Il-festa għall-Bormliżi tibda minn għada u magħhom jingħaqdu l-Karkariżi
Nhar il-Ħadd li ġej il-Kunċizzjoni ta' Bormla titlaq lejn Birkirkara biex jiġġedded pellegrinaġġ nazzjonali li kien sar b'wiegħda 75 sena ilu
Bormla. Malli tirreferi għal din il-belt, l-ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok hija l-Immakulata Kunċizzjoni. Hija l-mimmi ta’ għajnejn il-Bormliżi u f’Novembru, din l-imħabba speċjali tagħhom lejn l-Immakulata, se tkun iċċelebrata bi kbir f’manifestazzjoni li se tfakkar dak li għamlu 75 sena ilu biex jaqsmu mal-poplu Malti kollu dak li huma jħossu meta jħarsu lejn ix-xbihat għażiża tal-Kunċizzjoni.
Normalment, il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni tibda fit-28 ta’ Novembru, bil-ħruġ famuż tal-vara min-niċċa, lejlet li tibda n-Novena. Iżda din is-sena, il-bieba tan-niċċa se tinfetaħ ħafna qabel, fl-1 ta’ Novembru hekk kif dakinhar se jibdew, jew aħjar se jibdew jilħqu l-qofol tagħhom, iċ-ċelebrazzjoniet li qed ifakkru l-75 anniversarju mill-Pellegrinaġġ Nazzjonali li kien sar minn Birkirkara għal Bormla nhar id-19 ta’ Novembru tal-1944.
Għalfejn kien sar pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla?
L-aktar żona milquta mill-bombi qerrieda tat-Tieni Gwerra Dinjija bla dubju kienet dik ta’ madwar il-Port il-Kbir, partikolarment il-Kottonera.
It-Tarzna, fil-qalba tal-Kottonera, partikolarment Bormla, kienet il-mira ta’ diversi attakki mill-ajru u propju għalhekk li l-attakki mill-ajru bla ħniena ħallew mill-Kottonera ħerba sħiħa.
Kien propju għalhekk li l-Kapitlu tal-Kolleġġjata Bormliża ħa deċiżjoni li ma kienet xejn faċli. Iddeċidew li l-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u anke l-kwadru inkurunat, jittieħdu għall-kenn fil-Kolleġġjata ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara.
Hekk għamlu, iżda qabel ma ħadu dawn ix-xbihat, fis-satra tal-lejl, il-Kapitlu, f’isem il-poplu Bormliż għamlu wegħda mal-Madonna li jekk is-Santwarju u Kolleġġjata tagħhom ma jiġġarrafx kienu se jagħmlu pellegrinaġġ kbir biex iż-żewġ xbihat jitwasslu lura f’darhom, il-Belt Cospicua.
Il-gwerra ġiet! Ħalliet mill-Kottonera ħerba sħiħa. Ir-ritratti jixhdu dan kollu iżda jixhdu wkoll li fost il-bini kollu mġarraf, is-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni baqa’ wieqaf minkejja li l-konsenturi, riżultat tat-theżżiż, għadhom sal-lum jidhru fil-lunetti taħt il-koppla.
Jingħad li fuq Bormla niżlu xejn inqas minn 200 bomba, b’waħda minnhom taħbat eżatt mal-gwarniċ tal-kampnar tal-qanpiena l-kbira.
Il-gwerra għaddiet u l-Kapitlu u l-poplu Bormliż bdew jaħsbu kif se jonoraw il-wegħda li kienu għamlu. Għażlu data. Id-19 ta’ Novembru tal-1944.
Kienu s-siegħa ta’ waranofsinhar meta eluf ta’ Maltin, minn kull rokna tal-gżira, ħonqu l-pjazza tal-Kolleġġjata Elenjana biex jassistu għall-ħruġ tal-vara u l-kwadru tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Wieħed jista’ jobsor x’ħassew il-Bormliżi meta raw ix-xbihat tal-Immakulata jibdew triqithom lura lejn Bormla u x’ħass il-poplu Karkariż li kien se jiċċaħħad minn dawn ix-xbihat li issa anke hu kien sar iħobb.
Tapit ta’ nies akkumpanja liż-żewġ xbihat minn kull fejn għaddew, inkluż il-Ħamrun, il-Marsa u Raħal Ġdid sakemm waslu lura fil-Belt Cospicua, imġarrfa iżda kuntena li reġa’ kellha f’nofsha l-Immakulata.
Tul dan il-pelegrinaġġ kienu ħadu sehem xejn inqas minn 16-il banda u rappreżentanza tal-għaqdiet reliġjużi, soċjali u politiċi Maltin.
Fil-fatt, tista’ tgħid li minn pellegrinaġġ għall-Bormliżi, dan spiċċa pellegrinaġġ nazzjonali fejn il-poplu kollu ħareġ jirringrazzja lill-Immakulata Kunċizzjoni li l-gwerra kienet għaddiet.
Fil-50 anniversarju minn dan il-pellegrinaġġ, il-vara tal-Immakulata kienet reġgħet irritornat Birkirkara u hekk se jerġa’ jiġri x-xahar id-dieħel, fil-75 anniversarju minn dan il-pellegrinaġġ li l-Bormliżi baqgħu jfakkru kull sena.
X’se jiġri eżatt fit-3 ta’ Novembru?
Kif spjegat aktar 'il fuq, din is-sena, il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni se tiftaħ ħafna qabel. Fil-fatt, nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Novembru, wara l-quddiesa tas-6:00pm, se jsir il-ħruġ solenni tal-Immakulata Kunċizzjoni min-niċċa tagħha.
Jumejn wara, jiġifieri nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru, għall-ħabta tat-8:30am, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni se tinħareġ mill-Kolleġġjata tagħha, akkumpanjata mill-Banda San Ġorġ ta’ Bormla, biex tibda triqitha lejn Birkirkara.
Il-vara, abbord trailer se tgħaddi mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura u mill-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun.
Għall-ħabta tal-11:30pm, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni se tasal quddiem il-Knisja tal-Patrijiet Konventwali ta’ Birkirkara biex minn hemm, akkumpanjata mill-Banda Sant’Antnin u aktar tard mill-Banda Duke of Connaught’s, tintrefa’ sal-Bażilika ta’ Santa Elena.
Kuljum, fil-Bażilika ta’ Santa Elena, filgħaxija se jkun hemm quddiesa bil-prietka dwar l-Immakulata Kunċizzjoni u diversi attivitajiet u ċelebrazzjonijiet li se jibqgħu sejrin sakemm il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni terġa’ tħalli Birkirkara.
Fis-7 ta’ Novembru, se ssir festa apposta għat-tfal, b’purċissjoni b’vara żgħira tal-Immakulata Kunċizzjoni, li se tkun inkurunata fuq iz-zuntier tal-Bażilika.
Birkirkara se tiċċelebra festa lill-Immakulata Kunċizzjoni
Il-Bormliżi jiċċelebraw lill-Immakulata Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru, iżda din is-sena, il-poplu Karkariż ħaseb li ġaladarba se jilqa’ għandu l-vara devota tal-Kunċizzjoni, jieħu l-opportunità u anke hu jiċċelebra l-festa tal-Immakulata.
Nhar is-Sibt 9 ta’ Novembru, fis-6:00pm, dejjem fil-Bażilika Elenjana, se ssir it-Tranżlazzjoni tar-Relikwa bis-sehem ta’ Kapitli ta’ Bormla u Birkirkara.
L-għada, il-Ħadd 10 ta’ Novembru, filgħodu, kif jagħmlu b’Santa Elena, il-Karkariżi se joħorġu purċissjoni/pellegrinaġġ bil-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni, li se tkun akkumpanjata mill-banda San Ġorġ ta’ Bormla. Il-purċissjoni toħroġ fid-8:45am.
Din se tgħaddi mill-Pjazza, u Triq il-Kbira, Triq Brared, Triq Anġlu Mallia, Naxxar Road, Ħdejn San Pawl, Triq il-Kbira lura għall-pjazza u l-knisja.
Filgħaxija, fis-7:30pm, se tkun iċċelebrata quddiesa, bir-Rit Straordinarju, fuq l-artal tal-Kunċizzjoni, l-artal li fuqu kien tpoġġa l-Kwadru Inkurunat tal-Immakulata Kunċizzjojni meta kien għall-kenn f’Birkirkara.
Jitfakkar il-pellegrinaġġ ta’ 75 sena ilu ... Pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla
Tlettax-il ġurnata wara li tasal Birkirkara, nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru se ssir it-tifkira tal-pellegrinaġġ tal-1944.
Filgħodu kmieni, fis-7:00am, se ssir quddiesa fil-Bażilika ta’ Santa Elena biex fit-8:00am, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni tinħareġ mill-Kolleġġjata Karkariża u akkumpanjata mill-Banda Santa Elena, timxi lejn l-iskola minn fejn terġa’ taqbad it-trailer biex għal darb’oħra, tħalli lil Birkirkara u tibda triqitha lura lejn Bormla.
Fit-triq, il-pellegrinaġġ se jgħaddi u jagħmel waqfiet quddiem il-parroċċa ta’ Fleur de Lys, Santa Venera, San Gejtanu l-Ħamrun u t-Trinità tal-Marsa sakemm jasal Raħal Ġdid.
Hemmhekk, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni se tidħol fil-Knisja Parrokjali ta’ Kristu Re.
Minn Raħal Ġdid sa Bormla fuq l-ispalla...
Il-pellegrinaġġ se jissokta filgħaxija wara pontifikal li l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed jiċċelebra fil-5:00pm fil-knisja ta’ Kristu Re.
Għall-ħabta tas-6:00pm, il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni se tħalli l-Knisja ta’ Kristu Re u tibda triqitha lejn Bormla, il-belt tagħha , fejn se tingħata merħba mill-isbaħ taħt il-mina ta’ Għajn Dwieli.
Malli l-vara se tasal fi Pjazza Gavino Gulia, il-baned kollha tal-Kottonera, jiġifieri l-Banda Prince of Wales u l-Banda San Lawrenz tal-Birgu, il-Banda Vincitrice tal-Isla u l-Banda San Ġorġ ta’ Bormla, se jsellmu lix-xbihatal-Immakulata bil-kant tal-innu li nkiteb għall-okkażjoni: “Taħt Ħarstek Nistkennu.”
Wara l-pellegrinaġġ se jkompli minn Triq Dom Mintoff, Pjazza Paolino Vassallo, Triq il-Pellegrinaġġ biex il-vara tiddaħħal lura fis-Santwarju tagħha.
Iżda l-festi ma jiqfux hemm...
Il-festi mhux se jieqfu dakinhar.
Nhar it-Tlieta 19 ta’ Novembru, se ssir it-tifkira tal-pellegrinaġġ nazzjonali, eżatt 75 sena wara li l-vara u l-kwadru tal-Immakulata Kunċizzjoni waslu lura Bormla qawwija u sħiħa.
Fis-6:00pm se ssir konċelebrazzjoni solenni bis-sehem tal-Kapitli ta’ Bormla u ta’ Birkirkara.
Il-Kor Tota Pulchra, ser ikun qed itella’ akkademja Muziko Letterarja nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru fil-Kolleġġjata u Santwarju tal-Immakulata. Fiha ser jindaqqu diversi xogħlijiet ġodda ta’ diversi surmastrijiet.
Il-programm jissokta fis-27 ta’ Novembru b’kantata mill-Banda San Ġorġ ta’ Bormla biex mill-għada jkomplu l-ġranet tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni sa nhar it-8 ta’ Diċembru, jum is-Solennità.