‘Viva x-Xemx’ ... Għajnsielem jiċċelebra l-festa tal-Madonna ta’ Loreto
Fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru, il-gazzetta ILLUM terġa’ taqsam il-fliegu, tieqaf l-ewwel art u tiċċelebra l-festa tal-Madonna ta’ Loreto
‘Viva x-Xemx.’ Hekk ikanta llejla l-poplu ta’ Għajnsielem malli tfeġġ fil-bieb tal-knisja x-xbieha tal-Madonna ta’ Loreto.
Bla dubju, il-festa ta’ Għajnsielem hija waħda mill-aktar festi mfittxija, mhux biss mal-Għawdxin iżda anke ma’ ħafna dilettanti Maltin.
Għat-tieni darba f’dan l-istaġun tal-festi, il-gazzetta ILLUM qed taqsam il-fliegu biex mal-poplu ta’ Għajnsielem tiċċelebra l-festa tal-Madonna ta’ Loreto.
Kif tagħmel kull nhar ta’ Ħadd, l-ILLUM se tibda billi tesplora l-karatteristiċi ta’ din il-festa u anke titkellem ma’ dawk involuti biex tara x’ħejjew il-voluntiera għall-festa ta’ din is-sena.
Il-famuż marċ ta’ Balzunetta u l-Madonna taqsam il-pjazza
Il-festa tal-Madonna ta’ Loreto hija magħrufa għall-marċi u l-briju li jafu jorganizzaw l-Għajnselmiżi.
Bla dubju, l-aktar marċ popolari u mfittex huwa dak magħruf bħala ta’ Balzunetta, marċ li ħa ismu miż-żona li minnha jgħaddi.
Huwa marċ brijuż, mimli karatteristiċi uniċi li jagħtu identità lil din il-festa, iżda apparti d-dulliegħ mimli xorb li ż-żgħażagħ ikunu ilhom jippreparaw minn filgħodu, l-aktar karatteristika popolari hija l-mod kif l-istatwa tal-Madonna ta’ Loreto tittella’ fuq il-kolonna tagħha ti tmiem il-marċ.
Matul dan l-istaġun rajna kif ħafna festi għandhom il-metodu tagħhom kif itellgħu x-xbieha tal-patrun jew il-patruna fuq il-kolonna jew il-pedistall.
F’Ħal Luqa rajna kif l-anġlu jittella’ fuq l-idejn permezz ta’ taraġ li jintrama apposta quddiem il-kolonna u fil-Birgu rajna l-użu tal-boma.
Iżda x’aktarx li l-metodu użat f’Għajnsielem huwa l-aktar wieħed interessanti.
Malli l-istatwa tal-Madonna ta’ Loreto, miżmuma minn żewġ anġli kbar, tasal fil-misraħ tal-knisja, din tittella’ minnufih fuq it-taraġ għoli tal-knisja.
L-istatwa tintrabat ma’ vent li jaqsam minn mal-faċċata tal-knisja san-naħa l-oħra tal-pjazza.
Fil-fatt, l-istatwa aktar milli tittella’ fuq il-pedistall tagħha (xbieha tad-Dar ta’ Loreto), titwassal għal fuqha minn fuq iz-zuntier tal-knisja billi taqsam il-pjazza, jiġifieri tgħaddi mdendla minn fuq nies.
Hija xena verament sabiħa u tfakkar f’dak li jiċċelebraw l-Għajnselmiżi, jiġifieri t-tradizzjoni li d-Dar li tal-Madonna nġarret mill-anġli sa Loreto fl-Italja.
Kulħadd liebes l-istess!
Hija drawwa ta’ kull kumitat tal-festa f’Malta u Għawdex li għall-ġranet tal-festa joħroġ flokk uffiċjali.
Tradizzjoni sabiħa li turi wkoll sens ta’ komunità, meta fil-festi esterni, kulħadd ikun liebes l-istess flokk, x’aktarx bix-xbieha tal-patrun jew il-patruna u xi taqbila ħelwa fuq wara.
F’Għajnsielem it-tradizzjoni hija ftit differenti. Aktar milli kulħadd liebes l-istess flok, kulħadd ikun liebes mill-istess pezza drapp.
Fil-fatt, kull sena, l-għaqda tal-armar tagħżel drapp partikolari, ġeneralment ikkulurit u l-partitarji kollha jkunu mħeġġa jaqtgħu minn din il-pezza.
Jekk kulħadd jixtri mill-istess drapp, wara kulħadd għal rasu u jagħmel biha li jrid, min xi qmis, minn xi sidrija, minn xi qalziet, minn dublett, minn shorts u anke bands tax-xagħar.
Min jattendi l-Marċ ta’ Balzunetta żgur se jinnota din it-tradizzjoni ħelwa, għax kulħadd ikun liebes l-istess, iżda differenti fl-istess ħin.
L-ajruplani jaqsmu l-pjazza
L-istatwa taqsam il-pjazza u l-famuża pezza drapp, mhumiex l-uniċi żewġ karatteristiċi marbuta mal-Marċ ta’ Balzunetta.
L-Għanjselmiżi huma magħrufa wkoll għall-ajruplani tan-nar.
Waqt li l-istatwa tal-Madonna ta’ Loreto tkun qed taqsam il-pjazza sa fuq il-pedistall tagħha, jiġu sparati dawn l-ajruplani tan-nar, marbuta ma’ vent li jaqsam il-pjazza min-naħa għall-oħra.
Il-miċċa fuq in-naħa ta’ wara tagħti biżżejjed saħħa biex l-ajruplani, f’temp qasir, jaqsmu l-pjazza minn naħa għall-oħra.
Hija tradizzjoni sinifikanti wkoll, għax għal min ma jafx, il-Madonna ta’ Loreto hija l-patruna ta’ dawk li jivvjaġġaw.
Minn Nazaret għal Loreto. Imma kif?
Id-devozzjoni lejn id-dar ta’ Nazaret, id-dar fejn skont it-tradizzjoni seħħet it-tħabbira tal-Anġlu Gabriel lill-Madonna tmur lura għall-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu,
Fis-sena 313, l-Imperatur Kostantinu l-Kbir kien bena knisja madwar din id-dar li kienet saret imkien għall-pellegrinaġġi tal-ewwel Insara. Id-dar kienet saret parti mill-kripta ta’ din il-knisja.
Meta fl-1090 l-Art Imqaddsa kienet intrebħet mis-Seraċeni dawn kissru ħafna mis-santwarji u l-imkejjen għeżież għall-Insara, fosthom il-Bażililka ta’ Nazaret, anke jekk id-dar ta’ Nazaret baqgħet sħiħa.
Bażilika oħra nbniet fis-seklu tnax iżda reġgħet twaqqgħet madwar l-1263 meta l-Imperu Musulman rebaħ lill-kruċjati. Id-dar reġgħet baqgħet intatta, mirduma taħt it-terrapien.
L-istorja tal-tranżlazzjoni tad-Dar ta’ Nazaret tibda fl-1291, meta l-kruċjati tkeċċew mill-Art Imqaddsa.
It-tradizzjoni tgħid li d-dar sparixxiet mill-Palestina u dehret f’villaġġ ċkejken f’dik li llum hija l-Kroazja. Saċerdot kien baqa’ skantat meta nnota din id-dar li ġiet mix-xejn u wara li talab kellu dehra tal-Madonna li qaltlu kif id-dar kienet dik fejn seħħet it-tħabbira tal-Anġlu.
It-tradizzjoni tkompli li meta l-Musulmani kienu viċin li jerġgħu jaħbtu għal fejn kienet din id-dar, fl-10 ta’ Diċembru tal-1294, xi raħħala raw id-dar ta’ Nazaret tiġi ttrasportata mill-anġli, sakemm fl-aħħar waslet fil-post fejn għadha sal-lum, f’Loreto, wieħed mill-akbar Santwarji Marjani li kull sena jiġbed lejh eluf ta’ pellegrini.
Iżda vera kienu l-anġli li ġarrew din id-dar? Minkejja din it-tradizzjoni popolari, xi fatti juru mod ieħor. X’aktarx li din id-dar kienet ittrasportata, fis-seklu tlettax, minn familja Biżantina, bl-għan li jsalvawha mill-qerda tal-Imperu Musulman.
L-isem ta’ din il-familja nobbli kien ‘Angeli’ jew ‘de Angelis,’ li jfisser “anġli” kemm bil-Grieg u anke bil-Latin.
L-Għaqda tal-Armar tħejji ħafna armar ġdid
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Rudolph Cauchi, Direttur tal-Għaqda Armar Għajnsielem li spjega kif min illejla se jżur il-festa se jinduna li ġie mżanżan ħafna armar ġdid.
Fil-fatt, spjega Cauchi, ġew imżanżna tliet statwi ġodda, waħda ta’ San Luqa għall-pjazza ta’ quddiem il-Knisja l-Antika u anke l-ewwel żewġ appostli għal Triq il-Fawwara.
Saru wkoll żewġ pavaljuni ġodda għal Triq Anġlu Grech u l-ewwel bandalora minn sett ta’ 22 għall-pjazza.
Apparti minn hekk, tlesta x-xogħol fuq il-pedistalli tal-profeti li jintramaw fil-pjazza ewlenija ta’ Għajnsielem.
Dan apparti xogħol ieħor ta’ restawr, frott il-ħidma ta’ ħafna voluntiera.
Il-Banda San Ġużepp tgħallem 10 studenti
Ma tistax titkellem dwar Għajnsielem jew il-festa tal-Madonna ta’ Loreto u ma titkellimx dwar l-Għaqda Mużikali San Ġużepp.
Tkellimna mal-President Ġino Cauchi li spjega kif il-banda tieħu sehem attiv kważi fil-ġranet kollha tal-festa.
Iżda apparti minn hekk, kompla jispjega l-President, il-Banda San Ġużepp tieħu sehem f’ħafna mill-festi ta’ Għawdex tant li tiftaħ l-istaġun bil-festa ta’ Sant’Antnin f’Għajnsielem stess u tagħlaq bil-festa tal-Bambina fix-Xagħra.
Dan apparti li l-banda tieħu sehem f’għadd ta’ attivitajiet oħra li jsiru f’Għajnsielem, fosthom fil-Milied meta jittella’ Betlehem f’Għajnsielem.
Iżda x-xogħol ma jiqafx hemm. Ġino Cauchi spjega magħna kif il-banda għandha rwol importanti fit-tagħlim tal-mużika f’Għawdex. Fil-fatt għandha tliet surmastijiet li jagħmlu l-banda u bħalissa għandha 10 studenti.
Dwar ix-xogħol li sar fil-każin, il-President saħaq li fl-aħħar jiem tlesta x-xogħol fuq il-kamra tal-kumitat tal-Għaqda Mużikali, fejn wieħed isib ukoll l-arkivji tal-banda.
X’nafu dwar il-vara tal-Madonna ta’ Loreto?
Il-vara tal-Madonna ta’ Loreto, maħduma fil-kartapesta kienet ġiet ordnata wara li fl-1865 kienet faqqgħet il-kolera f’Għawdex, iżda minn gżira sħiħa, Għajnsielem biss kien ħeles minn din il-marda.
Il-poplu ta’ Għajnsielem kien għamel wegħda li jekk jinħeles minn din il-mara, jagħmlu vara tal-Madonna. Żammew mal-wegħda tagħhom u ħadmu l-vara għand id-ditta Galard et Fils ta’ Marsilja.
Jingħad li meta waslet il-vara u fetħu l-kaxxa li fiha kienet tinstab, ma kinux indunaw li magħha kien għad jonqos żewġ anġli. Indunaw biss meta lemħu żewġ granpuni mal-ġenb tax-xbieha tal-Madonna u meta reġgħu fittxew qalb it-tiben, fl-istess kaxxa, sabu żewġ anġli.
Il-vara kienet tbierket fl-14 ta’ Ottubru fl-1866 u twasslet mill-Imġarr sa Għajnsielem f’purċissjoni.
Fl-1920, Wistin Camilleri kien għamel xi xogħol ta’ rinovar fuq il-vara u fl-istess sena ġiet indurata għand Franġisk Portelli tal-Belt Valletta.