Jibda x-xogħol fuq l-Ark il-ġdid ta' San Publju
L-Ark se jkun qed jinħadem fuq id-disinn oriġinali ta' Giorgio Cassar
L-Arċipriet tal-Furjana, Dun Charles Cini ħabbar li ġie ordnat l-Ark il-ġdid ta’ San Publju wara li l-Ark oriġinali nqered b’nirien li kienu tqabbdu apposta.
Din l-aħbar, li niżlet għasel mal-Furjana, ħabtet erba' xhur eżatt wara li kien ħa n-nar l-Ark, jiġifieri f’April li għadda.
Fir-ritratt, ippubblikat fuq waħda mill-paġni tal-festa fuq Facebook, jidhru l-voluntiera jiddiskutu mal-mastrudaxxa xi aspetti mill-Ark.
Anke jekk qed jissejjaħ ġdid, l-Ark se jkun qed jinħadem fuq id-disinn oriġinali ta’ Giorgio Cassar.
Il-pjanta tal-istruttura tinkludi l-qisien eżatti tal-Ark.
F’Mejju li għadda, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern Malti se jkun qed jagħti donazzjoni ta’ bejn €20,000 u €50,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti biex ikun jista’ jinħadem mill-ġdid l-ark ta’ San Publju.
Dwar dan il-każ kien ġie arrestat raġel li tressaq il-Qorti.