[L-EWWEL PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes
Ix-xadini minn dejjem kienu popolari fiċ-ċinema. It-tfal jogħxew ħafna fuqhom l-aktar meta dawn l-annimali jimitaw lill-bnedmin. Carmel Bonnici jħares lejn kif dawn l-annimali ġew interpretati fuq il-lożor taċ-ċinema
![](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/planet_of_apes.png)
Ix-xadini minn dejjem kienu popolari fiċ-ċinema. It-tfal jogħxew ħafna fuqhom l-aktar meta dawn l-annimali jimitaw lill-bnedmin. Ħafna huma dawk li jħobbu jrabbuhom bħala annimali domestiċi.
Il-kumpanija Disney ġieli ħadmet films fejn dawn il-ħlejjaq kellhom parti sostanzjali, bħal The Monkey’s Uncle (1965) u Monkeys Go Home (1967). Produzzjonijiet serji dwarhom kienu Gorillas In The Mist (1988), Monket Shines (1988), eċċ. Clint Eastwood ħadem ma’ orangutan f’Every Which Way But Loose (1978) u Any Which Way You Can (1980). Il-gorilla King Kong, ta’ kobor immens hija popolari sal-preżent f’ruxxmata ta’ films sa mis-sena 1933 u oħrajn bħal Son Of Kong, diversi sequels u anki Mighty Joe Young (1949 u 1998). Żgur li l-iżjed xadina famuża u popolari hija Cheetah li ferrħet lil miljuni ta’ spettaturi f’films ta’ Tarzan, l-aktar dawk ta’ Johnny Weissmuller f’serje ta’ tlettax-il film. Xadina oħra intelliġenti hija dik li dehret ma’ Sabu f’Cobra Woman (1943).
Però, dan l-artiklu hu ffukat fuq serje ta’ ħames films, Planet Of The Apes li ħarġu bejn is-snin 1968–1973. Fis-sena 2001 ħareġ film ieħor bl-istess isem ta’ Planet Of The Apes b’impatt ħafna iżjed pwerili minn dak oriġinali. Din is-sensiela kellha qawmien mill-ġdid fl-2011 b’mod epiku u anki interessanti b’Rise Of The Planet Of The Apes u kompliet b’vitaltà b’xogħlijiet bħal Dawn Of The Planet Of The Apes (2014), War For The Planet Of The Apes (2017) u s-sequel Kingdom Of The Planet Of The Apes (2024), bi probabbiltà kbira li din se tkompli. Il-profitti komplew jakkumulaw permezz ta’ kotba, komiks, video games u anki ġugarelli. Planet Of The Apes hija l-itwal serje Amerikana tax-xjenza fittizja li s’issa rendiet aktar minn $2 biljun fuq baġit totali ta’ kwart minn din is-somma.
L-awtur oriġinali tal-film Planet Of The Apes hu l-Franċiż Pierre Boulle. Dan l-awtur twieled nhar l-20 ta’ Frar 1912 bl-isem ta’ Pierre Francois Marie Louis Boulle f’Avignon, Franza. Il-kittieb Boulle hu l-aktar famuż għal żewġ xogħlijiet, The Bridge On The River Kwai (1952) u Planet Of The Apes (1963) li wara nħadmu films u rebħu xi Oscars. Boulle miet nhar it-30 ta’ Jannar 1994 f’Pariġi fl-għomor ta’ 81 sena. Hu kien inġinier li kien qed iservi ta’ aġent sigriet f’Singapore mal-Free French. Meta nqabad mill-Ġappuniżi serva sentejn b’xogħol iebes. Kienu dawn l-esperjenzi li għenuh jikteb The Bridge On The River Kwai dwar l-infamija Ferrovija tal-Mewt, li malajr sar best seller. Il-film epiku u spettakolari tal-1957 rebaħ seba’ Oscars u kien l-awtur stess li kiteb l-iscreen play tiegħu flimkien ma’ tnejn oħra li ma setgħux juru isimhom. In-novella l-oħra tax-xjenza fittizja, Planet Of The Apes, li fiha xadini intelliġenti jieħdmu kontroll fuq l-umani, ġiet adattata f’serje ta’ disa’ films li rebħu diversi unuri u li minnhom ħarġet verżjoni għat-TV u, kif diġà semmejt, ġugarelli bit-temi tal-films.
Fl-1963, wara novelli oħra ta’ suċċess, Boulle ppubblika l-ktieb famuż tiegħu La Planete De Singes, li fl-1964 tawh l-isem ta’ Monkey Planet minn Xan Fielding u wara reġa’ ħareġ il-ktieb issa bl-isem ta’ Planet Of The Apes. Dan il-volum mill-ewwel ġie mfaħħar sewwa bħal dan ir-rapport tal-gazzetta Ingliża The Guardian – “Xjenza Fittizja klassika ... mimli eċitament u satirikament intelliġenti”.
Fis-sena 2500, grupp ta’ astronawti, inkluż il-ġurnalista Ulysse Merou, jitilqu fuq vjaġġ lejn pjaneta fis-sistema solari ta’ Betelgeuse. Meta jillendjaw jiskopru dinja stramba fejn xadini u gorilli bravi huma s-sidien u l-umani qishom slavaġ magħluqin f’gaġeġ fiż-zoos biex jiġu użati għall-esperimenti fil-laboratorju u kkaċċjati bħala delizzju. L-istorja ta’ Ulysse, maqbud u l-isforzi tiegħu biex jibqa’ jgħix u b’final li jaħsdek minn ġewwa hekk kif jirritorna lejn id-dinja u l-iskoperta tiegħu tal-aħħar, tassew hi fantastika, unika, u li żgur tissummak. Din in-novella qisha bħala parabbola dwar ix-xjenza, l-evoluzzjoni, kif il-bniedem kisser id-dinja billi ma beżax għall-ambjent u anki dwar ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-annimal.