Il-kwadru titulari ta' Santa Elena se jerġa' jimla lill-Bażilika Elenjana
Illejla se jiġi inawgurat ix-xogħol ta' konservazzjoni u restawr li sar fuq il-kwadru titulari ta' Santa Elena, xogħol Francesco Zahra
Illejla, fil-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Santa Elena f’Birkirkara se jkun qed jiġi inawgurat ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr li sar fuq il-kwadru titulari imponenti ta’ din il-knisja.
Il-kwadru, xogħol Francesco Zahra u li pittru fl-1763 juri l-mument li fih l-Imperatriċi Elena sabet is-Salib ta’ Kristu.
Ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni sar mill-Kumpanija Atelier del Restauro u kien jinkludi wkoll restawr fuq il-gwarniċ barokk li jdawwar din il-pittura importanti.
Il-pittura hija kbira 370 ċentimetru b’550 ċentimetru.
Meta Salvu Psaila ġie biex jaħdem il-vara maestuża ta’ Santa Elena, li sal-lum għadha ssaħħar lil kull min iħares lejha, ħa l-ispirazzjoni tiegħu minn dan il-kwadru.
Ix-xogħol ta’ restawr kien jinkludi t-tneħħija ta’ trab li nġema’ maż-żmien, tniġġis mix-xemgħat u anke interventi oħra li saru matul is-snin u li għattew il-kuluri sbieħ li uża Zahra.
It-tiela tpoġġiet fuq frame ġdid magħmul apposta skont il-prinċipji moderni tal-konservazzjoni bil-għan li maż-żmien, meta minħabba l-arja jkun hemm xi ċaqliq, ma ssirx ħsara lill-pittura nnifisha.
Intant, illejla din iċ-ċerimonja se tibda fis-7:30 u se tinkludi preżentazzjoni dwar dan il-proġett mill-kumpanija Atelier del Restauro u anke diskors dwar l-aspett storiku ta’ din il-pittura.