Pellegrinaġġ speċjali f'ġieħ il-Madonna tas-Sacro Cuor
B’tifkira tal-150 sena mill-bidu tad-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Sacro Cuor, se jkun qed isir pellegrinaġġ speċjali. Agħfas hawn għal aktar dettalji
B’tifkira tal-150 sena mill-bidu tad-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Sacro Cuor, se jkun qed isir pellegrinaġġ speċjali nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru.
Matul il-ġranet tat-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis, fis-6pm se jkun qed jingħad ir-rużarji, qabel il-quddiesa tas-6:30pm. Il-quddies tal-Ħamis se tkun qed titqaddes minn Mons. Isqof George Bugeja u waqt it-tridu se jkanta l-kor parrokkjali.
Nhar il-Ġimgħa, f’jum il-festa, se jsir Għasar kantant fil-5pm, u quddiesa kantata u konċelebrata mill-W. Rev. Patri Martin Coleiro fil-5:30pm. Siegħa wara seħħ purċissjoni solenni bil-vara tal-Madonna tas-Sacro Cuor immexxija mill-Kanonku Jonathan Farrugia flimkien mal-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena, filwaqt li jingħad it-talba tar-rużarju wkoll.
Id-dħul tal-purċissjoni, l-antifona, u ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika iseħħ fit-8pm.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed isiru bil-kooperazzjoni u l-kolaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Furjana.
Il-bidu tad-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Sacro Cuor fil-Furjana u f'Malta
Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu ‘tal-Qalb iMqaddsa ta’ Ġesu’, magħrufa popolarment bħala l-Madonna tas-Sacro Cuor, twieldet fi Franza fl-1862.
Ġiet introdotta f’Malta fil-Knisja Arċipretali u Parrokkjali tal-Furjana, permezz tal-qassis Furjaniż ir-Rev. Dun Emmanuele Grech li kien il-promotur bla serħan ta’ din id-devozzjoni ġdida għal Malta, fl-1874 meta bil-ħidma tiegħu twaqqfet kanonikament f’din il-knisja l-Pia Associazione di N. SIGNORA DEL SACRO CUORE DI GESU’ jew, kif deher f’traduzzjonijiet aktar tard bil-Malti, il-Konfraternita’ tal-Madonna tal-Qalb ta’ Ġesu’.
Fi żmien qasir saret pittura tal-Madonna tas-Sacro Cuor minn Pietro Gagliardi kif ukoll statwa tal-injam li tixbaħ lill-istess pittura.
Bil-permess tal-Monsinjur Vigarju Kapitolari, il-kwadru ġdid tal-Madonna tas-Sacro Cuor ġie espost fuq l-altar maġġur tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju taħt tużell majestuż għal ħmistax-il ġurnata, mill-Ħadd, 13 ta’ Settembru sal-Ħadd, 27 ta’ Settembru, 1874, u din il-kwindiċina fissret it-twelid tad-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Sacro Cuor f’Malta.
Fil-Knisja Arċipretali u Parrokkjali ta’ San Publju wieħed isib artal laterali iddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu kif ukoll statwa tal-injam tal-Madonna tal-Qalb iMqaddsa ta’ Ġesu.