Il-Birgu mifqugħ bid-drapp jiċċelebra lil San Duminku
L-ILLUM tiċċelebra l-festa mad-Dumnikani tal-Birgu u tinżel fit-toroq armati sa snienhom bi drapp mill-isbaħ kif jafu jagħmlu biss il-Ġirbin
L-aħħar Ħadd ta’ Awwissu kien ippakkjat bil-festi, il-gazzetta ILLUM għażlet li tiċċelebra mal-Ġirbin il-festa ta’ San Duminku.
Iż-żewġ festi tal-Birgu, dik ta’ San Lawrenz u anke ta’ San Duminku huma festi msemmija għall-armar, partikolarment fejn jidħol id-drapp. Għalhekk, l-ILLUM niżlet fit-toroq tal-Belt Vittoriosa biex tara l-armar ġdid li ħejjew id-Dumnikani Ġirbin.
Bħal kull festa li rajna u li għad irridu naraw matul dan l-istaġun, il-festa ta’ San Duminku fil-Birgu għandha wkoll il-karatteristiċi tagħha. Kif tagħmel dejjem, l-ILLUM se tiftaħ dan l-artiklu billi tesplora dak li jagħti identità lil din il-festa.
Il-marċ tal-opri l-ġodda
Il-maġġoranza assoluta tal-festi li jiġu ċċelebrati f’Malta u Għawdex jiftħu uffiċjalment bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Iżda l-festa ta’ San Duminku tibda xorta oħra.
Għalkemm ħruġ min-niċċa ma jsirx, il-Ħadd ta’ qabel il-festa ssir quddiesa għaż-żgħażagħ u t-tfal u wara ssir manifestazzjoni bl-istatwa żgħira ta’ San Duminku merfugħa mit-tfal Dumnikani Ġirbin.
Interessanti li matul din il-manifestazzjoni mill-Knisja tal-Lunzjata sal-każin tal-Banda Prince of Wales, jiġu inawgurati diversi opri ġodda li jkunu saru matul is-sena.
Pavaljuni, bandalori u statwi jinkixfu ftit ftit malli l-vara ż-żgħira ta’ San Duminku tasal quddiemhom, biex hekk, fi triq waħda, id-Dumnikani Ġirbin ikunu jistgħu jammiraw l-armar il-ġdid, frott il-ħidma u s-sagrifiċċji ta’ diversi voluntiera.
Il-Pirjol tad-Dumnikani jakkumpanja din il-manifestazzjoni u jbierek dan l-armar.
Briju fit-triq kemm trid, iżda skiet u ġabra fil-knisja
Min iżur il-festa ta’ San Duminku fil-Birgu, jinnota l-kuntrast li jinħoloq malli l-vara ta’ San Duminku tidħol lura fil-knisja.
Il-mumenti ta’ qabel id-dħul tal-vara ta’ San Duminku huma brijużi u sbieħ ħafna.
Il-vara ta’ San Duminku titgħolla fuq l-idejn waqt li d-Dumnikani jkantaw “Xandar tal-Mulej,” u jċapċpu mal-innu marċ u innijiet oħra Dumnikani.
Iżda malli l-vara ta’ San Duminku tixref lura fil-bieb tal-knisja, għall-kuntrarju ta’ dak li jsir f’festi oħra, iċ-ċapċip u l-għajjat jiskot minnufih.
Huwa mument ta’ ġabra, fejn kulħadd jassisti għall-kant tal-antifona “Pie Pater,” waqt li l-vara tiddaħħal lura bil-mod sa postha fil-korsija.
Id-Dumnikani Ġirbin jgħożżu ħafna dan il-mument. Partitarji u anke patrijiet jidhru jispjegaw lil dawk li jidħlu fil-knisja u li forsi mhumiex familjari ma’ din it-tradizzjoni, biex ma jċapċpux.
Mhux l-ewwel darba li s-skiet jinkiser xi ftit b’ċapċipa meta San Duminku jsib ruħu mill-ġdid fuq il-bankun u jiddaħħal lura taħt in-nava.
Iżda l-festa ma tiqafx mad-dħul tal-vara
Jekk fil-Knisja d-Dumnikani ma jċapċpux, ma jfissirx li spiċċa kollox. Ikun għad fadal marċ li bħalu jsir biss f’xi ftit lokalitajiet oħra.
Fil-fatt, wara li l-funzjonijiet fil-knisja jkunu ntemmew bil-Barka Sagramentali, jibda marċ minn ħdejn id-daħla tal-Birgu, fejn titniżżel l-istatwa ta’ San Duminku minn fuq il-kolonna tagħha, liema statwa tittella’ wara l-marċ brijuż tal-aħħar tat-tridu.
L-istatwa ta’ San Duminku fil-Glorja titwassal mill-kolonna sal-kunvent tal-Patrijiet Dumnikani, fejn tiddaħħal lura fost iċ-ċapċip u l-briju tad-Dumnikani li flimkien jingħaqdu biex itemmu l-festa.
Il-famuża boma tal-Ġirbin...
Min hu midħla tal-festi fil-Birgu, jaf ukoll li l-Ġirbin għandhom il-metodu tagħhom kif itellgħu fuq il-kolonna l-istatwi tal-patruni tagħhom.
Fil-fatt, kemm fil-festa ta’ San Lawrenz u anke fil-festa ta’ San Duminku tintuża dik magħrufa bħala l-boma.
Għal min hu midħla tat-tbaħħir, il-boma huwa dak l-arblu twil mimdud li wieħed isib fuq il-jottijiet u li jżomm id-drapp tal-qala’ stirat ’l isfel u fit-tul. Fl-imgħoddi, il-boma kienet tintuża wkoll biex titniżżel il-merkanzija minn fuq ix-xwieni.
Fil-Birgu, din il-famuża boma, tintuża biex jittellgħu l-istatwi ta’ San Lawrenz tad-Dawl lill-Għomja u anke ta’ San Duminku fil-Glorja fuq il-kolonna tagħhom.
Il-boma tixbah ħafna arblu, ħiereġ il-barra, li jintrabat mas-sur tal-Kavallier ta’ San Ġwann. Dan ikun miżmum bi ħbula stirati fuq kull ġenb u anke minn fuq.
Dan ifisser li rġiel b’saħħithom iridu jiġbdu b’idejhom il-ħabel biex l-istatwa tkun tista’ tittella’ ’l fuq filwaqt li rġiel oħra jkunu lesti fil-ġenb biex jiġbdu l-ħabel sabiex iddur il-boma u l-istatwa titwassal sa fuq il-kolonna.
Imma l-Knisja għaliex iddedikata lil-Lunzjata?
Ħafna jibqgħu skantati għax il-knisja tad-Dumnikani fil-Birgu hija ddedikata lil-Lunzjata (it-tħabbira tal-Anġlu Gabrijel lill-Madonna) u mhux lil San Duminku.
Iżda t-tweġiba hija waħda u sempliċi. Kien San Duminku stess li meta waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, illum magħrufa wkoll bħala Dumnikani, xtaq li l-knejjes kollha li jmexxu u li jieħdu ħsieb ikunu ddedikati lill-Madonna.
Kulħadd jaf kemm San Duminku kien devot tal-Madonna u r-rabta tiegħu mat-talba tar-Rużarju.
Id-Dumnikani dejjem żammew max-xewqa tal-fundatur tagħhom. Jekk nieħdu ftit eżempji f’Malta, il-knisja tad-Dumnikani fil-Belt Valletta hija ddedikata lill-Madonna tal-Porto Salvo, dik ta’ Gwardamangia lill-Madonna ta’ Fatima u tar-Rabat lill-Verġni Marija tas-Silġ.
X’nafu dwar il-vara ta’ San Duminku?
Il-vara ta’ San Duminku nħadmet fil-kartapesta minn Michael Camilleri Cauchi fl-1986.
San Duminku jistrieħ fuq pedistall tal-fidda, xogħol mill-isbaħ li sar mid-ditta Ghezzi ta’ Milan.
Il-pedistall jistrieħ fuq erba’ skrolli li jgħolluh ’il fuq mill-bradella.
Il-bankun u l-bradella interzjati huma wkoll xogħol mill-isbaħ u tinkludi wkoll makkinarju biex il-bradella togħla mill-bankun mingħajr il-bżonn ta’ ħafna sforzi biex jidħlu l-bsaten.
Il-bankun u l-bradella fihom diversi tipi ta’ injam, fosthom kewba, ebbanu, ġewż, iroko, bux u injam tal-aħmar fuq wara u ġewwa.
Din il-vara toħroġ darbtejn f’sena, fil-festa fl-aħħar Ħadd ta’ Awwissu u anke fil-purċissjoni bil-vara tal-Madonna tar-Rużarju f’Ottubru.
F’Ottubru, San Duminku jitpoġġa fuq pedistall tal-injam li jikkumplimenta dak tal-Madonna.
‘Il-murtali tagħna huma l-armar u d-drapp’
Kif nagħmlu nhar ta’ Ħadd, tkellimna wkoll ma’ dawk involuti fl-organizzazzjoni tal-festa. Tkellimna ma’ Paul Farrugia, is-Segretarju tal-Kumitat Festa Esterna ta’ San Duminku, liema kumitat jaqa’ taħt il-Komunità tal-Patrijiet Dumnikani li hija l-organizzatur ewlieni tal-festa.
Il-festa ta’ San Duminku hija magħrufa ħafna għall-armar tad-drapp, b’Paul Farrugia jiftaħar magħna bil-fatt li l-ewwel pavaljuni tad-drapp f’Malta saru mid-Dumnikani Ġirbin.
Kull sena, id-Dumnikani jżanżu ħafna armar ġdid. Fi kliem Farrugia, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ spazju, ma tantx jistgħu jinvestu fin-nar, għalhekk ħafna mill-enerġija tkun iffukata fuq l-armar.
“Il-murtali tagħna huma l-armar u d-drapp,” qalilna Farrugia.
Fost l-armar li qed ikun imżanżan din is-sena, id-Dumnikani inawguraw statwa ġdida tal-Madonna tar-Rużarju, li r-rabta tagħha ma’ San Duminku u l-Ordni Dumnikana hija inseparabbli.
Din l-istatwa hija xogħol Pawlu Aquilina u se tkun qed tintrama faċċata tan-niċċa ta’ San Duminku fid-daħla tal-Birgu.
Ma setax jonqos li jiġi mżanżan ħafna drapp. Fil-fatt ġew imżanżna sett pavaljuni u bandalori ġodda għal Triq il-Kwartieri, sett pavaljuni għal Triq Bettina u Triq l-Imġarrab u anke pavaljun bil-pittura għal Misraħ ir-Rebħa.
Apparti minn hekk, tkompla x-xogħol fuq il-kolonni tal-pilandri mżanża s-sena li għaddiet għal fuq is-sur, għax apparti d-drapp, il-festa ta’ San Duminku hija mżejna wkoll b’ħafna injam.
Ta’ min isemmi ż-żewġ kolonni kbar, waħda biswit il-każin u l-oħra f’Misraħ ir-Rebħa, fejn din is-sena jaħbat il-140 anniversarju minn meta statwa ta’ San Duminku bdiet tittella’ fuq kolonna fil-pjazza ewlenija tal-Birgu.
‘Il-Banda Prince of Wales tipprepara sitt bandisti’
Ma tistax lanqas tifred il-festa ta’ San Duminku fil-Birgu, mill-Banda Prince of Wales.
Tkellimna ma’ Lauro Abela, il-President, li spjega x-xogħol siewi li twettaq il-banda fil-qasam mużikali.
Minħabba l-fatt li għall-kuntrarju ta’ diversi baned oħra mhijiex involuta fl-armar, in-nar jew l-organizzazzjoni tal-festa, il-Banda Prince of Wales ikollha aktar ċans biex tiffoka l-ħidma tagħha fuq il-mużika.
Fil-fatt, Abela spjega kif preżentament, il-banda qed tgħallem sitt studenti. “Għall-belt żgħira bħall-Birgu, sitt studenti huwa numru tajjeb,” saħaq il-President.
Apparti minn hekk, il-banda tieħu sehem ukoll b’mod attiv fil-festa, l-aktar fil-marċ tal-Ġimgħa, il-marċ tas-Sibt filgħodu u anke l-programm mużikali ta’ lejlet il-festa.
Mistoqsi xi proġetti għandhom għall-futur, il-President fakkar li fl-2021 se jkun iċċelebrat it-tmien ċentinarju mill-mewt ta’ San Duminku.
Għalhekk il-każin qed iwettaq xogħol estensiv fuq is-sala prinċipali tal-każin bl-għan li tkun lesta għal dan iċ-ċentinarju.
Min hu San Duminku?
San Duminku twieled f’Kalaroga fi Spanja fl-1170. Ta’ età żgħira, huwa beda jistudja l-filosofija u t-teoloġija u sar Kanonku tal-Katidral ta’ Osma fejn mar jgħix mal-Kanonċi skont ir-Regola ta’ Santu Wistin. Fl-1201 sar il-Pirjol tal-Kapitlu.
Fis-snin ta’ wara, Duminku kien qed jivvjaġġa mal-Isqof tiegħu fi Franza u ra b’għajnejh il-ħsara li kienu qed jagħmlu l-Albiġiżi li kienu qed ixerdu tagħlim eretiku.
Kien dan li wasslu biex jagħraf li s-sejħa tiegħu kien li jippriedka l-Vanġelu u beda jikkumbatti din l-ereżija. Fl-1215 attenda r-Raba’ Konċilju Lateran f’Ruma.
Kien f’Toulouse li waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi (id-Dumnikani) bl-għan prinċipali tagħhom kien li jippridkaw il-Vanġelu waqt li jgħixu ħajja sempliċi.
Id-Dumnikani malajr inxterdu fi Spanja, fi Franza, fl-Ingilterra, fl-Italja u f’pajjiżi oħra.
San Duminku miet f’Bologna fis-6 t’Awwissu tal-1221.
Għalfejn l-istilla fuq moħħu u l-ġeru ħdejn saqajh?
Kull min iħares lejn kull xbieha ta’ San Duminku se jara stilla fuq rasu u ġeru b’torċa f’ħalqu ħdejn saqajh.
Jingħad, li meta ġiet biex twelled lil Duminku, il-Beata Ġwanna D’Aza, ħolmot b’ġeru bi fjakkola f’ħalqu, idur id-dinja u jdawwal kull fejn jgħaddi.
Ġwanna D’Aza kienet staqsiet abbati ta’ monasteru fuq din il-ħolma u kien ħabbrilha li dak li rat kien xbieha ta’ dak li kellu jwettaq binha meta jikber.
It-tradizzjoni tkompli tgħid ukoll li fil-magħmudija ta’ Duminku, ommu rat stilla tiddi fuq binha.