Avveniment speċjali f'Bormla waqt il-purċissjoni bil-Madonna tar-Rużarju
Il-purċissjoni se ssir illejla fejn il-vara tal-Madonna tar-Rużarju se tittieħed fil-Knisja ta' Santa Tereża
Illejla, f'Bormla se tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Anke jekk din tiġi ċċelebrata kull sena, din is-sena se tkun waħda speċjali.
Normalment, il-festa tal-Madonna tar-Rużarju, f'Bormla, tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ġimgħa ta' Ottubru, iżda din is-sena se ssir illum, fil-festa liturġika tal-Madonna Sultana tar-Rużarju Mqaddes.
Illejla, fis-6:00pm se jibda pelegrinaġġ bil-vara artistika tal-Madonna, xogħol Pietru Pawl Azzopardi. Flok se jgħaddi mit-toroq tas-soltu, il-pelegrinaġġ se jibqa' sejjer sal-Knisja ta' Santa Tereża.
Il-vara tal-Madonna se tiddaħħal f'din il-knisja li fiha, bħalissa, għaddejja n-Novena bi preparazzjoni għall-festa ta' Santa Tereża ta' Avila.
Hemm se tiġi ċċelebrata quddiesa, bil-purċissjoni tkompli wara mill-Knisja ta' Santa Tereża lura għas-Santwarju Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Matul din is-sena, Bormla qed tiċċelebra l-75 anniversarju mill-Pelegrinaġġ Nazzjonali li kien sar minn Birkirkara sa Bormla nhar id-19 ta' Novembru tal-1944, bil-vara u l-kwadru inkurunat tal-Immakulata Kunċizzjoni. Aqra l-programm iddettaljat ta' dawn il-festi speċjali billi tagħfas hawn.