Tad-Daħla jiċċelebraw lil Santa Katarina; festa żgħira bi ftit minn kollox
L-ILLUM iżżur il-festa ta’ Santa Katarina li komunità żgħira tiċċelebra fl-inħawi magħrufa bħala Tad-Daħla fir-Rabat
L-istaġun tal-festi għalaq il-ġimgħa li għaddiet iżda dan bl-ebda mod ma jfisser li qabel Ġunju tas-sena d-dieħla l-ħoss tal-festa Maltija mhux se jinstema’.
Apparti l-festi magħrufa bħala tax-xitwa, fosthom l-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla u r-Rabat Għawdex, San Pawl tal-Belt u San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina, matul ix-xhur li ġejjin jiġu ċċelebrati diversi festi żgħar f’għadd ta’ kapelel mifruxa madwar Malta u Għawdex.
Fil-fatt, illum, qed tiġi ċċelebrata dik magħrufa bħala l-festa ta’ ‘Santa Katarina Tad-Daħla,’ fir-Rabat. Dan l-irħajjel żgħir, li fih jgħixu madwar 15-il familja jinsab nofs triq bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli.
Anke jekk xi ftit jew wisq imwarrab, il-familji residenti madwar il-kappella antika ta’ Santa Katarina jxammru l-kmiem biex jiċċelebraw il-festa tagħhom lil din il-Qaddisa martri u anke jekk ma għandhomx ir-riżorsi tal-festi l-kbar, jorganizzaw festa li tista’ tgħid hija minjatura tal-festa tradizzjonali Maltija.
Minjatura, għax anke jekk żgħira fid-daqs tagħha, tista’ tgħid li fiha ssib kollox, baned, nar, armar, knisja, statwa, purċissjoni u la hemm il-Maltin, ma jonqosx l-ikel.
L-istorja ta’ Santa Katarina Tad-Daħla
Il-kappella ddedikata lil Santa Katarina tinsab qalb ftit djar, iżda ħafna għelieqi u ħdura mill-isbaħ li taf toffri l-kampanja Maltija.
L-inħawi, jissejħu “Tad-Daħla,” għax din iż-żona hija bħal daħla lejn ir-rabat.
Il-ġrajjiet marbuta ma’ din il-kappella, anke jekk mhijiex l-ewwel waħda, imorru lura ħafna snin. Inbniet, waqgħet, inbniet sakemm kellha terġa’ tinħatt biex tinbena dik li għadha sal-lum.
Tista’ tgħid li din il-kappella minn dejjem kienet għal qalb il-bdiewa li kienu joqogħdu fl-inħawi iżda anke familji nobbli għenu biex dan l-irħajjel ikollu l-kappella tiegħu.
Din il-kappella nbniet għall-ewwel darba madwar is-sena 1500. Tissemma fil-kitbiet ta’ Monsinjur Pietru Dusina meta fl-1575 beda jżur il-kappelli fil-kampanja. Jikteb dwar l-istat ta’ telqa li kienet tinsab fih, fosthom minħabba l-faqar u anke l-attakki tal-furbani.
Tant kemm kienet mitluqa, li l-istess Dusina ordna li din tingħalaq.
Il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid fis-sena 1628, bis-saħħa ta’ ċertu Indrì Vassalloli offra l-artijiet tiegħu u bena minn flusu l-knisja. Minn diversi deskrizzjonijiet li jeżistu, jidher li kienet knisja sabiħa u miżmuma ħafna.
Iżda ġara li fil-viżta ta’ Dun Albin Portoghes, mibgħut tal-Isqof Paolo Alpheran de Bussan, fl-1744, il-kappella nstabet fi stat ħażin ħafna, x’aktarx minħabba terremot li seħħ fis-sena ta’ qabel.
Anke jekk ma twaqqgħetx għalkollox, il-knisja kellha terġa’ tinbena għal dik li għadna naraw sal-lum.
Kemm ilha tiġi ċċelebrata l-festa?
Anke jekk kienet tiġi ċċelebrata fuq skala ħafna iżgħar, tista’ tgħid li l-festa ta’ Santa Katarina ilha tiġi ċċelebrata f’dawn l-inħawi għal mijiet ta’ snin.
Fil-fatt, Monsinjur Duzina, meta żar din il-kappella fl-1575, jiġifieri l-ewwel kappella, jikteb li f’jum il-festa ta’ Santa Katarina, il-Kappillan ta’ Ħad-Dingli kien jieħu ħsieb li jsir it-talb tal-Għasar u anke jqaddes Quddiesa.
Dan ifisser li dan l-inħawi ilhom ’il fuq minn 450 sena jiċċelebraw lil Santa Katarina.
L-istess kien jagħmel Indrì Vassallo. Wara li nbiet kappella ġdida, kien jassigura li l-festa tibqa’ tiġi ċċelebrata b’quddiesa u anke kien joffri ikel lil dawk li kienu jattendu.
U xi jsir fil-festa llum?
Illum il-festa ħadet xejra differenti u saret tiġi ċċelebrata fuq numru ta’ ġranet.
Anke jekk hija festa żgħira, tista’ tgħid li għandha ftit minn kollox.
Il-festi ta’ ġewwa jinkludu l-ħruġ min-niċċa, quddiesa lejlet il-festa u ċelebrazzjonijiet nhar il-festa, inkluż quddiesa bil-paniġierku.
Fuq barra, il-festa tiġi ċċelebrata fuq tlett ijiem. Il-Ġimgħa jsir BBQ għar-residenti tal-inħawi u r-Rabtin u dawk kollha li jkunu jixtiequ jattendu u li matulu jkun hemm ukoll il-ħruq tan-nar.
Lejlet il-festa jsir marċ u programm mużikali mill-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat u ssir ukoll fiera bil-lotterija b’risq il-festa.
Din għadha ssir l-antika. Dawk preżenti jixtru l-biljetti bin-numru u tiddawwar ir-rota. Min jirbaħ ikollu ċans jagħżel minn għażla kbira ta’ rigali.
L-għada, f’nhar il-festa, terġa’ ssir fiera oħra sakemm il-purċissjoni, akkumpanjata mill-banda, iddur l-inħawi, bil-logħob tan-nar ma jonqosx.
Il-preżentazzjoni tat-trabi qabel id-dħul
L-ILLUM dejjem tinsisti li kull festa fiha l-karatteristika tagħha. Anke jekk żgħira, anke din il-festa għandha l-karatteristiċi tagħha.
Diġà semmejna l-fiera, iżda xi ħaġa li ma ssibha fl-ebda festa oħra hija l-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi qabel l-istatwa ta’ Santa Katarina tiddaħħal lura fil-kappella ddedikata lilha.
Fil-fatt, diversi familji jinġabru quddiem ix-xbieha tal-martri, b’mod partikolari dawk li kellhom it-tfal fl-aħħar sena.
Is-saċerdot li jkun mexxa l-purċissjoni jgħolli lit-tfal, wieħed wieħed u waħda waħda quddiem Santa Katarina fost it-talb u ċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.
Ilha 11-il sena taħdem għall-kappella u għall-festa
Ġeneralment l-organizzaturi tal-festi, b’mod partikolari dawk involuti fl-armar kemm tal-knisja u anke tat-toroq ikunu rġiel, iżda f’Santa Katarina tad-Daħla sibna lil Lydia Galea taħdem bla nifs biex kull sena, dawn l-inħawi Rabtin jibqa’ jkollhom festa xierqa.
“Ilni 11-il sena sagristana,” qaltilna Lydia Galea b’sodisfazzjon waqt li spjegatilna li x-xogħol tagħha ma jinvolvix il-festa biss.
Matul is-sena, Lydia taħdem biex iżżomm il-kappella pinna, biex nhar ta’ Sibt, kemm fis-sajf u anke fix-xitwa, tiġi ċċelebrata l-quddiesa.
“Niġi niftaħ, indoqq il-qanpiena u nipprepara l-artal għall-quddiesa,” spjegatilna Lydia.
Ovvjament, meta tersaq il-festa, ix-xogħol jiżdied. Anke jekk żgħira, din il-kappella hija armata bid-damask, il-linef u anke b’artal maġġur mill-isbaħ.
“Nibdew bit-tindif tal-knisja, innaddfu wkoll il-linef u ftit ftit nibdew narmaw id-damask u l-bqija,” qaltilna Lydia. “Jiġu jgħinu r-raġel, it-tfal u anke nies li jgħixu madwar il-kappella.”
Ta’ kull sena, Lydia u l-ħbieb tagħha Tad-Daħla, jaraw x’se jivvintaw. Is-sena li għaddiet żanżnu fjokk għal-lampier u anke żewġ sopraporti ġodda li din is-sena saritilhom l-iskultura biex issa jkunu jistgħu jiġu indurati.
Ix-xogħol ma jonqosx lanqas fuq barra. Wara 20 sena nieqsa, din is-sena ġiet irrestawrata l-arma bil-kliem “Viva Santa Katarina V.M” li tinxtegħel bil-bozoz u tpoġġiet f’tarf dan l-irħajjel biex tilqa’ lil dawk kollha li jżuru din il-festa.
Naturalment, bħal kwalunkwe festa, l-ispejjeż ma jonqsux u Lydia, flimkien mal-familja u anke l-voluntiera l-oħra, jieħdu ħsieb biex meta tersaq il-festa jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet b’risq il-festa.
X’nafu dwar l-istatwa ta’ Santa Katarina?
Il-bdiewa, mill-ftit li kellhom, baqgħu jkabbru din il-festa u maż-żmien nibtet ix-xewqa li tinħadem statwa li tirrappreżenta lil Santa Katarina Verġni u Martri.
Ir-Rabti Ġlormu Dingli ntalab jaħdem din l-istatwa fl-1958 u ħadimha fuq il-vara titulari li Mariano Gerada kien ħadem għaż-Żurrieq.
Tad-Daħla ma kinux kuntenti bil-vara biss. Riedu li jżejnuha wkoll u din ġiet sgraffita minn Willie Attard u maż-żmien saritilha mhux biss niċċa u bradella iżda anke kuruna tal-fidda u raġġiera għal fuq rasha.
Min kienet Santa Katarina?
Santa Katarina twieldet f’Lixandra, fl-Eġittu, fl-aħħar snin tas-seklu tlieta. Il-familja tagħha kienet waħda nobbli.
Ommha kienet mara Nisranija u rabbiet lil Katarina fit-tagħlim Nisrani, li kienet tgħożż l-imħabba tagħha lejn Kristu u l-Knisja tiegħu.
Meta l-Gvernatur Massimo ordna f’isem l-Imperatur Ruman Dioklezzjanu biex kull membru tal-Imperu jadura allat tal-Imperu, Katarina waqfitlu.
Kien dan li swielha ħajjitha tant li qatgħulha rasha. Skont it-tradizzjoni, dan ġara dis-sena 305, meta kellha madwar 18-il sena.
Dokumenti oħra jirrakkontaw kif qabel qatgħulha rasha, Santa Katarina ġiet mitfugħa l-ħabs, minn fejn irnexxielha tikkonverti mhux biss lil diversi suldati, iżda anke lill-mart il-Gvernatur Massiminu.
Meta arrestawha, Katarina kienet offruta ħafna rikkezzi u privileġġi, fosthom li tkun mart il-Gvernatur innifsu, iżda dan jekk tiċħad il-fidi Nisranija.
Iżda dan kien kollu għalxejn, tant li flok ikkonvertew lilha, l-għorrief li qabbad Massiminu biex jikkonvertuha, spiċċaw biex saru Nsara huma stess.
Dan irrabja mhux ftit lil Massiminu, tant li ħaraq ħajjin mhux biss lill-filosfi, iżda anke ordna tortura ħarxa għal Katarina.
It-tfajla qaddisa tpoġġiet bejn żewġ roti kollha xfafar bil-għan li jbiċċru l-ġisem tagħha, iżda skont it-tradizzjoni, l-istess roti nqerdu bl-intervent ta’ Alla. Propju għalhekk li fix-xbiehat tagħha, Santa Katarina tidher dejjem bir-rota mkissra.
Wara dan, Massiminu ordna li jaqtgħulha rasha. Mal-mewt tagħha, il-ġisem tal-qaddisa ttieħed lejn il-peninsula tas-Sinaj fejn ġie mgħożż u mħares f'kappella fuq l-ogħla muntanja tas-Sinaj, magħrufa sal-ġurnata tal-lum bl-isem ta' Santa Katarina, Ġebel Katrin.
Santa Katarina ta’ Lixandra hija meqjusa wkoll bħala l-għarusa mistika. Jingħad li Katarina kellha viżjoni, fil-lejl ta’ wara l-magħmudija tagħha, fejn il-Madonna dehret tippreżenta lil ĠesùBambin.
Il-festa liturġika ta’ Santa Katarina tiġi ċċelebrata fil-25 ta’ Novembru.