Williams – il-mexxejja tal-Union tal-Kumitat tal-Inġustizzji li ssir tħobb lil Sid.
Myron “Old Man” Hasler – il-kap strett tal-fabbrika tal-piġami li qed jaħbi ġo fih sigriet.
Gladys Hotchkiss – is-segretarja attraenti u makakka ta’ Hasler, li qed tinnamra ma’ Hines u li qed isus warajha Prez.
Vernon Hines – dak li jieħu ħsieb il-ħin fil-fabbrika, li jaħseb li Gladys turi ruħha żżejjed mal-irġiel u b’hekk dejjem tgħir.
Prez – il-kap tal-union u minkejja li hu miżżewweġ dejjem jiġri wara xi dublett.
Mabel – is-segretarja ta’ Sid u l-factotum tal-fabbrika.
Mae – membru tal-Kumitat tal-Inġustizzji li tpaċpaċ iżżejjed, li taċċetta l-avvanzi ta’ Prez tant li tissorprendih.
Pop – il-missier ħanin u baħbuh ta’ Babe.
Max – bejjiegħ.
Charley – ħaddiem fil-fabbrika li jimmaniġġja f’kollox.
Joe – ħaddiem fil-fabbrika u l-paladin ta’ Prez.
Brenda – membru tal-Kumitat tal-Inġustizzji.
Virginia – tfajla li taħdem fil-fabbrika u attivista tal-union.
Poopsie – tfajla li taħdem fil-fabbrika u attivista tal-union.
Gus – ħaddiem imdejjaq, imwarrab minn Sid.