Birkirkara tħejji biex tilqa' għandha l-Immakulata ta' Bormla

Il-Bormliżi se jkunu qed iġeddu l-pellegrinaġġ nazzjonali li sar fid-19 ta' Novembru tal-1944. Jitħabbar il-programm

Ritratt: Ronald Falzon
Ritratt: Ronald Falzon

Għall-Bormliżi, il-festa ta' din is-sena se tkun qed tibda ħafna qabel is-soltu, hekk kif il-vara devota tal-Immakulata Kunċizzjoni se tkun qed tħalli l-Belt Cospicua lejn il-Kolleġġjata Bażilika ta' Sant'Elena f'Birkirkara.

Dan hekk kif il-Bormliżi qed jiċċelebraw il-75 anniversarju mill-pelegrinaġġ nazzjonali li kien sar bil-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-Kwadru Inkurunat minn Birkirkara għal Bormla, fid-19 ta' Novembru tal-1944.

Biex jipproteġu dawn iż-żewġ teżori mill-bombi tal-gwerra, il-Kapitlu Bormliż kien ħa għall-kenn f'Birkirkara kemm il-vara u anke l-kwadru titulari inkurunat.

Il-Bormliżi kienu għamlu wiegħda. Wiegħdu lil Madonna li jekk tipproteġi l-Kolleġġjata tagħhom mill-bombi, kienu se jagħmlu pelegrinaġġ kbir minn Birkirkara għal Bormla.

Il-Gwerra ħalliet ħerba fil-Kottonera. Il-bombi qerdu tista' tgħid kull triq u dar f'Bormla, iżda l-Kolleġġjata tal-Immakulata baqgħet qawwija u sħiħa.

Il-Bormliżi żammew il-wiegħda tagħhom u nhar id-19 ta' Novembru tal-1944, iż-żewġ xbiehat, mimmi ta' għajnejn il-Bormliżi, ħallew il-Kolleġġjata Elenjana u telqu f'pellegrinaġġ, fost baħar ta' nies li nġabru minn Birkirkara għal Bormla.

Kif sar 25 sena ilu, dan il-pelegrinaġġ se jkun imfakkar din is-sena wkoll u l-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni se tkun qed terġa' tħalli Bormla għal Birkirkara.

Fl-aħħar sigħat, tħabbar il-programm ta' dawn iċ-ċelebrazzjoniet:

  • 1 ta' Novembru: Il-vara tal-Immakulata tinħareġ min-niċċa
  • 3 ta' Novembru: Filgħodu l-vara tal-Immakulata tittieħed Birkirkara, fejn se tgħaddi, fost oħrajn, mill-Paroċċi tal-Fgura u tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun
  • 4 sa 16 ta' Novembru: Ċelebrazzjonijiet fil-Bażilika ta' Sant'Elena
  • 9 ta' Novembru: Tranżlazzjoni tar-relikwa fil-Bażilika ta' Santa Elena bis-sehem taż-żewġ kapitli
  • 10 ta' Novembru: Filgħodu jsir pellegrinaġġ madwar it-toroq ta' Birkirkara bil-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni
  • 16 ta' Novembru: Filgħodu l-Immakulata Kunċizzjoni tħalli l-Bażilika ta' Santa Elena lejn il-parroċċa ta' Kristu Re ta' Raħal Ġdid
  • 16 ta' Novembru: Filgħaxija jibda pelegrinaġġ mill-Knisja ta' Kristu Re lejn Bormla fejn il-vara tirritorna fis-Santwarju tagħha 
  • 17 u 18 ta' Novembru: Ċelebrazzjonijiet fil-Kolleġġjata ta' Bormla
  • 19 ta' Novembru: Quddiesa solenni li tfakkar il-pelegrinaġġ tad-19 ta' Novembru 1944

Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu bil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni mit-28 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru.

 

More in Festi