Wara l-allegazzjonijiet fuq il-Kappillan, titħassar il-festa esterna ta' Santu Wistin

Diversi baned li kienu mistiedna ħabbru li s-servizz tagħhom tħassar, inkluż banda li kellha takkumpanja l-purċissjoni

Patri Deo Debono quddiem il-vara ta' Santu Wistin
Patri Deo Debono quddiem il-vara ta' Santu Wistin

Wara l-allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront tal-Kappillan tal-Parroċċa ta' Santu Wistin Patri Deo Debono, il-festi esterni tal-festa ta' Santu Wistin li qed tiġi ċċelebrata matul din il-ġimgħa, kellha titħassar.

Fil-fatt, wara li lbieraħ is-siti illum.com.mt u maltatoday.com.mt ikkonfermaw li Patri Deo qed ikun interrogat u investigat b'rabta ma' serq ta' pitturi mill-Kunvent Agostinjan, tħassar il-marċ u l-programm mużikali li kellha tagħmel is-Soċjetà Filarmonika Unjoni ta' Ħal Luqa.

Jidher li l-bandisti kienu laħqu nġabru quddiem il-Knisja Parrokjali ta' Santu Wistin iżda ftit wara li ntemmet il-Quddiesa tat-Tridu, li fiha kkonċelebra Patri Deo Debono stess, il-bandisti ġew infurmati li l-marċ u l-programm tħassar.

Intant, aktar tard filgħaxija, diversi baned li kienu mistiedna għall-marċi u anke għall-purċissjoni li kellha ssir nhar il-Ħadd li ġej filgħodu, kitbu fuq il-midja soċjali biex javżaw lill-bandisti li s-servizz tagħhom tħassar wara li tħassru "l-festi esterni."

Fost dawn kitbu s-Soċjetà Filarmonika Santa Venera V.M u anke esponent tal-Banda San Ġużepp tal-Kalkara.

Fi stqarrija maħruġa mill-Provinċja Agostinjana, kien ikkonfermat dak li ġie rrappurtat minn dan is-sit, bil-Provinċjal jisħaq li l-festi interni se jsiru kif ippjanati. Dan ifisser li llum u għada se jkompli t-Tridu u nhar is-Sibt fis-6:30pm se ssir il-Quddiesa solenni tal-festa.

Il-Purċissjoni bil-vara ta' Santu Wistin li kellha ssir nhar il-Ħadd filgħodu mhux se ssir lanqas.

Intant il-Provinċja Agostinjana saħqet li se tibqa' viċin din il-parroċċa b'mod partikolari dawk li jaħdmu fiha, inkluż dawk involuti fil-ħidma għall-festa.

Patri Deo Debono
Patri Deo Debono

Appellat ukoll biex kulħadd iħalli l-Pulizija u l-Qrati jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom.

Dan is-sit jinsab infurmat illi l-Pulizija interrogat lill-Kappillan tal-paroċċa ta' Santu Wistin tal-Belt Valletta Patri Deo Debono fuq l-akkużi ta' serq ta' pitturi mill-kunvent ta' Santu Wistin u ċensier tal-fidda mill-monasteru tas-Sorijiet Agostinjani fil-Belt ukoll.

Diversi rapporti oħra saħqu li Patri Deo se jkun qed jitressaq il-Qorti nhar it-Tnejn.

Ftit wara li ħarġet l-aħbar, il-Kurja bagħtet stqarrija li fiha ntqal kif Patri Deo Debono tneħħa minn kappillan tal-Parroċċa ta' Santu Wistin. 

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ddeċieda wkoll li Patri Deo Debono ma jeżerċitax il-ministeru saċerdotali fil-pubbliku sakemm jibqgħu pendenti l-investigazzjonijeit tal-Pulizija u kwalunkwe proċedura quddiem il-Qrati Ċivili.

More in Festi