Tradizzjonijiet uniċi fil-festi tar-raħal
Il-festa tal-patrun hija d-data perennjali fil-kalendarju ta’ kull raħal Malti. Il-festi rispettivi ta’ kull raħal kollha jaqsmu similitajiet ma’ xulxin iżda, xi wħud, għandhom tradizzjonijiet partikolari għalihom biss
Sant’ Andrija, Hal Luqa
Fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju f’Hal Luqa, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Sant’ Andrija, f’Ħal Luqa. Madankollu, ħaġa partikolari li ssir f’Hal Luqa biss tista’ tesperjenzaha lejliet, is-Sibt.
Wieħed mill-każini tar-raħal, is-Soċjetà Filarmonika l-Unjoni, ilu stabbilit mis-sena 1880. Fl-1885, ċertu wieħed Karlu Darmanin kien inkarigat sabiex jaħdem statwa t’anġlu, li tirrappreżenta il-martirju l-glorja ta’ Sant’ Andrija.
It-tradizzjoni hi li, meta l-banda tasal quddiem il-każin li jinsab eżatt barra l-pjazza, toħroġ l-istatwa minnu li tinġarr sa nofs il-pjazza. Din tittella’ fuq pedestall li jkun armat għall-okkażjoni, filwaqt li l-banda ddoqq marċ li ġie miktub apposta, b’folla ta’ nies ikantaw miegħu. Wara t-tlugħ isegwu l-murtali minn fuq il-bejt tal-każin, li jkomplu jżidu mal-meravilja t’atmosfera.
Meta bdiet din it-tradizzjoni 138 sena ilu, it-teknoloġija ma kinitx dik li hi llum, u b’hekk din l-istatwa kienet tittella’ fuq il-pedestall bl-idejn. Din l-istatwa hija l-unika f’Malta li nżammet it-tradizzjoni u baqgħet tittella’ bl-istess mod: b’numru ta’ persuni fuq kull skaluna ta’ struttura mtarrġa, maġemb il-pedestall, li jgħadduha minn id għal id sakemm issib postha fuq il-pedestall, tħares fuq in-nies ta’ taħtha u l-bqijja tal-pjazza.
San Ġiljan, San Ġiljan
Il-festa ta ‘San Ġiljan, il-qaddis patrun tal-lokalità li ġġib ismu, issir fl-aħħar Ħadd t’Awwissu. Dan huwa l-qaddis protettur tal-kaċċaturi. Ftit nies jafu għalfejn il-murtali li jagħmlu ħsejjes ta’ sparar li jintużaw fis-salut jissejjħu musketterija. Dan għalhiex, fi żmien il-Kavallieri, flok murtali kienu jintużaw numru ta’ xkubetti li jiġu sparati f’daqqa. Din il-festa għadha sal-lum tgħaqqad dawn iż-żewġ tradizzjonijiet flimkien; dik tal-festi u dik tal-kaċċa.
Meta l-istatwa ta’ San Ġiljan toħroġ mill-Knisja għall-purċissjoni, numru kaċċaturi jkunu diġa miġburin fuq il-bejt tal-Knisja. Bħala salut, simbolu ta’ merħba lejn din l-istatwa, huma jisparaw numru ta’ skrataċ in bjank minn hawn, minflok li tirħaraq musketterija jew murtali bħal ma jsir f’lokalitajiet oħra.
Din l-attività ilha tiġa kkoordinata mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti għal dawn l-aħħar 40 sena. It-tradizzjoni kienu reġgħu bdewha fis-sena 1983 Aldo Azzopardi u Ninu Dalli, żewġ persuni mill-lokalità, illum deċeduti.
San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa
Il-villaġġ ta’ Birżebbuġa huwa raħal magħruf għall-port u l-baħar tiegħu. Dan ir-raħal jorganizza il-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, avveniment li jsir l-ewwel Ħadd t’Awwissu. Ir-raħal irnexxielu jgħaqqad din il-festa flimien mal-karattestiċi tipiċi tal-lokalità, għal tradizzjoni li ma ssir imkien aktar madwar Malta.
Din it-tradizzjoni kienet bdiet lura fis-sena 1974.
Hawnhekk, vara ta’ San Pietru tiġi mgħobbija fuq dgħajsa, u din titwassal mill-Bajja ta’ San Ġorġ għal Pretty Bay. Tul il-vjaġġ, dan ikun segwit minn numru ta’ dgħajjes oħra, kif ukoll folla ta’ nies li tkun miexja miegħu tul il-kosta.
Normalment, ikun hemm madwar 40 dgħajsa li tkun qed tipparteċipa f’din il-purċissjoni navali wara l-istatwa. Fuqhom ikun hemm ukoll banda, li ddoqq marċi brijjużi waqt li l-istatwa tkun qed taqsam minn naħa għall-oħra tax-xatt tal-villaġġ.
Meta din l-istatwa tasal fuq l-art, hi tittieħed dawra mat-toroq ta’ Birżebbuġa, sakemm tirritorna lura fil-bajja, u tibqa’ hemm sa tmiem il-festa il-Ħadd filgħaxija.
Il-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
Fil-ġimgħa tat-tieni Ħadd ta’ Settembru, fin-nofsinhar ta’ Malta tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Għal min ma jafx, din hija l-qaddisa protettura taċ-ċiklisti.
Jum il-festa, eluf ta’ ċiklisti u nies bil-muturi jiltaqgħu f’żewġ postijiet fit-tramuntana ta’ Malta; iċ-ċiklisti ir-Rabat u tal-muturi il-Mosta, għal tradizzjoni li taf l-għeruq tagħha 72 sena ilu. Dawn isuqu wara pittura enomi tal-qaddisa li tkun qiegħda fuq trakk.
Iċ-ċiklisti jkunu ltaqgħu kmieni, fis-7 a.m, f’Ħaż-Żabbar, fejn jgħabbu r-roti tagħhom fuq trakkijiet apposta, u jkun hemm numru ta’ xarabankijiet li jwassluhom fuq il-post.
Mat-tluq, iċ-ċiklisti jgħaddu mis-Saqqajja, H’Attard, Hal Lija, Hal Balzan, Birkirkara, Santa Venera, Fleur-de-Lys, Ħamrun, Hal Qormi, il-Marsa, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u l-Fgura.
Minn naħa l-oħra, tal-muturi jgħaddu minn Triq il-Kostituzzjoni, Birkirkara, Triq Reġjonali, San Ġiljan, Spinola, Ta’ Sliema, il-Gżira, l-Imsida, il-Furjana, il-Belt Valletta, il-Marsa, Raħal Ġdid, l-Isla, Bormla u l-Fgura.
Fl-aħħar, dawn jieqfu quddiem is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, quddiem folla numeruża ta’ nies li jkunu qed jistennew il-wasla tagħhom u tal-pittura.
L-idea għal din it-tradizzjoni ġejja minn tradizzjoni Taljana li kienu esperjenzaw żewġ soċji tal-MUSEUM meta dawn kienu fil-pajjiż. Huma bdewha f’Malta lura fis-sena 1951, fejn kienet miftuħa biss għall-muturi iżda, fl-1955, din ġiet estiża wkoll għar-roti.
Santa Marija, l-Imġarr
Huwa fatt magħruf li l-Knisja tagħmel ammont sostanzjali ta’ flus minn offerti ta’ nies li lesti jħallsu somom kbar sabiex ikunu huma li jintgħażlu biex jerfgħu l-istatwa tal-patrun jew patruna. Madankollu, l-Imġarr din issir bl-aktar mod apert u trasparenti; permezz t’irkant pubbliku fir-raħal.
Din it-tradizzjoni tmur lura aktar minn 100 sena, meta r-residenti xtaqu statwa tal-Madonna iżda l-Kappillan saħaq li ma kienx hemm fondi. Din tħallset kważi kollha minn tmien benefatturi, li ġarrewha huma. Is-sena ta’ wara, kien baqa’ ammont dovut, u b’hekk grupp ieħor ġabar il-flus u ġarrew l-istatwa huma.
Minn hemm twieldet tradizzjoni li ilha għaddejja sal-lum il-ġurnata, għalkemm l-ammonti li qed jinġabru qed isiru aktar u aktar astronomiċi. Fl-2022, inġabret is-somma inkredibbli ta’ €46,000. Il-Kappillan stqarr kif din is-somma se tkun qed tintuża mill-Knisja għal proġetti fil-komunità, kif ukoll għall-karità.