Jiftaħ il-bieb tad-dar tiegħu biex jiċċelebra l-festa mal-ġirien u l-ħbieb
Fl-ewwel minn sensiela ta’ artikli f’dan l-istaġun tal-festi, il-gazzetta ILLUM iżżur festa differenti u partikolari. Noel Muscat jorganizza festa fid-dar tiegħu fil-Belt Valletta u jistieden lill-ġirien u l-ħbieb biex igawdu miegħu…
L-istaġun tal-festi qabad ir-ritmu. Festi għaddew, oħrajn qed ikunu ċċelebrati llum u diversi bliet u rħula oħra qed iħejju t-toroq tagħhom biex jilbsu l-libsa tal-festa li għadha ġejja. Fil-Belt Valletta jiġu ċċelebrati erba’ festi, iżda għal Noel Muscat dan mhux biżżejjed, hekk kif fid-dar tiegħu jiċċelebra festa titulari u tnejn sekondarji.
Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żaret id-dar ta’ Noel Muscat hekk kif wara nuqqas ta’ diversi snin, reġa’ beda jiċċelebra l-festa tal-Madonna tal-Karmnu.
Madwar Malta hawn diversi persuni li jarmaw minjatura ta’ knisja, iżda Noel ma għandux biss knisja, iżda kważi kważi villaġġ sħiħ. Malli tidħol fil-kamra fejn Noel jiċċelebra l-festa, issib jilqgħuk il-pavaljuni, l-istatwi fuq il-pedestalli, il-liedna, il-fustuni u l-knisja prominenti fin-nofs, armata u mixgħula għall-festa minn ġewwa u minn barra.
Mhux hekk biss, iżda Noel saħansitra għandu żewġ każini tal-banda, li kienu armati kif xieraq għall-festa, bl-arblu u bil-pavaljuni mal-gallarija u anke ċ-ċentru parrokkjali. Fl-isfond, kien għaddej recording tal-quddiesa solenni tal-festa bil-paniġierku u wara anke l-marċi.
Aħna lanqas konna l-uniċi nies li żorna l-festa li jorganizza Noel u dan għax huwa jorganizza l-festa fuq ġimgħa sħiħa u fi tmiem il-ġimgħa jiftaħ il-bibien tiegħu għal sħabu Beltin biex magħhom jaqsam il-ferħ tal-festa li jorganizza.
Tkellimna ma’ Noel dwar dan il-passatemp tiegħu u staqsejnieh minn fejn nibtet din l-idea tiegħu li jiċċelebra l-festa fid-dar.
Noel spjegalna kif kollox beda madwar 30 sena ilu meta ħabib tiegħu minn Ħal Tarxien kien jistiednu għal festa li kien jorganizza fuq il-bejt tad-dar tiegħu.
Minn hemm beda jagħmel il-festa anke hu. L-ewwel ħadem knisja żgħira u ftit ftit beda jaħdem l-armar u anke l-faċċati tal-każini li għandu fil-kamra.
Ta’ min jgħid ukoll li apparti l-istatwi li jaħdimhom apposta, Noel Muscat joqgħod jaħdem b’idejh il-pavaljuni u l-bandalori u d-disinn irqiq u fin tagħhom.
“Għall-bidu kont bdejt nagħmel il-pavaljuni tal-kartun iżda qlibt fuq id-drapp u kull sena nagħmel xi ħaġa ġdida,” spjegalna Muscat.
Jolqtuk ukoll id-dettalji. L-arbli, jew inkella l-antanjoli kif inhuma magħrufa mad-dilettenti tal-festi, għandhom anke l-ħbula biex il-bandalora mhux sempliċiment teħel iżda tittella’.
Apparti minn hekk, ħafna mill-istatwi li rajna armati huma minjatura ta’ statwi kbar li jintramaw fit-toroq tal-Belt Valletta fil-ġranet tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Statwi oħra huma oriġinali. Noel iħażżeż il-ħsieb u jqabbad statwarji biex jaħdmuhomlu.
Uħud mill-istatwi għandhom ukoll sinifikat. F’Santa Katarina jarma l-istatwa ta’ San Tarċisju martri u ħadimha apposta ftit xhur wara li kien miet missieru biex tibqa’ tfakkru fih ukoll, ġaladarba kien imsemmi għalih.
Dan kollu jinżel tajjeb immens mal-ġirien u l-ħbieb ta’ Noel tant li minn din is-sena reġa’ beda jorganizza l-festi wara nuqqas ta’ għaxar snin, sforz l-inkorraġġiment tal-ħbieb u l-ġirien tiegħu.
Apparti l-festa titulari tal-Madonna tal-Karmnu, li Noel jiċċelebraha qabel, biex ma taħbatx ma’ dik iċċelebrata fil-Belt u li hi tant għal qalbu, jiċċelebra wkoll żewġ festi sekondarji, jiġifieri dik tal-Madonna tal-Ġilju f’Marzu u l-festa ta’ Santa Katarina f’Settembru.
Fil-fatt, Noel Muscat għandu armar differenti għal kull festa, saħansitra anke l-arbli li magħhom itella’ l-bandalori, il-labardi tagħhom u l-liedna huma differenti.
Anke l-knisja tkun armata differenti. Fil-festi sekondarji jkollha inqas armar u l-koppla, kif isir fil-postijiet fejn jiġu ċċelebrati festi sekondarji, lanqas ma tkun mixgħula.
“L-arbli tal-Karmnu huma fuq il-kannella, ta’ Santa Katarina fuq il-griż u tal-Ġilju fuq iċ-ċilesti. Jekk f’Tal-Karmnu narma l-istatwi tal-papiet u ta’ qaddisin Karmelitani, f’Santa Katarina narma l-istatwi tal-martri,” kompla jispjegalna Noel b’entużjasmu.
Tkellimna dwar il-fatt li fil-ġranet tal-festa tiegħu, Noel jiftaħ il-bieb tad-dar għan-nies u fi kliemu l-għaxqa tiegħu meta jmorru l-ħbieb u l-ġirien tiegħu.
“Ilni tlett ijiem bin-nies. Nieħu gost nara lin-nies ġejjin għax inħoss li l-festa tal-Karmnu li niċċelebra fid-dar tiegħi sservi bħala l-bidu tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu li niċċelebraw fil-Belt,” qalilna Noel.
Staqsejnieh dwar iż-żgħażagħ Beltin, jekk imorrux għandu biex jiċċelebraw il-festa miegħu u jekk jurux interess.
“Iż-żgħażagħ jiġu. Għalihom xi ħaġa ġdida. Jibqgħu ċċassati. Kienu huma li ġegħluni nerġa’ nibda nagħmel il-festa d-dar. Bil-ħila tagħhom erġajt bdejt,” temm jgħidilna Noel.
Dan huwa l-ewwel minn sensiela ta’ artikli u supplimenti li l-gazzetta ILLUM se tkun qed tippubblika f’dan iż-żmien li fih ħafna mill-ibliet u l-irħula f’Malta u Għawdex ikunu qed jiċċelebraw il-festi tagħhom