Ir-Rużarjanti Gudjani jiċċelebraw l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Banda La Stella
L-ILLUM iżżur il-festa tal-Madonna tar-Rużarju, din is-sena waħda speċjali għax il-partitarji ta’ din il-festa ċċelebraw il-100 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali La Stella
Jekk hawn festa, apparti dik ta’ Marija Addolorata, li hija ċċelebrata tista’ tgħid f’kull parroċċa, bla dubju din hija l-festa tal-Madonna tar-Rużarju, li l-Knisja tiċċelebra fis-7 ta’ Ottubru, ix-xahar iddedikat lit-talba tar-Rużarju.
Fil-Gudja, il-festa tal-Madonna tar-Rużarju tiġi ċċelebrata b’solennità akbar, tant li din hija waħda miż-żewġ festi sekondarji ċċelebrati bi kbir f’din il-parroċċa.
Fil-fatt, għal min ma jafx, jekk hawn lokalità li ma tixbax tiċċelebra l-festi, bla dubju ta’ xejn din hija l-Gudja. Apparti l-festa titulari tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija (Santa Marija), l-istess parroċċa tiċċelebra bi kbir il-festa tal-Madonna tar-Rużarju, fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru u dik tal-Madonna taċ-Ċintura, fl-aħħar Ħadd tal-istess xahar.
Huwa sigriet magħruf, li anke jekk Santa Marija hija l-festa titulari ta’ din il-parroċċa u r-raħal antik u ċċelebrata mill-Gudjani kollha, iż-żewġ festi sekondarji huma ċċelebrati bi kbir miż-żewġ soċjetajiet mużikali ta’ din il-lokalità, liema żewġ soċjetajiet mużikali mhux biss għandhom il-fergħat tal-armar tagħhom iżda anke l-kmamar tan-nar rispettivi tagħhom.
Għall-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Gudja, il-festa ta’ din is-sena hija waħda speċjali, hekk kif qiegħed ikun imfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-istess Soċjetà li llum qed tiċċelebra l-festa tal-Madonna tar-Rużarju
Mitt sena taħdem biex tkabbar il-festa tar-Rużarju
L-istorja tas-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Gudja tmur lura għall-ewwel xhur wara li ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija.
Fl-1919, tliet persuni mill-Gudja ftehemu li jwaqqfu ċ-Circolo Musicale La Stella, bil-għan ewlieni tagħhom ikun li jifformaw orkestra biex fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju tibda ddoqq kemm fil-knisja kif ukoll fil-festa esterna.
Biex ikollhom fejn jiltaqgħu, Gio Marija Abdilla, Anġlu Dalli u Carmelo Zammit krew dar fi Triq id-Dejqa.
Xi ħaġa kurjuża u interessanti huwa kif is-soċi taċ-Circolo La Stella, fl-1925, jiġifieri ftit snin biss wara li waqqfu l-orkestra, xtraw karozza tal-linja.
Ħafna minnhom kienu ħaddiema tat-Tarzna u dak iż-żmien, l-uniku mezz li kellhom biex jinżlu għax-xogħol kienet xi karozzella, karettun jew il-mixi. Għalhekk ħasbu li jixtru din il-vettura biex twassal lill-ħaddiema Gudjani.
Dan jixhed kif bħal kull soċjetà oħra f’Malta u Għawdex, sa mit-twaqqif tagħha, anke La Stella tal-Gudja kellha funzjoni soċjali u ċivika, apparti dik kulturali.
Ma għandniex xi ngħidu, din il-karozza tal-linja, li semmewha St Mary, kienu jużawha għal ħarġiet li kienu jorganizzaw biex iżuru festi oħra fl-irħula tal-madwar.
Maż-żmien dan iċ-Circolo La Stella kompla jikber, tant li fl-1936, l-orkestra nbidlet f’banda u l-1971 inxtrat binja ħafna akbar li La Stella għadha tuża sal-lum bħala s-seda tagħha.
Għal xi żmien, din il-binja kienet isservi bħala r-residenza tal-Kappillan u anke bħala post għat-tagħlim tad-duttrina.
Sadanittant, il-festa tal-Madonna tar-Rużarju kompliet tikber u kien fl-1986 li s-Soċjetà Filarmonika La Stellaxtrat proprjetà oħra biex isservi bħala kamra tan-nar, biex hekk, b’mod uffiċjali, twaqqfet La Stella Fireworks Factory, biex taħdem in-nar mhux biss għall-festa tal-Madonna tar-Rużarju, iżda anke għall-festa ta’ Santa Marija.
Fl-1990, il-kumitat tas-Soċjetà xtara proprjetà oħra biswit il-każin, bil-ġnien tagħha nbidel f’bitħa għall-istess sede.
Iżda l-festa tar-Rużarju kienet ilha tiġi ċċelebrata...
La ċ-Circolo Musicala La Stella kien twaqqaf biex idoqq fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju, ifisser li din il-festa ma bdietx mitt sena ilu, iżda kienet diġà stabbilita sew fil-Gudja.
Fil-fatt, il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju tal-Gudja hija waħda mill-eqdem fratellanzi tar-Rużarju f’Malta, hekk kif taf il-bidu tagħha lis-sena 1588.
Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju kienet taħdem mhux biss biex tiċċelebra l-festa tal-Madonna tar-Rużarju iżda anke biex tkabbar id-devozzjoni lejn it-talba tar-Rużarju.
Il-fratellanza għandha artal li jinsab fil-kappellun li huwa ddedikat lil Madonna tar-Rużarju, fil-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi tal-Gudja.
Fuq dan l-artal wieħed isib pittura ta’ Ġużeppi Salerno li turi lill-Madonna tar-Rużarju ma’ San Duminku, Santa Katarina, San Nikola u anke San Ġorġ.
Il-fratellanza hija propretarja ta’ diversi ornamenti sagri li jintramaw fil-ġranet tal-festa, fosthom lampier tal-fidda, lanterni, gandlieri u anke ventartali li jintramaw mhux biss fil-festa tar-Rużarju, iżda anke fil-festa titulari ta’ Santa Marija.
Dan biex ma nsemmux is-sopradvalja u anke l-istandard imżejna b’disinn tar-rakkmu mill-ifjen.
Mit-tħawwil tas-siġar, sa statwa tal-ġebel u bandiera ġdida...
Din is-sena ma stajniex ma nitkellmux mal-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Michele Mifsud li tkellem magħna dwar id-diversi impenji li s-Soċjetà organizzat matul l-aħħar sena.
Iżda għamlet dan mhux biss permezz ta’ opri artistiċi ġodda jew programmi mużikali, iżda anke ħadet inizjattivi ambjentali.
Fil-fatt, Michele Mifsud spega kif matul l-aħħar sena, is-Soċjetà organizzat attività ta’ tħawwil ta’ siġar taż-żebbuġ fi Ġnien il-Qari, fil-limiti ta’ Bir Miftuħ.
Iżda l-attivitajiet mużikali u kulturali ma naqsux. Fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira, fil-Knisja Arċipretali, ittella’ programm ta’ mużika sagra fejn ġie mistieden is-Surmast Taljan Pasquale Aiezza.
Ittella’ wkoll programm Vokali u Strumentali li kien taħt il-patroċinju tal-President George Vella fejn kixef ukoll plakka kommemorattiva.
Biex jitfakkar dan l-anniversarju, saret bandalora ġdida, Madonna tar-Rużarju maħduma fil-ġebla Maltija, arblu ġdid ta’ 60 pied li ġie rregalat mis-Sezzjoni Żgħażagħ u bandiera ġdida tas-Soċjetà.
Briju kemm trid iżda devozzjoni waqt il-purċissjoni
Il-Gudja hija magħrufa għan-nar u anke għall-briju waqt il-marċi mill-partitarji taż-żewġ soċjetajiet mużikali.
Il-Ħadd filgħodu, is-Soċjetà Mużikali La Stella torganizza l-marċ brijuż ta’ filgħodu, iżda filgħaxija, il-purċissjoni tieħu forma ta’ pelegrinaġġ.
Fil-fatt, il-banda mistiedna tilqa’ l-ħruġ tal-purċissjoni iżda ma tkomplix takkumpanja l-purċissjoni.
Waqt il-purċissjoni, sakemm l-istatwa terġa’ tfeġġ fil-pjazza, tingħad it-talba tar-Rużarju.
Il-banda, tibqa’ fil-pjazza, fejn tesegwixxi programm mużikali u tistenna biex terġa’ takkumpanja l-vara tal-Madonna tar-Rużarju fid-dħul tagħha fil-Knisja.
X’nafu dwar il-vara tal-Madonna tar-Rużarju?
L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju li tinħareġ f’purċissjoni nhar l-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, mhijiex l-ewwel waħda fil-Gudja.
Qabilha kien hemm statwa antika tal-injam, liema statwa llum tinsab fil-kappella tal-Lunzjata.
Din l-istatwa tal-injam hija xogħol Anton Chircop u nħadmet fl-1851. Interessanti li din kienet toħroġ darbtejn fis-esena sena, jiġifieri fil-festa tal-Warda u fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju.
Fl-1921 beda x-xogħol fuq l-istatwa li għadha titgawda tal-lum, liema statwa nħadmet fil-kartapesta mill-istatwarju Angelo Dalli.
L-istatwa nħarġet għall-ewwel darba fl-1922.
L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju tistrieħ fuq pedistall mill-isbaħ, maqtugħ fuq erba’ skrolli.
Aktar tard saret ukoll il-bradella. It-tnejn li huma saru fuq disinn ta’ Manuel Buhagiar.