Il-Pawlisti jiċċelebraw festa doppja... Kristu Re u l-aħbar tal-Bażilika
L-ILLUM iddur it-toroq ta’ Raħal Ġdid li lbieraħ iċċelebraw il-festa ta' Kristu Re
Ilbieraħ Raħal Ġdid qiegħed jiċċelebra l-festa ta’ Kristu Re. Hija waħda mill-ftit festi f’Malta u Għawdex li ma tiċċelebrax qaddis jew inkella l-Madonna, iżda lil Kristu nnifsu u dan, għall-Pawlisti, huwa unur kbir.
Fl-aħħar snin din il-festa kibret ħafna u tista’ tgħid li llum saret waħda mill-aktar festi mfittxija. Il-gazzetta ILLUM tinżel Raħal Ġdid biex tara b’għajnejha dak li l-Pawlisti ħejjew ġdid għal din is-sena.
Il-festa għall-Pawlisti tibda b’aħbar li niżlitilhom għasel
B’mod uffiċjali, il-festa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid bdiet nhar it-Tnejn li għadda, bil-ħruġ solenni tal-vara maestuża min-niċċa.
Iżda din is-sena, il-Pawlisti bdew jiċċelebraw minn qabel, hekk kif fil-bidu taż-żjara pastorali tiegħu lil din il-komunità parrokjali, l-Arċisqof ħabbar li se jkun qed jibda l-proċess biex din il-knisja, l-akbar waħda f’Malta u Għawdex, tingħata t-titlu ta’ Bażilika Minuri.
Kienet aħbar li niżlet tajjeb immens mal-kongregazzjoni li ppakkjat din il-knisja hekk kif infexxet f’ċapċipa u għajjat.
Il-proċess jirrikjedi li jkun imħejji rapport, liema rapport imbagħad jintbagħat il-Vatikan fejn ikun ipproċessat u finalment jinħareġ id-digriet li jgħolli l-knisja għad-dinjità ta’ Bażilika.
Knisja għaliex tingħata dan it-titlu?
It-titlu ta’ Bażilika, ġeneralment jingħata lil knisja minħabba raġunijiet arkitettoniċi, storiċi u ta’ daqs.
Bil-Latin, il-kelma Bażilika tfisser ‘dar irjali,’ jew inkella ‘d-sar tas-sultan’ u allura wieħed jista’ jifhem għaliex din il-Knisja, fil-qalba ta’ dan ir-raħal, se tkun qed tingħata dan it-titlu.
Mhijiex biss knisja kbira fid-daqs, iżda hija wkoll iddedikata lil Kristu Re u għalhekk dan it-titlu jixraqilha u joqgħod perfett.
Iżda l-Pawlisti ilhom jippreparaw għal dan it-titlu...
Fost l-insinji li jissimbolizzaw li Knisja ġġorr it-titlu ta’ Bażilika nsibu l-Umbrellun Bażilikali (umbrella kbira bi strixxi sofor u ħomor) u anke t-tintinnabulum (qanpiena li tinġarr fil-purċissjonijiet flimkien mal-umbrellun).
Iżda apparti minn hekk, ħafna mill-knejjes li għandhom dan it-titlu, ikollhom it-tribuna li tgħatti l-artal maġġur tal-knisja.
Fl-erba’ bażiliċi Maġġuri wieħed isib din it-tribuna u f’Malta tinstab fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt, fis-Santwarju Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex u anke fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu.
F’Raħal Ġdid, fl-aħħar xhur, beda l-proċess biex fuq l-artal maġġur issir din it-tribuna wkoll, iżda dan ma kienx proġett li ħolmu l-Pawlisti tal-lum.
Fil-fatt, 65 sena ilu, meta nbena l-artal, kien hemm il-pjan li ssir tribuna, tant li d-disinn li fuqu qed tinħadem it-tribuna bħalissa huwa dak oriġinali ta’ Romeo Ceccotti.
Sal-1999, il-purċissjoni tal-festa ma kinitx issir bi statwa...
Il-purċissjoni bl-istatwa bħala l-qofol tal-festa f’Raħal Ġdid hija pjuttost waħda riċenti.
Fil-fatt, qabel l-1999, il-purċissjoni tal-festa ta’ Raħal Ġdid ma kinitx issir bi statwa iżda bis-Sagrament, jiġifieri kienet purċissjoni Ewkaristika, kif kien jiġri wkoll fil-Marsa qabel ma saret il-vara tat-Trinità Qaddisa.
L-istatwa ta’ Kristu Re saret fl-1998 u tħallset mis-Soċjetà Filarmonika G.M. Fra. Antoine De Paule, Banda Kristu Re.
Għalkemm din kienet saret għall-Knisja Parrokjali, il-Kappillan ta’ dak iż-żmien kien ikkummissjona vara oħra għand l-artist Ġanni Bonnici, liema vara nħadmet l-Italja u ġiet magħżula bħala l-vara titulari.
Iżda għalkemm għadda ż-żmien, din il-vara ma tantx kienet daħlet fis-sentiment tal-poplu, anke għax kienet tippreżenta lil Kristu Re mhux kif imdorrija bih fl-ikonografiija Nisranija.
Intant, fl-2016, l-Arċisqof Charles Scicluna aċċetta li l-istatwa li l-Każin De Paule ħadem fl-1998 u li baqgħet tinżamm fis-sede tal-istess soċjetà mużikali, issir il-vara titulari.
Apparti minn hekk, fl-istess żmien, il-Kurja aċċettat li l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan, li qabel ma kinitx rikonoxxuta bħala banda, tkun tista’ tieħu sehem fil-festa ta’ Raħal Ġdid.
X’nafu dwar il-vara ta’ Kristu Re?
L-istatwa ta’ Kristu Re tnaqqxet fl-injam fl-1998 mill-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi.
Il-vara hija mżejna b’induratura mill-ifjen ta’ Horace Farrugia, magħruf bħala Horace tal-Imdina.
Kristu Re huwa liebes l-abjad u l-aħmar, il-kuluri li fi kliem l-artist jidhru ħierġa mill-qalb tal-Ħniena Divina.
L-induratura hija mimlija simboli tal-Ewkaristija, fosthom l-ostji u l-għeneb u anke l-qaqoċċ, simbolu tal-Knisja magħquda.
Il-kuruna li titpoġġa fuq ras Kristu Re fiha xejn inqas minn 60 anġlu.
Festa li kibret ħafna bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera
Huwa sigriet magħruf li l-festa ta’ Raħal Ġdid, fl-aħħar snin kibret b’ritmu mgħaġġel ħafna.
Iċ-ċelebrazzjonijiet fil-Knisja jsiru bl-aktar mod solenni u t-toroq huma ppakkjati bl-armar u l-briju ma jonqosx.
Biex ittella’ festa kbira bħal din, bla dubju ta’ xejn trid ħafna voluntiera u entitajiet li jaħdmu u jikkollaboraw flimkien.
F’Raħal Ġdid dan jidher ċar ħafna. L-organizzatur ewlieni tal-festa u anke tal-armar fit-toroq hija l-Kummissjoni Festa, li taħtha taqa’ l-organizzazzjoni kollha tal-festa esterna u anke l-armar.
Il-Kummissjoni, taħdem id f’id maż-żewġ baned li din il-festa hi mżejna bihom, jiġifieri s-Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antonie De Paule, Banda Kristu Re u anke l-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan, Banda Paola.
Fil-fatt, l-armar li jiksi t-toroq ta’ Raħal Ġdid f’dawn il-jiem huwa tal-Kummissjoni Festa, partijiet minnu huwa tas-Soċjetà Filarmonika de Paule u armar ieħor tal-Għaqda Kristu Sultan.
Ħafna armar ġdid u ħafna proġeti mexjin
Il-gazzetta ILLUM tkellmet kemm mal-Kummissjoni Festa u anke maż-żewġ baned dwar l-armar ġdid li ħadmu fuqu din is-sena biex iżejjen it-toroq tar-Raħal Ġdid.
Tkellimna mal-Kappillan, il-Kanonku Dun Mark Andrè Camilleri, li jmexxi wkoll il-Kummissjoni Festa. Spjega kif din il-Kummissjoni tieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-festa, anke l-programm tal-festi esterni li jiġu ċċelebrati tul sena sħiħa.
Din il-Kummissjoni għandha wkoll l-armar tagħha u l-għaqdiet mużikali jieħdu l-permess minn għandha meta jkunu se jaħdmu fuq proġett ġdid tal-armar, biex hekk kollox ikun ikkordinat.
Il-Kappillan spjega magħna kif matul l-aħħar sena, il-voluntiera tal-Kummissjoni ħadmu fuq diversi proġetti, fosthom fuq ix-xogħol ta’ kolonna ġdida għall-istatwa ta’ Kristu Saċerdot.
Fost oħrajn, Dun Mark Andrè semma wkoll ix-xogħol li sar fuq sett pavaljuni ġodda għal Triq Ħaż-Żabbar, Pavaljuni ġodda għal Triq Ħal Tarxien u sett bandalori ġodda għall-pjazza quddiem il-Knisja.
X’għamlu l-ġdid tad-De Paule?
L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Jason Silvio li huwa responsabbli mill-armar tas-Soċjetà Filarmonika de Paule.
Silvio saħaq li l-aktar ħaġa għal qalbhom din is-sena hija t-tlestija tal-kolonna tal-istatwa li tirrappreżenta l-fidi, proġett li kien ilu għaddej sitt snin sħaħ.
Tkompla wkoll ix-xogħol fuq il-planċier tal-banda, proġett li wkoll ilu għaddej diversi snin u dan għax proġett bħal dan jirrikjedi ħafna xogħol u fondi.
Apparti minn hekk, kompla jispjega Silvio, saru sett bandalori ġodda għal Ġnien Lorry Sant, sett bandalori għan-naħa ta’ fuq tal-pjazza u tkompla x-xogħol fuq l-iskultura tal-kolonna tal-Qalb ta’ Ġesu, li tintrama quddiem il-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska u anke l-iskultura tal-kolonni tal-profeti fi Ġnien Lorry Sant.
L-Għaqda Mużikali Kristu Sultan se tagħlaq 30 sena...
Tkellimna wkoll ma’ Jason Caruana, il-persuna responsabbli mill-armar tal-Għaqda Soċjali u Mużikali Kristu Sultan, li spjega magħna kif din is-sena qed tiżżanżan bandiera ġdida li se titla’ tperper ma’ arblu ġdid fjamant fuq is-seda tal-istess Għaqda.
Caruana spjega wkoll kif il-voluntiera komplew jaħdmu fuq il-proġett ta’ pavaljuni għal Triq Ġużè D’Amato.
Iżda apparti l-festa ta’ din is-sena, l-Għaqda Kristu Sultan bdiet tħares ’il quddiem, għall-anniversarju li se jkun iċċelebrat is-sena d-dieħla, meta din l-Għaqda se tfakkar it-30 sena mit-twaqqif tagħha.
Għal dan l-anniversarju, l-Għaqda Kristu Sultan se tkun qed tibda proċess biex jinbidlu l-pilandri tal-ġnub tal-knisja. Minflokhom se jkunu qed jinħadmu sett anġli li jżommu l-gastri f’idejhom.
Il-knisja meta bdiet tiċċelebra l-festa ta’ Kristu Re?
Magħrufa wkoll bħala s-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu, din il-festa twaqqfet mill-Papa Piju XI fl-1925.
Oriġinarjament din il-festa kienet tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru iżda fi żmien il-Papa Pawlu VI, din bdiet tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-sena, jiġifieri Ħadd qabel jibda l-Avvent.
Dan ifisser li din is-Solennità tagħlaq is-Sena Liturġika tal-Knisja u għalhekk taħbat dejjem bejn l-20 u s-26 ta’ Novembru.