Salvata mill-baħar u Inkurunata mis-Sengleani. L-Isla tiċċelebra l-Bambina
L-aktar festa devota tal-Bambina hija dik iċċelebrata fil-Belt tal-Isla. L-ILLUM iżżur il-Bażilika u ddur it-toroq Sengleani mlibbsa għall-Vitorja
It-8 ta’ Settembru. Ilbieraħ il- Knisja iċċelebrat is-solennità tat-Twelid tal-Verġni Marija. F’Malta, din il-festa tieħu tifsira aktar profonda, tant li hija magħrufa aktar bħala l-Vitorja. Bix-xieraq, għax bħal Santa Marija, it-8 ta’ Settembru hija festa oħra Marjana magħġuna mal-istorja tal-Poplu Malti u Għawdxi.
F’dan il-Jum Nazzjonali, infakkru wkoll fir-rebħa tal-Assedju l-Kbir tal-1556 u t-Tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija filwaqt li l-Knisja u l-Insara jirringrazzjaw lill-Madonna għall-interċessjoni tagħha.
Kull rokna tal-gżejjer Maltin tiċċelebra din il-festa, iżda b’mod partikolari fl-Isla fejn fil-Bażilika, imwaqqfa bħala Monument tar-Rebħa tal-Assedju, tiġi ċċelebrata bl-akbar devozzjoni l-festa tal-Bambina.
Kif għamlet kull nhar ta’ Ħadd f’din is-sensiela dwar il-festi, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn il-karatteristiċi li jagħmlu din il-festa waħda partikolari u anke titkellem mas-Sengleani dwar dak li ħejjew għall-festa ta’ din is-sena.
Salvata mill-baħar ... l-eqdem vara proċessjonali f’Malta
Ma tistax titkellem dwar il-festa ta’ Marija Bambina fl-Isla u ma titfax mill-ewwel l-attenzjoni fuq il-vara tal-Madonna li forsi aktar minn festi oħra hija l-qalba u l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet.
L-istorja ta’ din ix-xbieha li s-Sengleani tant jgħożżu tmur lura kważi 400 sena u dan jagħmilha l-eqdem vara proċessjonali f’Malta u Għawdex.
Skont it-tradizzjoni u anke sors li nstab f’manuskritt fl-arkivji tal-parroċċa, din l-istatwa kienet instabet fil-baħar flimkien ma’ bċejjeċ oħra ta’ bastiment, lura fis-seklu 17.
Din l-istatwa, li kienet parti minn dekorazzjoni f'poppa ta' bastiment, kienet ittellgħet fuq bastiment wara li ntlemħet fil-baħar viċin gżejjer li llum jiffurmaw parti mill-Kroazja.
Jingħad li abbord dan il-bastiment kien hemm żewġ Sengleani li talbu lill-kaptan tal-bastiment biex l-istatwa tingħata lill-parroċċa tagħhom.
L-istatwa kienet ingħatat lill-Kappillan Cosimo Talavera fl-1618. Fl-1810, l-iskultur magħruf Mariano Gerada kien għamlilha bażi ġdida li tinkludi sħaba u anke għadd ta’ anġli.
Bejn l-1984 u l-1996 l-istatwa kienet tlibbset bi pjanċi tad-deheb u l-fidda, xogħol li kien fdat f’idejn Giovanni Bartolo.
Ix-xbieha tal-Madonna, bilwieqfa fuq id-dinja, tistrieħ fuq pedistall tal-fidda u warajha raġġiera kbira li tfakkar f’dak imniżżel fl-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu: “Mara liebsa x-xemx.”
Inkurunata b’digriet mill-Vatikan
L-istorja interessanti tal-vara ta’ Marija Bambina mhix l-uniku raġuni għaliex din ix-xbieha hija ċ-ċentru ta’ din il-festa.
F’okkażjonijet diversi, din l-istatwa kienet fiċ-ċentru ta’ pellegrinaġġi kbar nazzjonali. Fost dawn, fl-1781 kien sar pellegrinaġġ penitenzjali nazzjonali fuq ordni tal-Isqof Jacopo Canaves minħabba nixfa kbira li kienet laqtet lill-pajjiż. Meta l-pellegrinaġġ kien fi triqtu lura lejn l-Isla bdiet tqattar ix-xita u ftit wara nfetħu bwieb is-sema.
Pellegrinaġġ ieħor sar fl-1813 meta Malta kienet inħakmet mill-marda qerrieda tal-pesta. Il-Kapitlu tal-Isla kien wiegħed li jekk l-Isla ma tinħakimx mill-Pesta kien se jorganizza tliet purċissjonijiet votivi kull sena, fosthom dik bl-istatwa tal-Bambina fit-8 ta’ Settembru. L-Isla ma nħakmitx mill-pesta.
Id-devozzjoni kompliet tikber u kien dan li wassal lill-Kapitlu Senglean biex jitlob lill-Papa Benedittu XV biex jagħtihom il-privileġġ li jinkurunaw lil din ix-xbieha.
Id-digriet kien inħareġ f’Mejju tal-1920, bl-inkurunazzjoni sseħħ fl-4 ta’ Settembru tal-1921.
Niċċa unika għall-vara inkurunata
Mal-inkurunazzjoni aktar minn qatt qabel, din ix-xbieha, saret iċ-ċentru ta’ din il-parroċċa antika.
Bħax-xbihat oħra inkurunati, fil-maġġoranza tagħhom kwadri, il-vara tal-Bambina saret ikona u fiha wieħed jilmaħ il-preżenza tal-Madonna. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li tinżamm b’mod aktar dinjituż.
Fil-fatt, in-niċċa tal-Bambina hija waħda unika. Fi kliem sempliċi, in-niċċa tal-Bambina tinsab flok il-kwadru titulari, fil-għoli wara l-artal maġġur u t-Tribuna Bażilikali, tant li kull min jidħol il-knisja mill-bieb maġġuri, l-ewwel ma jilmaħ hija propju din ix-xbieha eżatt faċċata.
Ta’ min jgħid li f’Malta ftit huma l-vari proċessjonali li huma inkurunati solennament b’digriet maħruġ mill-Vatikan.
Forsi l-aktar statwa inkurunata magħrufa, anke jekk tinħareġ purċissjoni f’okkażjonijiet speċjali biss, hija dik ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina. Din ix-xbieha antika wkoll tinżamm f’niċċa fuq l-artal fis-Santwarju Ġużeppin li jinsab fil-Knisja ta’ Ġieżu.
Il-funzjoni tal-warda... It-tfal iġeddu l-wegħda tal-Inkurunazzjoni
Anke jekk għaddew kważi mitt sena, it-Tifkira tal-Inkurunazzjoni għadha tiġi ċċelebrata b’solennitàkbira kull sena nhar l-4 ta’ Settembru.
Filgħaxija ssir quddiesa solenni tat-Tifkira tal-Inkurunazzjoni iżda filgħodu ssir ċelebrazzjoni unika u sabiħa li għaliha, il-Bażilika tal-Bambina tkun mifqugħa bit-tfal.
Din il-funzjoni hija magħrufa bħala “Tal-Warda.” Fil-fatt, wara quddiesa, żewġt itfal mill-parroċċa jippreżentaw warda tad-deheb lix-xbieha tal-Bambina.
Iċ-ċelebrant jitla’ taraġ li jintrama ħdejn l-istatwa u jpoġġi din il-warda ħdejn is-sieq tal-Bambina fost iċ-ċapċip tat-tfal kollha preżenti u l-kant sabiħ tal-innu: “Issa ntemmew ix-Xewqa ta’ Qalbna.”
Din il-warda saret fl-1971 fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-Inkurunazzjoni. Is-Sengleani riedu li jpattu għall-fatt li fil-25 anniversarju ma setgħux jiċċelebraw minħabba l-Gwerra u għalhekk l-Arċipriet Giovanni Sladden ordna din il-warda tad-deheb għall-vara tal-Bambina.
Din tpoġġiet għall-ewwel darba f’riġlejn il-Madonna mill-Kardinal Giacomo Lercaro, Arċisqof ta’ Bolonja, fl-4 ta’ Settembru tal-1971.
Artal quddiem il-vara tal-Bambina
Minħabba dak li tkellimna dwaru, jiġifieri l-fatt li din il-vara hija Inkurunata u għalhekk sagra aktar minn kwalunkwe xbieha oħra, quddiemha ma jitpoġġewx sempliċiment gandlieri bix-xemgħat, kif isir kważi kullimkien, iżda fil-ġranet tal-festa jintrama quddiemha artal.
Tant hu hekk li ċ-ċelebrazzonijiet tan-Novena, jiġifieri l-Kant tas-Salve Reġina u l-Antifona, il-quddiesa tal-warda u anke wħud mill-quddies ta’ nhar it-8 ta’ Settembru, ma jsirux fuq l-artal maġġur, iżda fuq dan l-artal quddiem din ix-xbieha Inkurunata.
Matul dan l-istaġun tal-festa, rajna din il-karatteristika fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta.
Fil-fatt, dawn iż-żewġ xbihat devoti, huma l-uniċi tnejn fil-gżejjer Maltin li quddiemhom, fil-ġranet tal-festa, jintrama artal u li fuqu tiġi ċċelebrata l-Quddiesa.
Bażilika Monument tal-Assedju
Kif għidna, mal-Maltin, il-festa tal-Bambina hija magħrufa aktar bħala l-Vitorja u aktar u aktar fl-Isla fejn il-Kolleġġjata u Bażilika ddedikata lit-Twelid tal-Madonna ġiet imwaqqfa bħala monument tar-rebħa fuq il-Mislem.
Kif inhu xieraq, din il-knisja hija l-għożża tas-Sengleani u s-Sagristan Gino Parnis flimkien mat-tim tiegħu jaraw li ma jkun jonqosha xejn.
Fil-fatt, tidħol meta tidħol f’din il-Bażilika, tolqtok l-indafa. Tkellimna ma’ Parnis li spjega magħna kif għalkemm il-festa tiġi ċċelebrata f’Settembru, minn Ġunju jibdew bit-tfarfir tal-knisja, minn fuq sa isfel nett.
Malli jidħol Awwissu, ftit ftit il-Bażilika tibda tilbes il-libsa tal-festa u dan bis-saħħa tal-voluntiera li meta s-Sagristan isejħilhom, ikunu lesti biex jgħinuh.
Parnis spjega kif matul is-sena jsir ħafna xogħol fil-knisja iżda apparti minn hekk ikun għaddej xogħol ieħor, li ma jidhirx, ta’ restawr ta’ diversi opri li jżejnu l-Bażilika fil-ġranet tal-festa.
Semma, kif fost proġetti oħra, bħalissa għaddej proġett biex jiġu rranġati l-imħażen fejn jintrefa’ l-armar tal-festa u dalwaqt se tkun qed terġa’ tinżebagħ mill-ġdid il-knisja kollha u jsirilha dawl ġdid. Dawn fost proġetti oħra li hemm ippjanati għal din il-Kolleġġjata.
Tal-armar iħejju biex jarmaw ix-xatt b’20 bandalora ġdida
Anke jekk l-enfasi tal-festa tal-Bambina fl-Isla huma aktar iċ-ċelebrazzjonijiet interni, l-Għaqda Festi Esterni Marija Bambina taħdem matul is-sena mhux biss biex torganizza festa esterna xierqa u dinjituża, iżda anke biex tlibbes it-toroq tal-Belt Senglea.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Kurt Bonello, responsabbli mill-armar, li tkellem dwar ix-xogħol li sar matul l-aħħar sena mill-voluntiera.
Bis-saħħa ta’ din il-ħidma fis-skiet, din is-sena se jkun qed jitkompla l-proġett ta’ armar ġdid fi Triq l-Arċisqof Mattei. Din is-sena se jinħareġ pavaljun ġdid, żewġ bandalori sfumati u anke pittura ġdida.
Tkompla wkoll ix-xogħol fuq il-pavaljuni fi Triq il-Maċina.
Bonello spjega kif apparti armar ġdid, ikun għaddej ħafna xogħol ta’ manutenzjoni. Fil-fatt ġew irrestawrati l-iskudi li jintramaw fejn ix-xbieha ta’ Malta u anke fuq l-erba’ kolonni ta’ Triq il-Vittmi tal-Gwerra.
Mistoqsi xi proġetti qed iħejju għas-snin li ġejjin, Bonello spjega kif is-sena d-dieħla se jkunu qed jibdew proġett kbir ta’ 20 bandalora ġdida għax-xatt, fost proġetti oħra.
Il-Banda La Vincitrice qed tħejji tmien bandisti ġodda
Tkellima wkoll ma’ Rodney Muscat, Kaxxier tal-Banda La Vincitrice, il-banda ċittadina tal-Isla, li spjega kif apparti s-sehem attiv tal-banda fiċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru f’din il-belt, fosthom il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, il-banda tiffoka ħafna fuq l-aspett mużikali.
Fil-fatt, preżentament, il-banda qed tgħallem lil tmien studenti.
Bla dubju ta’ xejn, il-festa hija l-aktar żmien impenjattiv għall-Banda La Vincitrice.
Muscat spjega kif minkejja li s-Soċjetàmhix l-organizzatur tal-festa, bi ftehim mal-parroċċa, torganizza hi l-kunċert annwali tal-4 ta’ Settembru u l-marċ ta’ filgħodu tas-7 ta’ Settembru. Apparti minn hekk tieħu sehem ukoll fi ġranet oħra tal-festa.
L-Isla fuq l-għatba ta’ tliet anniversarji importanti
Fl-2021 l-Isla se tkun qed tiċċelebra tliet anniversarji importanti.
F’sena waħda biss se tiċċelebra l-100 sena minn meta l-Knisja Kolleġġjata saret Bażilika Minuri, il-100 sena mill-Inkurunazzjoni u l-150 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda La Vincitrice.
Il-Kaxxier tas-Soċjetàħeġġeġ lill-komunità tal-Isla biex tħejji ruħha u tieħu sehem fl-attivitajiet li se jfakkru dawn l-anniversarji, waqt li ħeġġeġ lil dawk is-Sengleani li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom biex jidħlu membri fi ħdan is-Soċjetà.