Ħal Luqa jiċċelebra lil Sant’Andrija; kollox doppju għal-Luqin
Il-gazzetta ILLUM tiċċelebra mal-Luqin il-festa ta’ Sant Andrija. X’inhuma l-karatteristiċi ta’ din il-festa? X’għamlu ġdid il-Luqin?
Bħal kull sena l-ewwel Ħadd ta’ Lulju jkun ippakkjat bil-festi. B’kollox ilbieraħ ġew iċċelebrati seba’ festi. Il-gazzetta ILLUM għażlet lil Ħal Luqa biex miegħu tiċċelebra l-festa ta’ Sant’Andrija.
Il-gazzetta ILLUM niżlet Ħal Luqa biex mal-Luqin tesplora l-karatteristiċi li jagħtu identità lil din il-festa, filwaqt li rat b’għajnejha l-armar rikk u sabiħ li jżejjen it-toroq prinċipali ta’ dan ir-raħal.
Mill-armar san-nar… f’Ħal Luqa kollox doppju
Normalment, kull festa, anke fejn hemm każin tal-banda, l-armar li jżejjen it-toroq matul il-ġranet tal-festa, ikun f’idejn Kumitat jew għaqda li xogħolha jkun li torganizza l-festi esterni.
Għall-kuntrarju, f’Ħal Luqa, l-armar huwa f’idejn iż-żewġ baned li bih huwa mżejjen dan ir-raħal sabiħ u antik, jiġifieri l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija u s-Soċjetà Filarmonika ‘l-Unjoni.’
Fil-fatt, iż-żewġ baned għandhom it-toroq li jieħdu ħsieb li jarmaw huma.
Apparti minn hekk, iż-żewġ baned għandhom ukoll il-kamra tan-nar tagħhom.
Kif wieħed jistenna, ir-rivalità bejn il-partitarji taż-żewġ għaqdiet mużikali ma tonqosx, iżda bejn il-baned teżisti koperazzjoni, tant li fil-ġranet tal-festa jalternaw il-marċi bejniethom.
Pereżempju din is-sena kien imiss lill-Banda Sant’Andrija biex tilqa’ lill-vara ta’ Sant’Andrija fil-ħruġ tagħha min-niċċa. Is-sena li ġejja, ikun imiss lill-Banda L-Unjoni biex tiftaħ il-festa esterna.
L-istess jiġri fit-Tieni u fit-Tielet jum tat-Tridu, jiġifieri l-Ħamis u l-Ġimgħa tal-festa. F’dawn il-jumejn, il-Banda Mużikali Sant’Andrija hija magħrufa għall-marċ li tagħmel bl-istatwa ta’ Malta u s-Soċjetà Filarmonika ‘L-Unjoni,’ għall-marċ bl-istatwa ta’ Sant’Andrija.
Bejn iż-żewġ każini jeżisti ftehim biex jalternaw dawn il-jumejn bejniethom.
Permezz ta’ dawn l-arranġamenti, anke jekk maqsuma bejn żewġ baned, il-Luqin jiċċelebraw festa waħda u sabiħa lil Sant’Andrija Appostlu.
Marċi brijużi lejlet il-festa… karatteristika tal-Luqin
Karatteristika oħra tal-festa ta’ Ħal Luqa hija dak li jiġri lejlet il-festa, jiġifieri s-Sibt.
Normalment, f’ħafna mill-festi, lejlet il-festa filgħaxija ma jsirx marċ brijuż, iżda jsir marċ qasir u programm mużikali fuq il-planċier.
Iżda f’Ħal Luqa, isir il-kuntrarju. Lejlet il-festa jieħdu sehem iż-żewġ baned tal-lokal u t-tnejn li huma jorganizzaw żewġ marċi brijużi.
Fil-fatt, bħas-Sib, l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, tagħmel marċ bi statwa ta’ Sant’Andrija, liema statwa din is-sena qed tagħlaq 40 sena minn meta saret. Fit-tmiem tal-marċ tradizzjonali, din l-istatwa tittella’ fuq il-kolonna f’Misraħ il-Knisja quddiem is-sede tal-Għaqda Mużikali.
Mill-banda l-oħra, is-Soċjetà Filarmonika ‘L-Unjoni,’ torganizza marċ brijuż, magħruf mal-Luqin iżda anke mad-dilettanti tal-festa, bħala l-Marċ tal-Anġlu.
Il-marċ tal-anġlu… il-Luqin imiddu jdejhom
Dwar il-marċ tradizzjonali tal-anġlu, tkellimna ma’ Neil Zammit, wieħed mill-voluntiera tas-Soċjetà Filarmonika ‘L-Unjoni,’ li jmidd idejh kull fejn ikun hemm bżonn għall-festa ta’ Sant’Andrija.
L-ewwel nett, Zammit spjegalna kif it-tradizzjoni li f’Ħal Luqa, lejlet il-festa, isir marċ brijuż, tmur lura għaż-żmien meta l-festi kienu jiġu ċċelebrati fuq tlett ijiem, jiġifieri mill-Ġimgħa sal-Ħadd.
Anke jekk illum, f’ħafna lokalitajiet il-marċi brijużi mxew għall-ġranet l-oħra tal-ġimgħa, f’Ħal Luqa nżammet it-tradizzjoni li jsir marċ brijuż lejlet il-festa ta’ Sant’ Andrija.
Lura għall-famuż Marċ tal-Anġlu, ma stajniex ma nitkellmux ma’ Zammit dwar l-aktar ħaġa li tagħmel dan il-marċ tant popolari u mfittex, jiġifieri l-mod kif din l-istatwa tittella’ fuq il-kolonna.
Jekk illum, il-maġġoranza tal-istatwi tal-marċi jittellgħu permezz ta’ lift/winċ li jkun inħadem apposta, dan l-anġlu għadu jittella’ l-antika, jiġifieri fuq l-idejn.
Fil-fatt, quddiem din il-kolonna kbira mhux ħażin, jintrama taraġ mill-pjazza sal-quċċata tagħha. Dan it-taraġ jimtela bil-partitarji li jgħaddu din l-istatwa minn id għall-oħra sakemm mill-pjazza, l-anġlu jsib postu fuq nett tal-kolonna.
Zammit spjegalna kif din hija tradizzjoni li tmur lura għall-1885, jiġifieri dik is-sena li fiha Karlu Darmanin ħadem dan l-anġlu.
Mistoqsi jekk hux kulħadd jista’ jaqbad u jitla’ fuq dan it-taraġ, Zammit spjegalna kif il-partitarji, jekk jaħsbu kmieni, ikunu jistgħu jitilgħu fuq dan it-taraġ u jgħinu fit-tlugħ tal-anġlu, anke jekk dejjem ikun hemm dawk l-erbat irġiel li jkunu jafu eżatt kif għandu jittella’ dan l-anġlu biex ma ssirx ħsara.
Interessanti wkoll, kompla jispjegalna Zammit, kif f’dan l-anġlu ġieli ntrama meta f’Ħal Luqa kienet tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura.
Tal-Unjoni jippreparaw biex jiċċelebraw il-140 anniversarju
Ma’ Neil Zammit tkellimna wkoll dwar dak li ppreparat is-Soċjetà Filarmonika ‘L-Unjoni.’
Wara li fl-aħħar snin, din is-Soċjetà ħadmet fuq armar ġdid, fosthom statwa tal-martirju ta’ Sant’Andrija, kopja tal-kwadru titulari li jinsab fil-knisja, din is-sena ħadet ħsieb tagħmel xi xogħlijiet ta’ restawr fuq il-planċier tal-banda.
Dan ix-xogħol ta’ restawr, kompla jispjegalna Zammit, sar hekk kif din is-sena, is- Soċjetà Filarmonika qed tiċċelebra l-50 anniversarju minn meta kien sar xogħol ta’ rinovazzjoni fuq l-istess planċier.
Iżda l-armar ġdid mhux se jonqos. Fil-fatt, din is-Soċjetà Filarmonika, matul is-sena d-dieħla se tkun qed tiċċelebra l-140 anniversarju mit-twaqqif tagħha u biex tiċċelebra dan l-anniversarju se tkun qed tniedi proġett ta’ armar ġdid.
Mistoqsi dwar dan il-proġett, Zammit ma tantx żvela dettalji, iżda qal biss li se jkun jinkludi armar ġdid li jkomplu jżejjen il-pjazza sabiħa ta’ Ħal Luqa.
Il-Banda Sant’Andrija tiffoka fuq l-estensjoni tal-każin
L-ILLUM tkellmet ukoll mal-President tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija Charles Attard li spjega kif aktar milli fuq l-armar, din is-sena ffukaw aktar fuq l-estensjoni tal-każin tal-banda.
Fil-fatt, spjegalna kif it-tir tal-Għaqda Mużikali huwa li jitlesta minn kollox is-sular ta’ isfel bl-għan li jkun jista’ jitgawda mill-partitarji.
Jekk armar ġdid ma sarx, ma jfissirx li l-voluntiera baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom. Attard spjegalna kif sar xogħol ta’ restawr fuq armar antik.
“Għandna l-fortuna li dan ix-xogħol isir kollu min-nies tagħna, kemm l-irħamar u anke l-induratura,” spjegalna l-President.
Fakkar ukoll kif l-Għaqda Mużikali għandha diversi proġetti ppjanati għall-futur anke bis-saħħa ta’ fondi tal-Gvern li bbenefikat minnhom.
Fi kliem Attard, dan kollu bl-għan li jgawdu s-sezzjonijiet kollha tal-każin, kemm iż-żgħażagħ, tan-nar, tal-armar u fuq kollox l-istudenti li jitgħallmu jdoqqu l-istrumenti f’dan il-każin.
Min hu Sant’Andrija?
Sant’Andrija kien sajjied u skont l-Iskrittura huwa ħu San Pietru.
Indrì kien dixxiplu ta’ San Ġwann Battista tant li kien l-istess Battista li meta kien qed jgħammed u ra lil Ġesù dahar fuq Indrì u sħabu u qalilhom: ‘Hekk hu l-Ħaruf t’Alla.’
Indrì mar fuq Ġesù u meta staqsieh fejn kien joqgħod, dan wieġbu: ‘Ejja, u ara.’ Minn dakinhar, Indrì sar dixxiplu ta’ Ġesù.
Kien l-istess Indrì, li skont l-iskrittura laqqa’ lil ħuh Xmun ma’ Ġesù.
L-iskrittura tkompli tgħidilna kif darba Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: ”Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin. Marru, u minn dakinhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.
Wieħed mill-aktar mirakli magħrufa ta’ Ġesù kien meta kattar il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet biex jitma lid-dixxipli. Kien Indrì, li skont l-Iskrittura qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu l-ħobż u l-ħut.
Skont it-tradizzjoni, wara li l-Appostli rċevew l-Ispirtu s-Santu, Indrì mar jipprietka l-Vanġelu fil-Ġreċja, fit-Turkija u x’aktarx anke fil-Polonja u r-Russja.
Huwa sofra l-martirju fil-Belt ta’ Patras fl-Achaia fil-Greċja. Huwa ġie marbut ma’ salib forma ta’ X, bl-għan li jdum aktar biex imut. Skont it-tradizzjoni, Indrì dam tlett ijiem imsallab u jippriedka qabel ma’ miet.
X’nafu dwar il-vara ta’ Sant’Andrija?
Il-vara ta’ Sant’Andrija hija mnaqqxa fl-injam u hija xogħol l-artist Giuseppe Scolaro. Din saret fl-1779.
Bejn l-1820 u l-1824 sar pedistall ġdid għal din il-vara, liema pedistall ġie indurat fl-1913.
Fuq il-vara saru diversi xogħlijiet ta’ restawr, l-aktar wieħed famuż huwa dak tal-1913 meta l-vara kienet irrestawrata mill-artist Bormliż Abraham Gatt, apparti li saritilha wkoll l-induratura.
Fl-istess sena nħadmu bradella u bankun, xogħol Luqa Grixti fuq disinn ta’ Abraham Gatt li fih jidhru t-12-il appostlu.